Suċċess kbir għal Nathan Lee Xuereb fl-Ungerija

Nathan Lee Xuereb mal-wasla tiegħu f’Malta flimkien ma’ Chris Agius, Jimmy Bugeja u Edwin Vella
Nathan Lee Xuereb mal-wasla tiegħu f’Malta flimkien ma’ Chris Agius, Jimmy Bugeja u Edwin Vella

Ftit tal-jiem ilu, it-tiratur żagħżugħ Nathan Lee Xuereb rebaħ il-midalja tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej tad-Double Trap tal-Juniors.
Intant, nhar it-Tlieta fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta ngħatat merħba kbira kemm lilu kif ukoll lill-kowċ tiegħu Jimmy Bugeja li kienu għadhom kif irritornaw lura mill-istess Kampjonati Ewropej.
Meta tkellem mal-ġurnalisti, Nathan Lee Xuereb qal li mar l-Ungerija biex jiddefendi t-titlu li kiseb is-sena li għaddiet.  Huwa qal li meta tkun ilħaqt il-quċċata tista’ jew tinżel ’l isfel jew iżżomm l-istess livell u hu kien determinat li dak li ħadem għalih f’dawn l-aħħar xhur isarrfu fil-ġurnata tal-prova.  Fl-aħħar mill-aħħar saħaq Xuereb li tmur għall-kompetizzjoni tkun ma’ tiraturi oħra ta’ livell għoli però l-ġurnata trid tkun tiegħek, trid tkun iffukat biex tirbaħ.
Sabiex jilqgħu lil Nathan Lee Xuereb u anki lil Jimmy Bugeja l-ajruport kien hemm is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, id-direttur sportiv tal-Kumitat Olimpiku Malti u l-PRO TAL-MSSF Edwin Vella.  Sab ukoll il-ħin jiġi jagħti merħba lil Nathan Lee Xuereb, it-tiratur William Chetcuti flimkien mas-sinjura tiegħu u l-wild il-ġdid tagħhom.  Minbarra dawn is-sala tal-wasliet kienet mimlija bin-nies li jappoġġjaw lil dan iż-żagħżugħ fosthom il-ġenituri tiegħu u ħutu flimkien ma’ għadd kbir ta’ nies lebsin flokkijiet b’wiċċ Nathan Lee Xuereb fuqu.

More in Sports