Birkirkara spiċċaw l-istaġun b’punti massimi fil-badminton

Aldo Polidano fl-azzjoni
Aldo Polidano fl-azzjoni

Birkirkara Smart Office Supplies rebħu d-derby kontra Birkirkara Go & Fun fl-aħħar logħba tal-kampjonat lokali tal-badminton, biex spiċċaw l-istaġun b’punti massimi. L-iskor finali ta’ 4-1 ma jirriflettix l-andament tal-logħob għax l-iskor seta’ kien differenti meta wieħed iqis li żewġ logħbiet kienu bilanċjati ħafna. Barra minn hekk Go & Fun, minbarra li kellhom l-aħjar mara tagħhom nieqsa, weġġgħetilhom ukoll Daniella Galea li tat żewġ walkovers.
Iċ-champions marru fuq quddiem meta Aldo Polidano / Fiorella Sadowski għelbu lil Stefan Salomone / Klara O’Berg ta’ Go & Fun fil-Mixed Doubles 21-16, 23-21. Polidano / Sadowski ħadu vantaġġ kmieni fl-ewwel sett u għalkemm il-koppja ta’ Go & Fun ippruvat tnaqqas l-iżvantaġġ, il-koppja ta’ Smart Office Supplies irnexxielha tirbaħ. It-tieni sett kien storja differenti għaliex il-vantaġġ alterna minn koppja għall-oħra sakemm, bi sforz aħħari, Polidano / Sadowski rebħu l-punti.
Go & Fun irritaljaw mill-ewwel meta l-plejer Ċiniż Song Chen Jun rebaħ is-Singles tal-Irġiel f’logħba eċitanti kontra Samuel Cali. Dan tal-aħħar rebaħ l-ewwel sett 21-15 iżda Chen Jun rebaħ it-tieni 21-5. Fit-tielet sett iż-żewġ plejers għamlu ħilithom sakemm Chen Jun rebaħ 21-16 biex ġab parità meritata għat-tim tiegħu.
Smart Office Supplies reġgħu marru fuq quddiem meta Yanika Polidano rebħet is-Singles tan-Nisa. Hi tilfet l-ewwel set 21-23 kontra Daniella Galea iżda mbagħad rebħet it-tieni 21-8. It-tielet sett deċiżiv ma ntlagħabx għax Galea sfortunatament weġġgħet u tat ir-rebħa lil Polidano.
Stephen Ferrante / Cali għamlu ċert mir-rebħa meta għelbu lil Salomone / Chen Jun f’logħba oħra eċitanti fid-Doubles tal-Irġiel, logħba li fiha r-rebħa setgħet marret kull naħa; il-logħba spiċċat 21-19, 22-20.
Smart Office Supplies ingħataw walkover fid-Doubles tan-Nisa minħabba li Galea ta’ Go & Fun kienet imweġġgħa.

 

More in Sports