Fit-tmun ta’ federazzjoni bi proġetti u ambizzjonijiet kbar

David Farrugia Sacco - amministratur tal-isport per eċċellenza, President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis, u viċi-President ta’ Ħamrun Spartans. Għandu proġetti u ambizzjonijiet kbar fit-tmun ta’ din il-kariga, bl-aktar fosthom ikun dak tat-tkabbir b’mod estensiv taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis, f’Pembroke.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-tennis?

Pjuttost sempliċi. Kemm ommi kif ukoll missieri kienu jilagħbu t-tennis. Dak iż-żmien kienet użanza li diversi persuni jmorru fil-Marsa Sports Club. Dan speċjalment għax f’dak iż-żmien, l-affarijiet kienu pjuttost limitati u ferm differenti milli huma llum il-ġurnata, fis-sens li kien hemm inqas x’tagħmel, speċjalment f’dak li jirrigwardja ħajja soċjali. Il-Marsa Sports Club kien jipprovdi okkażjoni unika biex wieħed jipprattika kemm il-futbol kif ukoll it-tennis. B’hekk minn hemm beda kollox!

Taħseb li l-fatt li missierek, li huwa l-eks-President tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC), xprunak biex tnissel fik l-imħabba lejn l-isport fosthom lejn it-tennis, biex b’hekk int tinsab miexi fuq il-passi tiegħu?

 Iva. Ngħidlek il-verità, jien iktar kont inħobb il-futbol, fis-sens li kont nilgħab ma’ Sliema Wanderers fl-Under 13s, fejn kelli 11-il sena, però kien swieni tajjeb għax imbagħad kont lgħabt ukoll ma’ Malta fl-Under 12s. Iżda, mbagħad kont weġġajt l-irkoppa u hemmhekk kont waqaft nilgħab il-futbol. Wara, erġajt bdejt nilgħab mal-minors tal-Ħamrun, li kienet esperjenza sabiħa ħafna. Bejn dawn iż-żewġ esperjenzi, bdejt nilgħab it-tennis, u qatt ma ħarist lura. Il-bidu tal-amminstrazzjoni tiegħi fit-tennis imur lura għas-sena 2000 meta kienet irriżenjat Tanya Gravina minn Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tennis, u li kienet ukoll l-assistenta personali ta’ missieri, Lino Farrugia Sacco, fil-Federazzjoni Maltija tat-Tennis, li dak iż-żmien kien President tagħha. Għalina midħla sew tad-dinja tat-tennis, Tanya Gravina, hija esperta fit-tennis u mhux fil-futbol! Hija persuna ta’ kwalitajiet inkredibbli fl-amministrazzjoni sportiva - persuna li sfortunatament tlifniha mid-dinja tat-tennis, u jien kont sirt Segretarju Ġenerali minflokha fl-2001. Illum il-ġurnata, ninsabu hawn 15-il sena wara, u jien ninsab President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis.

X’tinvolvi eżatt il-kariga tiegħek bħala viċipresident ta’ Ħamrun Spartans fl-amministrazzjoni ċentrali ta’ dan il-klabb bi storja glorjuża fil-futbol Malti, li jimmilita fl-Ewwel Diviżjoni?

Tajjeb insemmi li jien kont ukoll President ta’ Ħamrun Spartans fl-2003, imbagħad ovvjament ikkonċentrajt ħafna fuq ix-xogħol bħalma naħseb li għandu jkun. Però, f’dan l-istaġun, żewġt iħbieb kbar tiegħi, li huma Joe Bugeja u Gejtu Debattista, qaluli li hemm proġett tajjeb u ovvjament il-qalb hemmhekk qiegħda! Naħseb li x-xogħol qed isir u qed isarraf f’riżultati tajbin għal Ħamrun Spartans.

Kollox qed jindika li fi tmiem l-istaġun, intom bħala Ħamrun Spartans, u Gżira United se tkunu ż-żewġ timijiet li titilgħu Premier. Taqbel miegħi?

Naqbel miegħek perfettament. Huma l-favoriti assoluti biex jitilgħu Premier, hekk kif għandhom vantaġġ kbir fuq it-timijiet ta’ wara.

Kif tiddeskrivi lil Marsa Sports Club?

Il-Marsa Sports Club huwa klabb, li jfisser li huwa klabb bħal kwalunkwe wieħed ieħor li huwa membru tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis, jiġifieri m’hemm l-ebda distinzjoni bejn il-Marsa Sports Club u klabbs oħra tat-tennis lokali. Iżda, realistikament, il-Marsa Sports Club huwa wieħed mill-perli li hemm fl-Ewropa, biss biss meta tqis il-kumpless tal-Marsa ftit li xejn hemm postijiet bħalu fid-dinja li għandhom il-faċilitajiet kollha fl-istess sport bħal m’hemm fil-Marsa Sports Club. Dan meta wieħed iqis li dan il-Kumpless mill-isbaħ jinkludi fih piċċ tal-golf u tal-cricket u korsa tal-atletika, jiġifieri bħala ċentru huwa wieħed tassew eċċezzjonali. Però, il-Federazzjoni Maltija tat-Tennis għandha bżonn taċ-ċentru tagħha. Ir-relazzjoni bejn din il-Federazzjoni u l-Marsa Sports Club hija waħda tassew eċċellenti, però naturalment wieħed jifhem li huma qegħdin jipprovdu s-servizzi għall-membri tagħhom. Il-Marsa Sports Club jipprovdi ħafna għall-aspett soċjali tat-tennis. Il-Federazzjoni tagħna,  filwaqt li tagħti l-importanza mistħoqqa lill-aspett soċjali u edukattiv tal-logħba, tagħti importanza kbira wkoll lill-aspett tekniku u speċjalizzat tal-logħba, jiġifieri dak it-tennis li huwa iktar fuq bażi professjonali. U biex int tkattar dawk l-affarijiet, għandek bżonn ċentru tiegħek biex tkun tista’ torganizza minn età żgħira training camps, u skambji ma’ entitajiet barranin.

Kemm qed isiru dawn illum il-ġurnata?

Illum il-ġurnata, sfortunatament, aħna rridu nsibu għax ma jagħmilx sens li int iġġib nies minn barra minn xtutna, fejn se jkollok tuża klabb tat-tennis lokali, u jkollu jagħmel użu mill-court tiegħu, u mbagħad il-klabbs lokali ma jkunux jistgħu jużaw l-istess courts. Minkajja dan, isiru skambji u training camps barra minn Malta, pereżempju matul is-sena l-oħra saru tnejn.

Ikolli ngħid li ssibu problemi finanzjarji biex jirnexxielkom torganizzaw dawn l-iskambji u training camps barra mill-pajjiż. Kemm issibu għajnuna finanzjarja mill-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) u SportMalta?

Mal-Kumitat Olimpiku Malti, bħala Federazzjoni Maltija tat-Tennis, għandna kuntratt annwali u napprezzaw ħafna dak li jipprovdu għalina. Ma’ SportMalta qatt ma kellna relazzjoni daqshekk qawwija f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett finanzjarju, però ovvjament ir-relazzjoni tagħna bħala Federazzjoni hija waħda mill-aqwa mal-Gvern, jiġifieri hemmhekk qegħdin fuq binarji tajbin.

Il-prijorità assoluta għalija bħalissa huwa ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis ta’ Malta f’Pembroke

Il-Kumitat Olimpiku Malti, jagħtina l-’grant’ annwali. Rigward SportMalta, qed nittama li jgħinuna ħafna f’dan il-proġett kbir li għandna taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke, u nkun ferm sodisfatt jekk isir hekk.

Jiġifieri, ikolli ngħid li fost oħrajn bħala Federazzjoni tinsabu f’taħdidiet kontinwi mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport, Chris Agius...

Iva. Chris Agius huwa wieħed minn dawk in-nies, bħalma wara kollox kienu n-nies li kienu jokkupaw l-istess kariga tiegħu fl-passat, li jinsab interessat ħafna li jara dan il-proġett isir realtà. Jien ninsab determinat li jsir reatà u issa m’hemmx triq lura minn dik li diġà bdejna. Qegħdin fi stadju avvanzat ħafna. Li hemm bżonn huwa li litteralment titpoġġa l-ewwel ġebla għal dan il-proġett.

Mill-aspett finanzjarju, aħna qed nippjanaw li nagħmlu dan il-proġett f’diversi stadji, u jsir skont kif ippjanat matul il-medda tas-snin, iżda mingħajr ma ndumu ħafna. Però, jien għandi esperjenza wkoll kif kien sar il-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun, u kemm dam biex isir, il-problemi legali li kien hemm marbuta miegħu u affarijiet oħra. Kif jgħidu, Ruma ma nbnietx f’ġurnata u l-istess jgħodd għal proġett ambizzjuz bħal tagħna. Dan mhux se jkun proġett li se jsir fi żmien sena, però ġaladarba jibda, imbagħad l-andament għandu jkun wieħed faċli.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-Avukatura, mat-tennis u mal-futbol?

Issa ilni 15-il sena avukat, u wara 15-il sena f’din il-professjoni, bniedem għandu jitgħallem kif ikun iktar organizzat, iktar ippreparat u għandu jkun jaf is-suġġett iktar. Biex inġiblek eżempju, ngħidlek li dak li qabel kont indum nagħmel ftit minuti, illum indum minuta biex nagħmlu, għax naturalment tkabbar l-esperjenza fil-kamp legali. It-tennis tant drajtu, biex ma ngħidlekx li tant nafu li ma jeħodli ħin kważi ta’ xejn. Nirringrazzja wkoll lill-membri tal-kumitat sħabi, li huma ferm dedikati u li jgħinuni ferm fix-xogħol tiegħi ta’ President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis. Kulħadd għandu l-irwol tiegħu f’dan il-Kumitat, u anki l-klabbs jgħinuna ħafna, jiġifieri nista’ ngħid li nsib għajnuna kbira mill-persuni kollha konċernati. Fil-każ tal-futbol, huwa impenjattiv daqs it-tennis. Biex intik stampa aħjar, għalkemm bħalissa fil-futbol jien il-viċi-President ta’ Ħamrun Spartans, u fit-tennis, jien President tal-Federazzjoni lokali, kien hemm żmien meta jien kont il-President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis, president ta’ klabb tal-billiard u president ta’ każin tal-banda fl-istess ħin u kont inlaħħaq ma’ kollox. Iżda, minħabba li dawn l-affarijiet li semmejtlek huma affarijiet li nħobb nagħmel ferm, xejn ma narahom ta’ piż għalija, anzi nista’ ngħidlek li jneħħuli t-tensjoni tax-xogħol. 

Bħala riżorsi fejn tennista jittrenja u jilgħab it-tennis f’Malta, tħoss li huma tajbin u aċċettabli?

Aħna tassew ixxurtjati li l-klabbs tat-tennis li għandna f’Malta huma klabbs ta’ livell tajjeb ħafna. L-unika kritika li għandi, li fil-fatt hija awto-kritika hija dik li sfortunatament m’hemmx distinzjoni bejn tennis professjonali u tennis soċjali. Huwa ferm essenzjali li din id-distinzjoni tiġi magħrufa aktar milli hi u minbarra li tiġi rikonoxxuta, in-nies jifhmu li hemm differenza kbira bejn li tilgħab logħba tennis u li tipprattika l-isport. Biex tipprattika l-isport, għandek bżonn riżorsi finanzjarji mhux se ngħidlek mingħajr limitu, però qawwija ħafna.

X’jinvolvu dawn l-ispejjeż fost oħrajn?

Jien għandi tifla tilgħab it-tennis, u tifel jilgħab il-futbol, u nista’ ngħidlek li m’hemmx paragun bejniethom. L-ispiża tal-futbol hija ftit ħafna, meta kkumparata ma’ dik li tinvolvi t-tennis.

Il-media f’Malta kemm tagħti exposure lit-tennis jew tagħmel biss dan waqt tournaments prinċipali bħal mhuwa l-Malta Open? 

Jien minn hawn nixtieq nirringrazzja ħafna lill-ġurnalisti sportivi, għaliex huma dejjem taw l-importanza dovuta lit-tennis. Mhux se nikkumparah mal-futbol. Jien li naf id-dinja tal-isport kollha anki minħabba l-exposure ta’ missieri Lino Farrugia Sacco. Missieri ovvjament esponieni għad-dinja tal-isport kollha. Nista’ ngħidlek li l-futbol waħdu huwa nofs dik id-dinja waħdu - daqshekk huwa kbir, imma ovvjament għandi esperjenza fil-futbol, allura nista’ nagħraf ħafna affarijiet tal-futbol. L-uniku diżappunt li għandi, u se ngħid dan mhux b’mod ġelliedi, iżda ngħidu biex nesprimi diżappunt. It-tennista ferm żagħżugħa Maltija Helene Pellicano rebħet il-European Masters tat-Tennis, u lanqas biss intgħażlet għall-unuri tal-Isportivi Nazzjonali. Biex ngħid hekk, m’hemmx fejn iktar li tennista junior jista’ jilħaq. Dan hekk kif ma jeżisti l-ebda titlu iktar importanti fid-dinja li tennista tista’ tirbaħ ta’ dik l-età. Dan għax Kampjonati Mondjali tat-tennis ma jsirux ta’ dik l-età, il-Kampjonati tal-Juniors ta’ Wimbledon jieħdu sehem fihom tennisti mill-kategorija tal-Under 18s, jiġifieri fil-kategorija tat-tennis li fiha tieħu sehem Helene Pellicano rebħet l-iktar avveniment importanti Open fejn fih ikkompetew tennisti Russi, Ġermaniżi, Spanjoli, Taljani u Franċiżi, fost oħrajn. Jiġifieri, jekk int tirbaħ dak li huwa l-ogħla titlu fil-livell tat-tennis ta’ dik l-età u xorta waħda ma tintgħażilx, ifakkarni f’dak li kien l-eksplejer leġġendarju ta’ AC Milan u tat-tim nazzjonali Taljan, Paolo Maldini, li meta kien tela’ fil-finali tat-Tazza tad-Dinja mal-Italja kontra l-Brażil, kien rebaħ il-UEFA Champions League u l-Kampjonat tas-Serie A fl-Italja lura fl-1994, kien qal li jekk speċjalment difensur ma jirnexxilux jirbaħ il-’Ballun tad-Deheb’, meta jkun rebaħ dawn l-unuri kollha f’sena waħda, ma jirbħu qatt! Dan għalkemm ftit wara, eżattament fl-2006, id-difensur Taljan Fabio Cannavaro, kien rebaħ ‘Ballun tad-Deheb’. 

Biex immur lura għall-każ ta’ Helene Pellicano, m’hemmx unuri iktar importanti li din setgħet tirbaħ u bl-ikbar responsabbiltà nista’ ngħidlek li qatt mhu se jkun hemm xi ħadd Malti, li se jirnexxielu jilħaq dan it-tragward personali. Nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem, li l-fatt li isem Helene Pellicano ma kienx fil-lista finali tal-Isportivi tas-Sena, ma kienx żball tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis. Però, nista’ nifhem li l-ġurnalisti sportivi f’Malta jridu isegwu 48 dixxiplina sportiva differenti. 

Fl-aħħar ġimgħat, id-dinja tat-tennis inħasdet b’każijiet ta’ korruzzjoni fit-tennis internazzjonali li kienet sorpriża minn ħafna li kienu jaħsbu li l-korruzzjoni kienet ineżistenti fit-tennis. Temmen li teżisti l-korruzzjoni fit-tennis kemm lokali kif ukoll internazzjonali, u jekk teżisti kemm taħseb li din hi kbira?

Ngħidlek li jekk teżisti, din hija kważi ineżistenti. Li nemmen li teżisti ftit, hija li meta jiġu ċerti logħbiet, jista’ jagħti l-każ li ċerti plejers forsi ma jilagħbux bl-aħjar mod li bih kellhom jilagħbu però peress li aħna determinati li l-isport tat-tennis huwa nadif, naħseb li mal-ewwel urejna d-diżappunt tagħna meta ġraw dawn l-affarijiet, bħal meta pereżempju tiġi l-aħħar logħba u ma tilgħabx ħalli forsi sieħbek jista’ javvanza fit-tournament li jkun qed jieħu sehem fih, s’hemmhekk li jista’ jiġri rigward dan. Però xiri ta’ logħob u dawn l-affarijiet, nemmen li ma jeżistux fit-tennis f’Malta.

Nixtieq nara titjib f’numru ta’ tournaments tat-tennis li jsiru f’Malta li jkunu aktar strutturati u iktar organizzati

Barra minn Malta, naturalment l-interessi finanzjarji fit-tennis huma kbar u t-tennis huwa sport, li fil-verità meta tara plejer ta’ ċertu livell jilgħab kontra plejer ieħor, ħafna inqas ikkwotat, ikun hemm ħajra iktar għal betting, jiġifieri nista’ nifhem ħafna iktar din il-problema fil-livell internazzonali tat-tennis, għax kulħadd jaf min huma l-plejers tajbin, allura huwa faċli ħafna, li jkollok dak it-tip ta’ betting.

Temmen li fil-futur, għad jasal żmien meta tennista f’Malta, jgħix esklussivament permezz tat-tennis? 

Bl-eċċezzjoni tat-tennista Helene Pellicano, li għad għandha 13-il sena, ma nara lil ħadd li tabilħaqq jista’ jagħmilha, għas-sempliċi raġuni, li jekk int ma tkunx ilħaqt għamiltha sal-età ta’ 16 jew 17-il sena. Jien għandi idea sew ta’ kemm qed jonfqu flus il-ġenituri tagħha biex ituha l-mezzi neċessarji - nista’ ngħidlek li hija somma fenomenali biex hi jkollha karriera professjonali tat-tennis, fejn bħalissa tinsab tgħix ġewwa Sanremo, fl-Italja. Huma qed jinvestu bis-sħiħ fiha. Jekk ma jsirx dan l-investiment fiha, hija ma timxix ‘il quddiem u żgur li m’għandhiex ċans tagħmilha. 

Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis ftit tal-ġimgħat ilu, kont għadek kemm ġejt ikkonfermat bħala president ta’ din il-Federazzjoni għal terminu ieħor ta’ erba’ snin, wara li ma ġejtx ikkontestat minn ħadd. Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’din il-kariga?

Il-prijorità assoluta għalija bħalissa, bħala President, huwa ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis ta’ Malta, li jinsab Pembroke, u li se jkun viċin tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, però nixtieq nara wkoll titjib f’numru ta’ tournaments tat-tennis li jsiru f’Malta li jkunu aktar strutturati u iktar organizzati. Aħna m’għandna l-ebda kwartieri u biex nagħmlu l-laqgħat tagħna bħala Federazzjoni, ikollna niltaqgħu jew fl-uffiċċju tiegħi tax-xogħol, jew inkella għand xi klabb lokali partikolari tat-tennis. 

Bħala President tal-Federazzjoni Maltija tat-Tennis, għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess kemm f’Malta, kif ukoll barra minn xtutna.

It-tennis huwa sport li l-ewwelnett huwa wieħed nadif kif tkellimna qabel. Huwa sport li m’għandux l-ikrah tiegħu, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam ma’ injuries, bħal mhuwa pereżempju ‘contact sport’. Rigward injuries, it-tennis jinvolvi injuries fiziċi, imma ovvjament il-fatt li mhuwiex ‘contact sport’ ifisser li jinvolvi inqas injuries minn sport ieħor - l-inċidenza hija ħafna inqas.

Huwa sport li tista’ tibqa’ tilagħbu u tipprattikah tul ħajtek kollha. Huwa sport li permezz tal-kowċing, tista’ tgħix ħajja tajba ħafna permezz tiegħu, allura naħseb li huwa sport attraenti ħafna.

More in Sports