Tislima lil Teddie Borg

L-eks ġurnalist sportiv u espert fl-ibburdjar, Teddie Borg
L-eks ġurnalist sportiv u espert fl-ibburdjar, Teddie Borg

Il-President u l-Bord tal-Diretturi tal-Kumitat Olimpiku Malti, ingħaqdu mal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali tal-isport affiljati billi wasslu l-kondoljanzi lill-familja Borg wara li nhar l-Erbgħa tħabbret il-mewt ta’ Teddie Borg – isem sinonimu fl-isport Malti għal bosta snin marbut mal-ibburdjar u l-isport tal-baħar.
Il-Kumitat Olimpiku Malti fakkar il-figura ta’ Teddie Borg bħala bniedem illi permezz tal-isport kattar l-ideal sportiv f’bosta setturi kemm f’dak amministrattiv, ġurnalistiku, organizzattiv u wisq aktar fit-tixrid ta’ kultura sportiva f’bosta oqsma tas-soċjetà Maltija.
F’isem dawk kollha marbuta mal-isport lokali mill-ġdid il-KOM wassal il-kondoljanzi lil familja Borg, persważ li dak li wettaq Teddie Borg għal aktar minn ħamsin sena se jibqa’ fost il-ġenerazzjoni sportiva lokali.
Intant, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport flimkien mal-bord tad-diretturi u l-impjegati tal-Kunsill Malti għall-Isport ukoll wasslu l-kondoljanzi tagħhom għat-telfa tal-għażiż Teddie Borg.
Teddie Borg kien inħatar membru tal-bord tal-Kunsill Malti għall-Isport f’Marzu 2013 fejn ta kontribut qawwi fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-aħħar edizzjonijiet tar-Regatta.
Tislima oħra waslet mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports li permezz ta’ stqarrija sellem lis-Sur Teddie Borg - ġurnalist sportiv, amministratur u eks membru tal-istess għaqda.
Is-Sur Borg kien fil-passat ukoll rebaħ l-unur tal-Uffiċjal tas-Sena fil-konkors Għażliet Sportivi Nazzjonali.
Is-Sur Borg kien membru attiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports għal diversi snin u ġurnalist veteran li dejjem ħadem favur l-isport f’pajjiżna speċjalment l-isport relatat mal-baħar. Hu jibqa’ mfakkar għal mijiet ta’ programmi dwar l-ibburdjar “Star Board” li pproduċa u ppreżenta fuq l-istazzjonijiet lokali.
Is-Sur Borg kien strumentali wkoll sabiex f’pajjiżna jikber l-interess dwar l-isport tal-Powerboats fejn fil-passat kien ta’ spalla għaċ-Champion Mondjali Aaron Ciantar u l-familja tiegħu.
Is-Sur Borg riċentament kien responsabbli mill-organizzazzjoni tar-Regatta Nazzjonali fejn kien implimenta bidliet li kienu ntlaqgħu pożittivament mid-dilettanti ta’ dan l-isport.
F’dan il-mument diffiċli l-Għaqda Ġurnalisti Sports offriet il-kondoljanzi tagħha lill-familja kollha Borg speċjalment lis-Sinjura Rose Borg li dejjem kienet ta’ għajnuna waqt il-ħajja sportiva attiva tas-Sur Teddie Borg.

More in Sports