Paola BC jirbħu d-decider għat-tieni post fil-Badminton

Azzjoni mill-konfront bejn Paola BC u Birkirkara Go & Fun
Azzjoni mill-konfront bejn Paola BC u Birkirkara Go & Fun

Paola BC rebħu d-decider għat-tieni post meta għelbu lil Birkirkara Go & Fun 3-2. Kif mistenni l-logħba offriet badminton spettakulari u eċitament lil dawk preżenti.
Paola BC lagħbu bl-aqwa formazzjoni li inkludiet lil Jacqueline Grech Licari li rkuprat mill-injury li kellha. Min-naħa l-oħra Birkirkara kellhom tliet plejers imweġġgħin nieqsa - Katerina Vella Ryabkova, Jacqueline Abela DeGiovanni u Ivan Salomone.
Minkejja dan l-iżvantaġġ Birkirkara Go & Fun marru fuq quddiem meta rebħu l-Mixed Doubles permezz ta’ Stefan Salomone / Klara O’Berg li għelbu lil Edmond Abela / Joanne Cassar fi tliet settijiet. Il-koppja Karkariża rebħu l-ewwel sett faċilment 21-5 meta ma tawx ċans lil Abela / Cassar jissetiljaw. Iżda dawn tal-aħħar ġew f’tagħhom fit-tieni sett u rebħuh 21-19. Fit-tielet sett deċiżiv it-taqtigħa kienet bilanċjata sakemm Salomone / O’Berg ħarġu rebbieħa 21-15.
Song Chen Jun għamilhom 2-0 għat-tim tiegħu meta għeleb lil Owen Grech fis-Singles tal-Irġiel. L-ewwel sett kien faċli għal Chen Jun, iżda fit-tieni Grech għamel reazzjoni, għalkemm xorta tilef. Skor finali: 21-6 21-14.
Paola naqqsu d-distakk meta Jacqueline Grech Licari, għalkemm mhux mija fil-mija f’sikkitha, għelbet lil Daniella Galea fis-Singles tan-Nisa. Din tal-aħħar tat wirja pożittiva u tilfet bl-iskor 21-16 21-16.
Birkirkara Go & Fun marru viċin li jirbħu l-logħba fid-Doubles tal-Irġiel. Song Chen Jun / Stefan Salomone ftit sabu diffikultà jirbħu l-ewwel sett kontra Henrik Thomsen / Kenneth Vella, 21-8. Iżda t-tieni sett kien storja differenti għaliex Thomsen / Vella żiedu l-isforzi tagħhom u rebħuh 21-19. It-tielet sett ukoll kien wieħed bilanċjat u offra logħob sabiħ lil dawk preżenti. Kienu l-Pawlisti li rebħu 21-18 u b’hekk għamlu l-iskor 2-2.
B’hekk id-Doubles tan-Nisa kellha tkun deċiżiva. Joanne Cassar / Anna Galea ħarġu determinati u ssiġillaw ir-rebħa għat-tim tagħhom meta għelbu lil Klara O’Berg / Daniella Galea 21-9 21-12, u b’hekk Paola BC temmew il-kampjonat fit-tieni post wara Birkirkara Smart Office Supplies.

More in Sports