Fost l-aqwa plejers li pproduċa l-basketball tan-nisa fl-aħħar snin

Sarah Pace - plejer indispensabbli kemm ta’ Caffè Moak Luxol, kif ukoll tat-tim nazzjonali tan-nisa tal-basketball, u li għandha esperjenza wiesgħa ta’ xejn inqas minn 20 sena bħala plejer fil-basketball lokali.

Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Ommi u missieri kienu plejers tal-basketball u ‘l quddiem it-tnejn saru kowċis. Allura minn ta’ età żgħira kont diġà bdejt nara u ninvolvi ruħi f’dan l-isport. Kienu jeħduni magħhom għal-logħob u t-taħriġ u hemm bdiet tinbet il-passjoni tiegħi lejn il-logħba tal-basketball. Finalment, ta’ sitt snin, imxejt fuq il-passi tal-ġenituri tiegħi, Ingħaqadt ma’ tim tal-basketball u bdejt il-karriera tiegħi f’dan l-isport li sal-lum għadni niddedika parti kbira minn ħajti għalih.

Kif sejra mat-tim tiegħek, Caffè Moak Luxol, matul dan l-istaġun?

Bħala tim bdejna l-istaġun fuq nota pożittiva ħafna bir-rebħa tas-Supercup u tax-Shield. Irnexxielna niksbu l-ewwel post fil-klassifika kif ukoll għaddejna għall-finali tan-knock-out u l-Louis Borg Cup. Għandna tim kompost minn ħafna plejers u għandna bilanċ tajjeb ta’ plejers b’esperjenza u plejers żgħar, li wkoll qed juru l-potenzjal tagħhom. Għandna wkoll kowċ ġdid dis-sena li qed ibiddel ċerti prinċipji fil-logħba tagħna biex nibnu strateġija aħjar għall-kumplament tal-istaġun. Nemmen li jekk nibqgħu nirsistu u naħdmu flimkien bħala tim, għandu jkollna staġun ieħor ta’ riżultati pożittivi. 

Fuq nota personali, nista ngħid li s’issa qed ikolli wieħed mill-iktar staġuni pożittivi fil-karriera tiegħi, li bl-għajnuna tal-plejers sħabi ta’ Caffè Moak Luxol, irnexxieli nirbaħ ukoll żewġ unuri personali, fejn irbaħt il-Plejer tax-Xahar ta’ Ottubru kif ukoll dak ta’ Diċembru 2015.

Ġieli kkunsidrajt li tmur tilgħab barra minn Malta?

Naħseb li hija ħolma ta’ ħafna plejers żgħar li jmorru jilagħbu barra min Malta u jien xejn inqas. Minn età żgħira dejjem xtaqt u ħlomt li jirnexxieli nilgħab barra minn Malta, iżda ma tantx kien ikun hawn opportunitajiet għall-plejers lokali. Ilum il-ġurnata bl-introduzzjoni ta’ kowċis barranin u tournaments barra minn Malta qed ikun hemm iktar exposure ta’ plejers Maltin li qed jattiraw ħafna iktar timijiet u scouts barranin.

Madankollu, fortunatament jien xorta kelli l-opportunità li nesperjenza xi tfisser li tilgħab barra minn pajjiżna, fejn fl-istaġun li għadda lgħabt f’Kampjonati tal-basketball ġewwa Londra, meta tlajt biex nistudja għal Masters degree. Kienet esperjenza mill-isbaħ, fejn tgħallimt ħafna u esperjenzajt kwalità ta’ logħb differenti minn dik ta’ Malta, kemm teknikament kif ukoll fiżikament. Il-Kampjonat t’hemmhekk, jikkonsisiti f’ħafna iktar diviżjonijiet u timijiet, li jtuk l-opportunità li tilgħab kontra ħafna timijiet differenti ta’ livell għoli, li sfortunatament din hija ħaġa li f’Malta ma nistgħux nagħmluha. Il-logħob ukoll jinvolvi ħafna ħin biex tivjaġġa, ħaġa li hawn Malta m’aħniex imdorrijin nagħmlu. Bħala stil ta’ logħob ukoll huwa ħafna iktar differenti minn dak li nilagħbu ġewwa Malta, li tatni l-opportunità biex niżviluppa kwalitajiet oħra fil-logħba personali tiegħi.

X’kienu l-esperjenzi li kellek s’issa mat-tim nazzjonali?

Kelli ħafna esperjenzi mat-tim nazzjonali tal-basketball, iżda kull esperjenza ġġib memorji sbieħ. L-ewwel opportunità tiegħi ġiet meta kont mgħajta man-nazzjonal taż-żgħar ta’ 14-il sena għal-Logħob tal-FISEC ġewwa Spanja. Kien ta’ prestiġju kbir li nirrapreżenta lil pajjiżi għall-ewwel darba, fejn irnexxieli wkoll nikseb ħafna ħin attiv ta’ logħob, u statistiċi tajbin. Kelli wkoll l-opportunità nilgħab fil-Logħob tal-FISEC is-sena ta’ wara, fejn b’determinazzjoni kbira rnexxielna niksbu l-ewwel midalja għal Malta fil-kategorija taż-żgħar. Din għalina kienet waħda minn dawk il-mumenti li nibqgħu ngħożżu f’qalbna b’unur kbir. Fl-istaġun ta’ wara, erġajt irrapreżentatajt lit-tim nazzjonali tal-basketball bħala captain fil-Logħob tal-FISEC, kif ukoll fit-tournament tal-European Promotion Cup, ġewwa l-Iskozja.

Eventwalment tlajt man-nazzjonal tal-kbar, fejn hawnhekk kelli diversi esperjenzi sbieħ u prestiġjużi. F’dawn l-aħħar snin ipparteċipajt f’diversi kompetizzjonijiet tal-European Promotion Cup, kif ukoll fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Iżda waħda mill-isbaħ esperjenzi tiegħi tibqa’ dik tal-2010, meta rnexxielna nirbħu l-medalja tad-deheb kontra t-tim nazzjonali tal-Armenja ġewwa darhom. Hija diffiċli ħafna biex tiddeskrivi dik l-emozzjoni li tħoss meta titla’ fuq il-podju mdawra ma’ 11-il plejer oħra shabek, u tisma’ l-innu Malti. Hija ħolma ta’ kull atleta, fejn tħossok kburija ħafna u tiġi konxja li dawk is-sagrifiċċji, sessjonijiet tat-taħriġ u sfidi kollha rriżultaw f’mument impekkabbli. 

Fl-2006 ukoll, kelli l-unur li nirrapreżenta lil pajjiżna fil-Logħob tal-Commonwealth ġewwa l-Awstralja. Dan kien wieħed mill-aktar logħob prestiġjuż u meqjus li qatt ħadet sehem Malta fid-dinja tal-basketball. Kienet esperjenza unika għalina l-plejers, fejn għamilna perjodu qasir ngħixu l-ħajja ta’ plejer professjonali, u nkunu fost l-aqwa plejers u atleti f’diversi dixxiplini li hawn fid-dinja. Naturalment kienet diffiċli ħafna għalina biex nilagħbu u nikkompetu ma’ avversarji ta’ livell daqstant għoli u professjonali, iżda ħadnieha bħala esperjenza unika fejn tgħallimna ħafna kif ukoll rajna tattika ta’ logħob u dixxiplina totalment differenti minn dik li aħna mdorrijin biha f’Malta. Fost kollox, il-fatt li tkun qed tilgħab quddiem folla kbira, f’atmosfera u faċilitajiet professjonali, diffiċli li ma tħossx ċertu emozzjoni u adrenalina.

X’relazzjoni għandek mal-kowċ tat-tim nazzjonali, Angela Adamoli?

Angela Adamoli hija kowċ pożittiva ħafna li tinvesti ħafna ħin biex tiżviluppa l-potenzjal kemm tal-plejers individwali kif ukoll tat-tim. Hi tirrikonoxxi ħafna s-sagrifiċċji li nagħmlu għal dan l-isport, partikolarment fil-preparazzjonijiet għall-kompetizzjonijiet, fejn irridu nibbilanċjaw ħin twil ta’ taħriġ, kif ukoll impenji oħra marbutin ma’ skola u xogħol. Madankollu, hi tirsisti ħafna biex ningħaqdu bħala tim biex inkomplu niżviluppaw l-aħjar logħba tagħna u nkomplu niksbu l-unuri.

S’issa qed ikolli wieħed mill-iktar staġuni pożittivi fil-karriera tiegħi, u rnexxieli nirbaħ żewġ unuri personali: il-Plejer tax-Xahar ta’ Ottubru kif ukoll dak ta’ Diċembru 2015

X’tikkummenta fuq il-Malta Basketball Association mmexxija mill-President Pawlu Sultana?

L-entużjażmu ta’ Pawlu Sultana u l-kumitat il-ġdid ġab ħafna bidliet fil-basketball Malti. Qed jaħdmu u jinvestu ħafna fiż-żgħar, li huma l-qofol tal-isport u nittamaw li jattiraw ħafna iktar tfal lejn l-isport. Qed jagħmlu ħafna iktar investimenti fit-timijiet nazzjonali ta’ kull kategorija. Qed jagħtu iktar importanza lill-preparamenti għall-kompetizzjonijiet tan-nazzjonal, bħal pereżempju jinvestu f’kowċis ġodda, kif ukoll jorganizzaw training camps matul is-sena biex nippreparaw għall-kompetizzjonijiet li nkunu nvoluti fihom aħjar. Għamlu wkoll investimenti oħra fil-bini u fil-faċilitajiet ġodda biex ikomplu jgħinu lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball (MBA). Nittamaw li dawn l-investimenti jgħinu biex iħeġġu aktar nies lejn il-komunità tal-basketball Malti.

Il-media f’Malta tagħti biżżejjed pubbliċità lill-basketball?

Il-media inġenerali ġġib xi artikli fuq il-gazzetti, għalkemm xi drabi jiktbu l-iskors finali biss. Iżda f’dawn l-aħħar snin, il-pubbliċità fuq il-basketball, partikolarment dak femminili, naqset ħafna meta mqabbla ma’ qabel. Għamlu żmien fejn kienu jiktbu artikli dettaljati fuq il-logħob u jsemmu l-logħob fl-aħbarijiet sportivi u anki jġibu filmati ta’ partiti importanti. Saħansitra, anki meta nitilgħu nirrapreżentaw lil pajjiżna u niksbu riżultati tajbin, rari tara media Maltija, gazzetta jew xi aħbarijiet li jirrapurtaw dan. Hija ħasra li ma nagħmlux użu mill-opportunitajiet li ttina l-media soċjali tal-lum biex nagħtu iktar importanza l-isport Malti u nibnu komunitajiet aktar sodi u attraenti.

Però, għalkemm qed ninnutaw tnaqqis fil-media relatata mal-basketball, nixtieq nirringrazzja lit-tim kollu tal-programm ‘3 pointer’ li jsir fuq l-istazzjon nazzjonali TVM, talli sal-lum baqgħu jagħtu l-importanza lill-basketball Malti. Il-programm jagħti rendikont tal-partiti lokali f’kull kategorija, inkluż l-istatistiċi kif ukoll diversi intervisti lill-plejers u kowċis lokali. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Illum wara għoxrin sena nilgħab il-basketball, nista’ ngħid li ggwadanjajt ħafna esperjenza tul il-karriera tiegħi. Dan permezz ta’ bosta avvenimenti li jien ħadt sehem fihom kemm mat-tim lokali kif ukoll man-nazzjonal. Illum, bħal m’għamlu dawk il-plejers ta’ qabli, nixtieq inkompli naqsam l-esperjenza tiegħi mal-plejers iż-żgħar, biex ngħinhom u niggwidahom biex ikomplu jiżviluppaw fil-logħba tagħhom kif ukoll inkomplu nsaħħu l-pożizzjoni tat-tim. ‘Il quddiem, fiż-żmien li niġi biex nieqaf bħala plejer, nixtieq li nerġa’ nibda nikkowċja u naqsam dak kollu li tgħallimt matul il-karriera tiegħi, kif ukoll nieħu opportunità biex ma ninqatax minn din il-logħba li tant hi għal qalbi. 

Bħala plejer ta’ daqstant suċċess fil-basketball lokali, għaddi messaġġ lil dawk il-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball.

Biex tibni karriera fil-basketball Malti mhijiex dejjem faċli. Dan għax trid tiddedika ħafna ħin lil dan l-isport u tagħmel ħafna sagrifiċċji. Kulħadd għandu impenji oħra bejn skola, xogħol, ħbieb u familja, iżda jekk tkun iddixxiplinat u tqassam il-ħin sew, kollox isir possibli! 

Dawn is-sagrifiċċji kollha ma jibdewx mas-sodisfazzjon li tħoss wara li tirbaħ l-unuri kemm fil-kampjonat lokali kif ukoll mat-tim nazzjonali. Hija waħda mill-isbaħ opportunitajiet li taqsam dawn il-mumenti tant sbieħ ma’ sħabek tat-tim li tant inkunu ħdimna għalih.

Jien nixtieq inħeġġeġ lil dawn it-tfajliet biex dejjem jemmnu fihom infushom, jittrenjaw bis-serjetà u b’saħħithom, u jagħmlu l-almu tagħhom biex ikomplu jtejbu l-kapaċitajiet u l-logħba tagħhom. 

Inħeġġiġhom ħafna biex ma jħallu lil ħadd u l-ebda ostaklu jaqtalhom qalbhom sabiex jakkwistaw il-ħolma ta’ ħajjithom. Mhijiex dejjem faċli, u bħalma ssib f’kull aspett tal-ħajja, se jkun hemm mumenti diffiċli u fejn taqta’ qalbek, iżda huma propju dawn il-mumenti kruċjali li jgħinuk biex tiżviluppa kemm bħala plejer kif ukoll mil-lat personali.

Madankollu, dawn is-sagrifiċċji kollha ma jibdewx mas-sodisfazzjon li tħoss wara li tirbaħ l-unuri kemm fil-kampjonat lokali kif ukoll mat-tim nazzjonali. Hija waħda mill-isbaħ opportunitajiet li taqsam dawn il-mumenti tant sbieħ ma’ sħabek tat-tim li tant inkunu ħdimna għalih. 

More in Sports