Malta se tieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali tal-Pool

It-tim nazzjonali tal-irġiel tal-Pool
It-tim nazzjonali tal-irġiel tal-Pool

Malta se tieħu sehem fil-Kampjonati Mondjali tal-Pool li se jsiru ġewwa Blackpool, l-Ingilterra, bejn it-22 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju. Il-Malta Pool Association se tibgħat erba’ timijiet f’dawn il-kampjonati fil-kategoriji tal-irġiel, Under 18’s, Under 21’s u Over 50’s. Dan se jkun l-akbar kontinġent Malti barra pajjiżna li ħa sehem f’kampjonati internazzjonali tal-Pool.
It-tim tal-irġiel, finalist fl-aħħar kampjonati Ewropej li saru, ser ikun kompost minn Mario Cutajar, Claudio Cassar, Ray Caruana, Kevin Mercieca, Stephen Mangion, Josef Gafa, Wayne Bonnici u Tony Muscat. It-tim taż-żgħażagħ ta’ taħt it-tmintax-il sena ser ikun kompost minn Scott Muscat, Adam Portelli, Ryan Falzon, Ryan Pisani, Christ Zaffarese u Dejan Grech. It-tim taż-żgħażagħ ta’ taħt il-wieħed u għoxrin sena jinkludi lil Dylan Cassar, Lothar Mallia, Christ Zammit u Troy Zammit filwaqt li t-tim tal-Over 50’s se jkun kompost minn Tonio Mifsud, Marcel Micallef u Alfred Attard.
Carmel Cilia se jkun il-maniġer tat-tim tal-irġiel, Pasquale Sciberras se jmexxi t-tim tal-Under 18’s filwaqt li Saviour Mifsud se jmexxi t-timijiet tal-under 21’s u Over 50’s.
F’dawn il-kampjonati se jieħdu sehem tnax-il pajjiż li huma Malta, l-Ingilterra, l-Irlanda, l-iSkozja, l-Irlanda ta’ Fuq, Wales, Franza, South Africa, l-Awstralja, l-Indja, Reunion Island u l-Marokk.
Barra l-kampjonati tat-timijiet kull plejer ser ikun impenjat fil-kampjonati individwali mondjali kif ukoll f’ turnament prestiġjuż imsejjaħ World Masters Tournament li s-sena l-oħra ġie mirbuħ mill-plejer Malti Anton Cuschieri.
Vincent Degiorgio, Segretarju tal-Malta Pool Association kif ukoll teżorier tal-World Eight Ball Pool Federation, ser ikun l-uffiċjal inkarigat mill-kontinġent Malti.
Riżultati kollha tal-kampjonati jistgħu jiġu segwiti fuq is-sit tal-assoċjazzjoni www.maltapoolassociation.com jew fuq il-paġna ta’ Facebook tal-assoċjazzjoni.

More in Sports