“Nemmen li din l-isfida se ġġegħelni nsir plejer aħjar” – Andrè Schembri

Andrè Schembri – bla dubju l-istilla indiskussa tal-futbol Malti fil-preżent jinsab fl-ewwel xahar tal-avventura tiegħu fil-Ġermanja fejn se jkun qed jilgħab mal-klabb mit-Tieni Diviżjoni, FSV Frankfurt.

Andrè Schembri fl-azzjoni ma’ FSV Frankfurt
Andrè Schembri fl-azzjoni ma’ FSV Frankfurt

Dan il-ġurnal għamel kuntatt mal-istess plejer fil-Ġermanja fejn talbu jirrakkontalna x’għadda minnu matul dan l-ewwel xahar f’dan il-pajjiż Ewropew u kif qed iħares ’il quddiem lejn din l-esperjenza unika fil-karriera tiegħu.

Huwa qal “Tlajt Frankfurt fis-17 ta’ Ġunju. L-għada għamilt xi testijiet u mid-19 ta’ Ġunju sa issa t-taħriġ kien darbtejn kuljum. Ġejna kamp ta’ taħriġ fit-8 ta’ Lulju u domna sas-17 ta’ Lulju. S’issa lgħabna xi ħames logħbiet ta’ ħbiberija fejn fihom skurjajt tliet gowls u tajt ħames assists. Kemm ili nilgħab futbol professjonali dan kien l-iktar pre-season iebes li qatt għamilt. F’dan il-mument ninsab għajjien ħafna però dan huwa normali wara li titħarreġ darbtejn kuljum u ma tantx ikollok mistrieħ. 

Issa ninsab ħerqan biex jibda l-istaġun fejn fl-ewwel logħba se nilagħbu barra minn darna kontra FC Heidenheim fit-2 ta’ Awwissu. Iddeċidejt li nitlaq lil Omonia u mmur nilgħab fit-Tieni Diviżjoni Ġermaniża għaliex nemmen li l-livell huwa iktar għoli minn dak ta’ Ċipru. It-tieni Bundesliga huwa meqjus l-aqwa tieni diviżjoni tad-dinja. Klabbs kbar bħal Nuremberg, 1860 Munich, Fortuna Dusseldorf, Bochum u ħafna oħrajn huma ftit mill-klabbs li se nilgħab kontrihom. Wara staġun tajjeb ma’ Omonia fejn skurjajt 17-il gowl nemmen li kien il-mument li nagħmel qabża oħra fil-karriera tiegħi.

L-ambjent hawnhekk huwa kompletament differenti minn dak ta’ Ċipru. Ċipru qisu Malta imma fuq skala ikbar. Meta mort nilgħab Ċipru, mal-ewwel drajt u ssettiljajt. Dil-ġimgħa għalaqt xahar li ġejt Frankfurt u diġà sibt post fejn noqgħod. Qed nissettilja bil-mod il-mod u fi ftit ġimgħat oħra nkun issettiljajt għal kollox. Il-plejers u l-coaching staff hawn laqgħuni ħafna. Did-darba hija naqra iktar faċli biex nissetilja peress li naf il-lingwa Ġermaniża. Ftit tal-jiem ilu affrontajt injury żgħira li kulma kienet daqqa fl-għaksa però ma tliftx taħriġ jew logħob.

Andrè Schembri bil-flokk uffiċjali ta’ FSV Frankfurt
Andrè Schembri bil-flokk uffiċjali ta’ FSV Frankfurt

Kien il-kowċ Benno Mohlmann li ħajjarni niġi. Hu kien il-kowċ li ħadni ma’ Eintracht Braunschweig fl-ewwel sena tiegħi barra minn Malta. Nemmen li qiegħed fil-pjanijiet tiegħu però żgur li m’għandix posti garantit u rrid kull ġimgħa nuri li ħaqqni nilgħab mal-ewwel ħdax. Hija sfida kbira personali għax it-tim huwa kompost minn plejers li kollha lagħbu fil-Bundesliga. Però, għalhekk iffirmajt ma’ dan it-tim għax nemmen li din l-isfida se ġġegħelni nsir plejer aħjar.”

More in Sports