Qormi Hockey Club jorganizzaw il-kompetizzjoni EuroHockey

L-iskwadra rebbieħa ta’ Qormi Hockey Club
L-iskwadra rebbieħa ta’ Qormi Hockey Club

Qormi Hockey Club organizzaw b’suċċess il-kompetizzjoni EuroHockey Club Champions Challenge IV u s-suċċessi sarrfu ruħhom ukoll fil-grawnd. Total ta’ disa’ logħbiet intlagħbu fuq erbat ijiem li raw żewġ timijiet jirbħu l-promozzjoni għal Challenge III s-sena d-dieħla. Minbarra Qormi HC u Floriana YS, ħadu sehem ukoll erba’ timijiet barranin. Kien hemm Seinajoki Utd (Finlandja), Olcote HC (Ungerija), Kringsja SK (Norveġja) u Inta-Baltic Champignons (Litwanja).
Is-sitt timijiet kienu maqsuma f’żewġ gruppi biż-żewġ timijiet Maltin miżmuma ’l bogħod minn xulxin. Qormi HC rebħu l-logħbiet kollha tagħhom ta’ Grupp B billi rebħu lil Olcote HC 5-1 u lil Kringsja SK 3-0. Floriana YS rebħu l-ewwel logħba tagħhom kontra Seinajoki Utd 4-3 iżda tilfu t-tieni waħda 3-2 kontra Inta-Baltic Champignons. Qormi spiċċaw l-ewwel fil-grupp tagħhom b’għaxar punti filwaqt li Floriana YS spiċċaw fit-tieni post ta’ Grupp A. Dan kien ifisser li l-aħħar ġurnata tat-turnament kienet se tlaqqa’ liż-żewġ timijiet Maltin fi playoff għall-promozzjoni. Il-playoff l-oħra kienet bejn Inta-Baltic Champignons u Kringsja SK.
Inta-Baltic rebħu lil Kringsja SK 2-1 f’logħba missielta ħafna iżda l-attenzjoni ta’ kulħadd kienet fuq id-derby lokali bejn Qormi HC u Floriana YS. Ir-rebħa marret għand Qormi li ħarġu rebbieħa bl-iskor t’4-0. B’din ir-rebħa Qormi ġew rebħu l-logħbiet kollha li lagħbu billi skorjaw tnax-il goal u qalgħu wieħed biss. B’hekk is-sena d-dieħla Qormi HC flimkien ma’ Inta-Baltic se jkollhom l-opportunità li jikkompetu f’Challenge III.
Wara l-logħba, is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius ikkongratula lill-plejers u lill-uffiċjali ta’ Qormi HC u awguralhom għall-parteċipazzjoni tagħhom f’kompetizzjonijiet Ewropej. Waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tat-trofej, Qormi HC u Inta-Baltic ingħataw trofew bħala ż-żewġ timijiet li ġew promossi bil-Qriema jirbħu wkoll żewġ unuri individwali. Juan Sarcia spiċċa t-turnament bħala top scorer b’total ta’ ħames gowls filwaqt li Ramon Chircop ġie magħżul bħala l-aħjar goalkeeper tat-turnament. L-aqwa plejer tat-turnament ħadha Dominykas Varnas ta’ Inta-Baltic.
Finalment, id-direttur tat-turnament Olivier Plate kkongratula lil Qormi HC tal-organizzazzjoni ta’ dan it-tournament u rringrazzja lit-timijiet kollha li ħadu sehem. Huwa faħħar lil Malta għall-ospitalità tagħha u rringrazzja lil Qormi HC u lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey li permezz tagħhom seta’ jseħħ dan it-turnament li ġab fi tmiemu l-istaġun lokali tal-Hockey.

More in Sports