“Kienet sorpriża sabiħa immens!” - Raina Giusti

Ftit tal-jiem ilu l-plejer femminili ta’ Birkirkara Raina Giusti rebħet l-unur prestiġjuż tal-BOV Plejer Femminili tax-Xahar. Il-plejer ta’ Birkirkara Raina Giusti kienet ivvutata bħala l-aqwa plejer femminili fil-Kampjonat BOV l-Ewwel Diviżjoni fix-xahar ta’ Jannar. Giusti hija plejer importanti għall-kowċ Johann Scicluna fit-tentattiv tagħhom li jirbħu l-kampjonati tliet darbiet fuq xulxin. 

Raina Giusti fl-azzjoni fir-rebħa ta’ 2-0 ta’ Birkirkara kontra Hibernians
Raina Giusti fl-azzjoni fir-rebħa ta’ 2-0 ta’ Birkirkara kontra Hibernians

Il-plejer ta’ nofs il-grawnd offensiv ikkreat ħafna moviment fl-attakk Karkariż fir-rebħa ta’ 5-1 fuq Raiders. Bid-doppjetta tagħha fl-ewwel 14-il minuta poġġiet lil Birkirkara fi triqithom għal rebħa komda. Għalqet il-prestazzjoni tagħha f’din il-logħba billi skurjat it-tielet gowl għal hat-trick personali. Bir-rebħa ta’ 2-0 fuq ir-rivali Hibernians, Giusti reġgħet għal darb’oħra mexxiet it-tim ’il quddiem u għenet lil Rachel Cuschieri tiskurja t-tieni gowl tal-logħba. Raina niżlet isimha fost l-iskorers fir-rebħa ta’ 3-1 kontra Kirkop aktar kmieni matul ix-xahar. L-imħabba lejn il-futbol għal Raina bdiet minn ta’ età żgħira permezz tal-familjari li kienu jsegwu l-futbol u ta’ erba’ snin bdiet tilgħab man-nursery tal-Floriana. Mal-Floriana għamlet tmien snin fejn kont fin-nursery tas-subien u b’hekk kelli niffirma sa 12-il sena. T’10 snin telgħet għall-ewwel darba man-Nazzjonal u sentejn wara ngħaqdet mat-tim tan-nisa ta’ Birkirkara. T’14-il sena kellha l-opportunità li tilgħab l-ewwel logħba kompetittiva mat-tim tal-kbar. 

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Raina Giusti nnifisha fejn talabha d-dettalji rigward x’fisser dan l-unur għaliha fejn mal-ewwel qaltilna li:

“Kienet sorpriża sabiħa mmens! Ma kontx qed nistennieha, però ninsab kuntenta li l-prestazzjonijiet tiegħi matul ix-xahar ta’ Jannar ġew ippremjati. Dan ikompli jinkoraġġini u jimmotivani biex inkompli nitgħallem u ntejjeb l-prestazzjonijiet tiegħi fil-grawnd. Nemmen li qed ikollna kampjonat sodisfaċenti, u mil-att personali huwa l-aktar staġun li ħassejtna magħqudin bħala familja waħda fejn ġbidna ħabel wieħed u dan intwera f’kull partita li lgħabna. Għalkemm ninsabu t-tieni post, ir-rebħ tal-kampjonat għadu possibbli u dan huwa l-għan ewlieni tagħna. Miniex persuna li nħares wisq lejn il-futur, nippreferi li niffoka biss fuq il-preżent. Fil-futbol, bħal ħajja, ftit tista’ tippjana l-futur però l-għan ewlieni tiegħi li nkompli ntejjeb il-prestazzjonijiet personali tiegħi kif ukoll nirbaħ aktar unuri mat-tim tiegħi.”

More in Sports