Mark Borg elett bħala president ġdid tal-FMA

Il-President il-ġdid tal-FMA, il-Perit Mark Borg
Il-President il-ġdid tal-FMA, il-Perit Mark Borg

Il-Perit Mark Borg ġie elett bħala l-president il-ġdid tal-Futsal Malta Association (FMA) mill-membri tal-Kunsill u d-delegati tal-klabbs waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret ftit tal-jiem ilu fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin.
Il-Perit Mark Borg se jkun is-suċċessur ta’ Donald Spiteri li serva din il-kariga għal dawn l-aħħar sentejn u ġie nominat bħala l-ewwel president onorarju tal-istess assoċjazzjoni.
Fl-ewwel kelmtejn bħala l-president il-ġdid, il-Perit Mark Borg ħassu onorat li se jokkupa din il-kariga hekk importanti.
Irringrazzja lil Donald Spiteri għall-ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar sentejn u ddeskrivih bħala persuna dinamika u influwenti fil-fondazzjoni tal-Futsal Malta Association.
Borg se jkun qed iħares lejn proġett ta’ tliet snin sabiex il-futsal f’Malta jitjieb minn diversi fatturi.
Ix-xewqa tiegħu hi li jidħol kampjonat għaż-żgħażagħ biex jiggarantixxi l-futur tal-futsal f’Malta.
L-assoċjazzjoni se taħdem fuq proġetti ġodda fejn jidħlu Sports Management u korsijiet għall-kowċis.

More in Sports