Donazzjoni lil Puttinu Cares mill-Plejers tat-tim nazzjonali

Uħud mill-plejers tat-tim nazzjonali flimkien ma’ uffiċjali ta’ Puttinu Cares
Uħud mill-plejers tat-tim nazzjonali flimkien ma’ uffiċjali ta’ Puttinu Cares

Il-plejers tat-tim nazzjonali Malti tal-irġiel, iktar kmieni matul din il-ġimgħa, kienu involuti f’ġest ta’ karità mill-isbaħ, fejn żaru r-Rainbow Ward fl-isptar Mater Dei u taw donazzjoni lil Rennie Żerafa, f’isem Puttinu Cares, u fil-preżenza ta’ Angele Cuschieri. Id-donazzjoni kienet il-line-up bonus tal-partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet f’Faro, il-Portugall, ix-xahar li għadda, kontra Ġibiltà. Għal kull logħba kemm jekk ta’ ħbiberija u kif ukoll jekk kompetittiva, l-iskwadra ta’ plejers magħżula mill-kowċ nazzjonali jirċievu bonus u din id-darba dan ingħata kollu għal dan l-għan ferm nobbli.
Il-kontinġent Malti, immexxi minn Bjorn Vassallo, Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni, kien jinkludi diversi plejers nazzjonali u l-kowċ nazzjonali Pietro Ghedin. Minbarra donazzjoni fi flus, il-plejers taw rigali oħra lit-tfal, fosthom blalen Adidas li bħalhom qegħdin jintużaw waqt it-Tazza tad-Dinja fil-Brażil. Il-plejers kienu wkoll disponibbli għar-ritratti mat-tfal.
Vassallo spjega li f’dawn l-aħħar snin, saret xi ħaġa normali ħafna li l-Assoċjazzjoni tkun involuta f’ġesti ta’ responsabbiltà soċjali.
“Hu ta’ pjaċir kbir għalina li ngħinu kull fejn nistgħu. Din id-darba kienu l-plejers nazzjonali tagħna li ħassew li għandhom jagħtu donazzjoni bi flushom. Wieħed ma jistax ma jammirahomx u jfaħħarhom ta’ dan il-ġest. Il-futbol jgħaqqad u jferraħ u għalhekk għandu saħħa kbira fil-komunità.”
Rennie Zerafa, f’isem Puttinu Cares, kellu kliem ta’ tifħir lejn l-MFA u l-plejers nazzjonali ta’ Malta. Hu sostna li l-MFA dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tgħin lit-tfal li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ Puttinu Cares.
Din kienet attività oħra relatata ma’ numru ta’ inizjattivi soċjali li l-MFA dejjem kienet minn ta’ quddiem fl-appoġġ tagħhom lejn kull min hu fil-bżonn. Preżenti wkoll waqt din l-attività kien hemm Maria Mifsud, Deputat Segretarju tal-MFA u responsabbli mill-FSR (Football Social Responsibility) u Ivan Vella, Team Manager tat-tim nazzjonali Malti.

More in Sports