L-aqwa weightlifter mara f'Malta

Yazmin Zammit Stevens - l-aqwa weightlifter mara f'Malta u li żgur li għandha futur mill-isbaħ f'dan l-isport li kulma jmur qed jikber fil-popolarità f'pajjiżna

Yazmin Zammit Stevens
Yazmin Zammit Stevens

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-weightlifting?

Jiena bdejt oriġinarjament fil-cross-fit li hu taħlita ta’ ħafna sports bħall-ġinnastika, endurance, weightlifting. Però l-kowċ tiegħi Roderick Attard induna li kont ħafna aħjar fil-weightlifting u ħajjarni biex nibda dan l-isport.

Meta ppruvajt il-weight lifting ħadt gost ħafna. Meta kkompetejt fl-ewwel kompetizzjoni tiegħi f’Malta ġejt fl-aħħar post fil-kategorija femminili. Għalija li tiġi l-aħħar mhux tajjeb għax jien kompetittiva ħafna, imma minkejja dan ir-riżultat kienet esperjenza li ħadt gost ħafna biha. Lill-kowċ għedtlu li xtaqt nieħu l-weightlifting bis-serjetà u ddeċidejt li nieqaf mill-cross-fit u nibda weightlifting. Id-deċiżjoni ħadtha flimkien mal-kowċ u hu qabel miegħi u inkuraġġieni biex nibdew din l-esperjenza flimkien. Meta ngħid nibdewha t-tnejn flimkien qed infisser li kemm għalija u kemm għalih kienet xi ħaġa differenti għax hu kien kowċ tal-cross-fit u mhux tal-weightlifting biss. Bdejna nitgħallmu l-affarijiet flimkien u kbirna fl-isport flimkien.

Wara l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tiegħi, li kienet fil-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2016, bdejt nieħu l-isport tal-weight lifting ħafna aktar bis-serjetà. Kulma kont ili nittrenja għal din il-kompetizzjoni kienu erba’ xhur.

X’kienet ir-riċetta għal dan l-avvanz?

Xogħol intensiv kuljum. Ħadt riskju kbir li ħalla l-frott għaliex dak iż-żmien kont għadni kif spiċċajt mill-Università.

Is-sigriet nemmen li huwa dan. Li għamilt din id-deċiżjoni li nittrenjah bħala full timer. Il-weight lifting sar stil ta’ ħajja u għamiltu ħajti. Qtajt ix-xorb alkoħoliku, il-ħruġ, is-safar... Sar xogħli.

Hija importanti mmens li ssib in-nies warajk f’deċiżjonijiet bħal dawn.

Ħafna. Dejjem ngħidha din. Li kieku ma sibtx tim sħiħ warajja li jissapportjani, kieku ħajti kienet tkun ħafna iktar diffiċli u ma kinitx tkun possibbli. Il-ġenituri, meta ħadt id-deċiżjoni li nibda l-weight lifting fuq bażi full time, ma qatgħulix qalbi, u ssapportjawni f’din id-deċiżjoni iebsa.

Hawn min jgħid li l-weightlifting mhux addattat għan-nisa minħabba s-saħħa li jirrikjedi? Taqbel?

Naħseb li din hija mentalità pjuttost antika issa. Ma ntihomx tort li jaħsbuha hekk għax forsi trabbew b’din il-mentalità u għadhom mhux jirrealizzaw kemm in-nisa jistgħu jkunu b’saħħithom ukoll. Isibuha diffiċli biex jemmnuha din il-ħaġa.

Kif tibda ssegwi l-isport tibda tinduna li n-nisa verament mela jistgħu jkunu b’saħħithom u għandhom potenzjal

Kif tibda ssegwi l-isport tibda tinduna li n-nisa verament mela jistgħu jkunu b’saħħithom u għandhom potenzjal. U ngħiduha kif inhi, din il-mentalità hija ħafna aktar mifruxa f’ġenerazzjonijiet antiki milli l-ġenerazzjonijiet tal-lum għax illum dan il-ħsieb qed jitnaqqas ħafna.

Hawn dil-mentalità ħażina li jittimbraw mara li tagħmel sport li jirrikjedi din it-tip ta’ saħħa bħala tomboy. Dan mhuwiex il-każ. Huwa sport li jirrikjedi ħafna saħħa u sport li taħsbu li jagħmlek aktar ‘raġel’. Imma meta naħseb fuq il-weightlifters nisa li hawn Malta ninduna kemm huma ‘girly’. Ilbieraħ, fil-fatt, meta kont qiegħda training ma’ mara oħra, tgħidx kemm daħku bina l-kowċ u weight lifter ieħor li jittrenja hemmhekk, meta semgħuna nitkellmu fuq id-dwiefer u x-xagħar li sejrin nagħmlu. Hija vera stramba li jaħsbuna tomboys.   

Jista’ jkun li inti terfa’ piż li weightlifter raġel li jikkompeti ma jerfax?

Rari ħafna. Hawn irġiel Maltin li forsi jien nerfa’ aktar minnhom, però mhux se nerfa’ daqs iċ-champions irġiel, ngħidu aħna Rodmar Pulis u Kyle Micallef. Dan bħal f’kull sport ieħor fosthom fil-futbol u fl-atletika. Qatt m’inti se ssib sprinter mara fl-atletika li se tisprintja aħjar minn raġel.

Kemm tawk sapport weightlifters bħal Rodmar Pulis, Kieran Mifsud, u Kyle Micallef?

L-aktar li nittrenja ma’ Kieran u ma’ Kyle għax Rodmar bħalissa mweġġa’. Ma nafux bħala atleta. Però jgħinni ħafna mentalment u veru jifhem lili u lil ħaddieħor. Huwa dak il-konsulent espert u li nafda fih ħafna. Fil-fatt, minnhom it-tlieta, Rodmar hu l-aktar bniedem li nfittex għal sapport mentali.

Wara li ħadem ħafna għall-Olimpjadi u sfortunatament kellu l-injury, kien tela’ Kyle minfloku. Ara taħseb li kien hemm xi tip ta’ għira jew negattività għal Kyle. Anzi ssapportjah ħafna, u ħaġa oħra li nammirah fiha kienet fil-mod ta’ kif ħares lejn l-injury b’mod pożittiv. Anki bl-injury, illum għadu qed jikkowċja.

Bħala amminstratur imbagħad tagħżel lil Jesmond Caruana? Kif jgħinek?

Iva, mingħajr Jesmond Caruana m’aħna xejn. Inqisuh bħala r-ruħ tal-weightlifting. L-isport ma jkunx l-istess mingħajr il-ħidma kontinwa tiegħu. Apparti li jikkowċjana l-ħin kollu, meta jmur id-dar jibqa’ għaddej u jidħol b’mod individwali fuq kull weight lifter. Jirriċerka x’kompetizzjonijiet nistgħu nagħmlu, x’riżultati għandna bżonn, x’għandna nagħmlu biex intejbu.

Jesmond jaħdem ħafna biex iżommna aġġornati, motivati u jtina miri realistiċi x’nilħqu. Apparti x-xogħol kollu li jagħmel bħala President tal-assoċjazzjoni u bħala kowċ imur oltre minn hekk, imur pass ieħor minn dak li jitlob minnu xogħlu.

Bħala riżorsi fejn tittrenjaw, kif jikkumparaw mar-riżorsi li nsibu barra minn Malta?

Biex inkun onesta, ma naħsibx li għandna l-aktar riżorsi moderni possibbli. Jiena bdejt nittrenja 'The Pit' ma’ Roderick Attard, imma kif kbirt fl-isport, tlaqt nittrenja l-Kottonera mat-tim nazzjonali. Fil-verità, ma naħsibx li għandna l-aktar gym modern u li estetikament jiġbdek, imma wara kollox l-għan tiegħu mhuwiex dan. L-aqwa li għandek gym fejn tista’ terfa’ l-bars u li hemm apparat addattat. Jiġifieri għalija huwa aktar minn biżżejjed.

U hemm nisa li qegħdin jittrenjaw miegħek?

Iva, hawn. Bħalissa f’Malta hawn madwar 30 atleta femminili fil-weightlifting.

Però, donnu int biss tisssemma...

Forsi għax qatt m’għamilna ħoss biżżejjed. Qatt ma kellna livell li jkun jista’ jitla’ jikkompeti. Kemm ili li bdejt jien, rajt titjib fil-livell tan-nisa inġenerali. Mhux għax bdejt jien, imma fl-aħħar sena daħlu aktar nisa.

Nieħu gost jekk jaħsbu li huwa possibbli li tista’ tasal għax jien urejthom li tista’ tasal. Ma tistax tgerger li l-komunità femminili mhix qiegħda tikber u li mhix qiegħda tmur għall-aħjar.

Fost l-unuri lokali u internazzjonali li rbaħt, liem l-aktar li tiftakar?

L-aħħar waħda li kelli kienet ta’ Iżrael, tal-under 23. Irbaħt il-grupp tiegħi u rnexxieli niġi fid-disa’ post overall. Ma konniex qed nistennew dan ir-riżultat għax kellha tkun kompetizzjoni biex inġib daqsxejn esperjenza. Kellha tkun kompetizzjoni biex nibda nidra l-big stages, tibda tidra l-kameras u l-attenzjoni li jagħtuk. Litteralment suppost kellha tkun għall-esperjenza biss. Però xħin rajt l-istart list, kont naf bejn wieħed u ieħor l-avversarji kemm jerfgħu u rrealizzajt qabel ma bdejt li stajt nirbaħ il-grupp. U meta rbaħt il-grupp, irnexxieli nikser seba’ rekords oħra nazzjonali oħra. Dan kien ifisser li kont ksirt 37 rekord nazzjonali s-sena li għaddiet. Kull kompetizzjoni li kkompetejt fiha ksibt xi ħaġa differenti.L-ewwel kompetizzjoni li ħadt sehem fiha ksirt ħames rekords nazzjonali u hija ħaġa pożittiva meta tqis li kont ili nittrenja biss erba’ xhur. Kuntenta ħafna b’dak li ksibt.

Imbagħad mort is-Serbja u ġibt il-medalja tal-bronż fl-isnatch. Kien tournament żgħir però ħadd minna ma kien qed jistenna midalja. Fil-fatt jien kont ġa qbadt il-basket biex nitlaq meta kienu qed jgħajtu r-rebbieħa tal-midalji. Fil-Malażja rnexxieli nikkwalifika għal-logħob Mediterranji. Imbagħad kelli l-esperjenza fl-Iżrael. Wara kelli dik fil-Qatar fejn ġejt il-ħames post overall fost grupp ta’ weight lifters b’talent.

Hija diffiċli li tagħżel minnhom għax kull esperjenza stajt ngħid li mort tajjeb u dejjem għamilt xi ħaġa tajba u aħjar mill-esperjenzi ta’ qabel.

X’inhi d-differenza bejn snatch u clean and jerk?

Snatch hija r-refgħa (lift) li ssir mill-art sa fuq rasek f’moviment wieħed mingħajr brejk. Il-clean and jerk tinqasam f’żewġ movimenti. L-ewwel ikun hemm ir-refgħa mill-art sal-ispallejn u wara li twaqqafha, il-weightlifter ikompliha sa fuq rasu.

U inti tikkompeti fit-tnejn li huma?

Iva, bħala weightlifter irrid nikkompeti fit-tnejn li huma u l-ammont ta’ punti li jġib weight lifter huwa propju t-total ta’ dawn iż-żewġ tekniki. Ma tistax tikkompeti f’waħda biss.

U l-weightlifting bħala sport tqisu bħala arti?

Jiena f’ħajti pruvajt ħafna sports differenti, però tista’ tgħid li l-ġinnastika u l-atletika kienu l-aktar tnejn li kont ħadthom bis-serjetà.

Min-naħa l-oħra, il-weightlifting inħoss li hu differenti minn sport ieħor għax jinvolvi ħafna teknika. In-nies meta jaraw il-weight lifting jaħsbu li huwa saħħa biss, però mhux il-każ. Għalija, it-teknika hija importanti daqs is-saħħa. Jekk int tkun l-aktar persuna b’saħħtek fid-dinja u ma jkollokx it-teknika kif suppost, kapaċi nkun nista’ nerfa’ aktar minnek.

Minn dan il-lat, il-weight lifting huwa arti għax il-mod ta’ kif terfa’ l-weight huwa fundamentali biex ir-refgħa tkun tajba. Tirrikjedi preċiżjoni kbira u jekk il-moviment ma jkunx wieħed perfett, mija fil-mija li m’intix se jirnexxielek tagħmel refgħa tajba.

Jekk tara weight lifters professjonali fi slow motion jirnexxielek tara dan il-moviment perfett u tirrealizza li jkun kważi identiku kull darba li jerfgħu.

Il-media f’Malta kemm tagħti exposure lil weight lifting?

Sħabi jiċċajtaw biha din il-ħaġa. Rodmar ġieli qalli li hu ġab l-istess riżultat tiegħi. Kien ġie fid-disa’ post, li hu l-istess post li ġejt fih jien. Imma l-exposure li ħa hu ma kinitx tibda mal-exposure li taw lili.   

Jiena ma tantx ili li bdejt dan l-isport imma kif bdejtu, bdejt nirċievi exposure malajr ħafna. U onestament ma nafx l-exposure kif kien qabel ma bdejt jien.

Ovvjament għax-xogħol kollu li nagħmlu, hemm lok għall-aktar exposure. Però nitkellem għalija, kont sorpriża bl-ammont ta’ pubbliċità li saritli. Interviews, iġibuni fuq l-aħbarijiet u l-gazzetti. Ma kontx qed nistenna din it-tip ta’ pubbliċità.

Bħala sagrifiċċju u commitments li tagħmel f’dan l-isport xi tgħidli?

Ħruġ noqgħod lura. Nittrenja kull filgħodu mid-disgħa sas-siegħa, nieħu brejk ta’ sagħtejn, u nerġa’ nittrenja mit-tlieta sas-sitta. Wara niġi nagħmel klassi u nerġa’ nibda nipprepara l-affarijiet għall-għada. Il-klassijiet nagħmilhom mit-Tnejn sal-Ħamis, il-Ġimgħa jkolli brejk, u s-Sibt nerġa’ nidħol.   

Sport bħal dan jinvolvi ammont kbir ta’ commitment. Jekk tixtieq tieħdu bis-serjetà kif qed nagħmel jien u forsi tasal xi mkien fejn ħaddieħor qatt ma wasal, ħajtek trid iddur madwar l-isport.

Jekk noħroġ fil-weekend, mhux se noħroġ nixrob. Jekk pereżempju nkun mistiedna għal xi festin mal-ħbieb, ikun hemm min jaħseb li jien stramba għax ma nixrobx inbid u noqgħod nixrob l-ilma. F’dak il-mument,moħħi jgħid li jekk nixrob l-inbid, se nitkisser il-ġurnata ta’ wara u l-għada żgur li taffettwali l-mod ta’ kif nittrenja. Inkun għajjiena u allura nagħżel li noqgħod pass lura. Li niltaqa’ ma’ sħabi jkun biżżejjed.

Jekk pereżempju ommi u missieri riedu jsiefru fi żmien il-Milied, jien ma nħossnix komda mmur magħhom għax noqgħod ngħid li se nitlef it-training u forsi naqa’ lura fil-prestazzjonijiet tiegħi internazzjonali. Fil-verità, ħadd mhu se jġegħelni ma nikolx, nixrob jew insiefer, imma hija għażla tiegħi. La jiena kuntenta hekk, m’għandux ikun hemm problemi li nimxi ma’ din l-istil ta’ ħajja professjonali li għażilt.

Kemm jinvolvi injuries sport bħal dan?

Jekk tittrenja kif suppost, tagħmel kollox kif suppost, iżżomm mal-programm, u ma terfax iktar milli jmissek, ir-riskji li tweġġa’ huma ħafna inqas. Imbagħad trid tagħti kas fatturi oħra, pereżempju trid tara x’jgħidlek il-physio, in-nutrition tiegħek, u tieħu s-supplements li hemm bżonn.

F’xi kompetizzjoni mbagħad hemm ukoll ir-riskji li jistgħu jiżdiedu. Xi kultant f’kompetizzjoni ma tismax is-sinjali li qed jagħtik il-ġisem tiegħek. Jekk pereżempju tħoss xi ħaġa fi spallejk, fit-taħriġ tieqaf mill-ewwel imma f’kompetizzjoni tipprova tagħmel ftit aktar u ma tagħtix kas jekk xi parti minn ġismek tkun qed tagħtik xi sinjal biex tieqaf. Hija riskju li taffaċċja ruħek f’kull kompetizzjoni peress li tkun qed tagħti l-massimu tiegħek.

Fit-taħriġ, s’issa qed nagħmel kollox sew u, għall-grazzja t’Alla, s’issa għadu ma kellix injuries li jżommuni barra mill-isport.

Kemm hu importanti li tkun preparata psikoloġiment fil-kompetizzjoni u mhux fiżikament biss? Nafu wkoll xi ġralu Kyle Micallef.

Din hi l-aktar ħaġa importanti. Aħna mdorrijin nikkompetu quddiem nies li nafu u quddiem ftit nies. Pereżempju Kyle Micallef, meta tela’ l-Olympics minflok Rodmar, ma kienx qed jistenna din l-opportunità. Ma kellux iċ-ċans minn qabel jipprepara ruħu psikoloġikament. Ma kienx imdorri jikkompeti f’kompetizzjoni kbira bħal din. Mentalment trid tkun ippreparat ħafna. Kyle, pereżempju, rajtu jagħmel dik il-weight quddiemi miljun darba. Għalih kienet faċli fit-taħriġ u naf żgur li kapaċi jagħmilha. Allura li titla’ hemmhekk u ma tasalx għaliha, turik kemm fil-weight lifting hemm ukoll ħafna logħob mentali.

S’issa, qabel kull kompetizzjoni, jien ukoll ngħid kemm sa nibża’ imma fuq l-istage rnexxieli naħbi l-biża’ kollu u nsib kunfidenza li qas jien ma naf minn fejn inġibha. Trid tkun kunfidenti ħafna f’dak li tagħmel.

Kemm jgħinek il-weightlifting fil-ħajja personali u fil-karattru tiegħek?

Jien qatt ma kelli problema li nitkellem u nitħallat man-nies, però, indirettament, ċerta li jgħinni mingħajr ma naf.

Il-weight lifting jisfidak mentalment. Meta kont l-Università kien jgħinni ħafna biex nikkonċentra. Meta bdejt nistudja, l-isport għenni niffoka aktar.

Kemm hemm spejjeż involuti fil-weightlifting?

Mhux wisq. Għalkemm iż-żarbun hu pjuttost għali, iservik mhux ħażin. Għal sitt xhur jew sena jaqdik perfettament. Imbagħad hemm forsi dawk il-kapriċċi żejda li jekk tkun trid tista’ tixtrihom.Però biex tibda l-isport, realistikament iż-żarbun biss għandek bżonn.

Qabel kompetizzjoni tagħmel dieta speċjali?

Normalment, qabel kompetizzjoni nkun niżen xi 3kgs aktar milli suppost. Allura qisu xahar qabel il-kompetizzjoni nibda nnaqqas l-ikel u niekol inqas karbojdrati milli suppost.

U meta viċin il-ġurnata jkollok bżonn tonqos dak il-kilo, ġieli jkollok bżonn tgħaddi mill-proċess ta’ dehydration.

Fil-Qatar, pereżempju, li ġrali kien li kelli kompetizzjoni l-Iżrael ġimgħa qabel u hemm kont qed nikkompeti f’tad-69kg, li hija pjuttost komda għalija. Imma fil-Qatar, ikkompetejt f’tat-63kg u ġimgħa qabel kont qiegħda 66kg. Kelli nonqos 3kg f’ġimgħa biex inkun nista’ nikkompeti. Allura hemmhekk daħal ħafna d-dehydration biex ninżel dawk it-3 kg.

Fil-kompetizzjonijiet tagħkom kif jiġi determinat ir-rebbieħ?

Jirbaħ min jerfa’ l-aktar. Hemm imbagħad regoli żgħar bħala teknika. Ma jistax ikollok press, jgħidulha. Meta taqbad il-weight, idejk trid tibqa’ dritta u ma tistax tiċċaqlaq mill-minkeb. F’kompetizzjonijiet bħall-Olimpjadi, jirbaħ min ikollu l-akbar total ta’ punti. Hemm kompetizzjonijiet oħra bħall-World Championship li jagħtu midalja għal min ġie l-ewwel fl-isnatch, min ġie l-ewwel fil-clean and jerk, u min ġie l-ewwel fit-total ta’ kollox.

X’differenza hemm bejn cross fit, weight lighting u powerlifting?

Hemm similaritajiet kbar bejn weightlighting u powerlifting. Hemm ċerti movimenti l-istess. Fil-powerlifting hemm tliet lifts differenti: squat, dead lift u bench press. Aħna nittrenjawhom ukoll għax jgħinuna fil-weightlifting.

Teknikament, il-weightlifting jinvolvi aktar teknika, mentri fil-powerlifting trid aktar saħħa milli teknika. Cross-fit, imbagħad hija taħlita ta’ kollox, taħlita ta’ ħafna sports differenti.

Tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ, speċjalment lin-nisa li forsi qed isibu xkiel għax jgħidulhom li hu sport tal-irġiel?

Iridu jsiru jafu aktar affarijiet fuq l-isport biex ċerti sterjotipi jitkissru. Mhuwiex sport tal-irġiel u mhux bilfors titlaħħam daqskemm wieħed jimmaġina. Jien, pereżempju, tlift ħafna piż u mhux żidt, u nemmen li nidher aħjar fiżikament. Issodajt aktar lil ġismi.

Kemm jekk tagħmel il-weight lifting għall-gost u anki jekk tagħmlu biex tikkompeti f’kompetizzjonijiet, l-isport huwa tal-ġenn u għandu l-vantaġġi tiegħu. Jalla l-mezzi soċjali tiegħi jiksbu aktar popolarità ħalli jirnexxieli nikkonvinċi aktar nies biex jibdew dan l-isport u jsiru jħobbuh bl-istess imħabba li nagħtih jien. 

More in Sports