Kolonna fid-difiża u Viċi Captain tan-Nazzjonal tan-Nisa

Charlene Zammit -  waħda mill-aħjar elementi li pproduċa l-futbol tan-nisa f’pajjiżna fl-aħħar snin. Hija l-viċi-captain tat-tim nazzjonali tan-nisa, waqt li tista’ tiġi meqjusa bħala kolonna fid-difiża ċentrali tal-istess tim nazzjonali.

Kif nibtet fik l-imħabba lejn il-futbol?

Meta kont żgħira kont nilgħab ma’ ħuti subien li huma ikbar minni. Niftakar dawk il-Ħdud li missieri kien jeħodna l-grawnd ta’ Tignè f’Tas-Sliema fejn konna nqattgħu ġurnata niġru u nilagħbu ma’ tfal oħra. Kont noħrog nilgħab ukoll barra t-triq ma’ sħabi u bil-mod il-mod bqajt nevolvi fil-futbol. Fil-Primarja kont nilgħab il-futbol ma’ studenti subien u bl-ikbar umiltà nistqarr li kont tajba daqshom. Fil-fatt, meta llum ġieli niltaqa’ ma’ xi erbgħa minnhom iħobbu jiċċajtaw u jgħiduli,”Tiftakar kemm kont tiskorjalna gowls!” 

Imbagħad kif bdejt is-Sekondarja kont iktar konxja mill-fatt li xi wħud bdew iqisuni bħala ‘tomboy’, u waqaft għal perjodu qasir. Din hija mentalità li sfortunatament għadha teżisti u titfa’ dell ikrah fuq il-futbol tan-nisa hawn Malta. Għaldaqstant sibt il-kuraġġ u erġajt bdejt nilgħab il-futbol mat-tim tal-iskola sakemm fil-Form 5, Gabriella Zahra li llum tilgħab ma’ Birkirkara u mat-tim nazzjonali tan-nisa, stednitni nattendi magħha għal selezzjoni għat-tim nazzjonali tal-bniet ta’ taħt is-16-il sena. Jien mort u miegħi sibt lil Rachel Cuschieri, Stefania Farrugia u Kelly Agius Pace li llum huma kollha sħabi mat-tim nazzjonali. Minn hemmhekk bdejt nilgħab mal-Melita u wara sentejn nilgħab magħhom, ingħaqadt ma’ Hibernians, fejn għadni nilgħab sal-lum il-ġurnata.

Kif tirribatti għall-kritika li ssir minn bosta persuni mhux biss f’pajjiżna, li l-futbol huwa biss għall-irġiel u mhux għan-nisa, minħabba s-saħħa fiżika u l-aġilità partikolari?

Naqbel li hemm differenzi fiżiċi bejn mara u raġel però ma naqbilx li n-nisa mhumiex kapaċi jilagħbu l-futbol. Dan għaliex aħna n-nisa għandna par saqajn bħall-irġiel u moħħ intelliġenti sabiex jifhem il-logħba tant sabiħa. Id-differenza ta’ bejnietna hija dik li minħabba l-muskolatura li jippossjedu futbolers irġiel, huma iktar b’saħħithom minn dawk nisa. B’hekk futbolers nisa u rġiel ma jistgħux jikkompetu kontra xulxin. Jekk tara l-futbol tan-nisa fuq livell mondjali, per eżempju fit-Tazza tad-Dinja tan-Nisa, dawn il-logħbiet jintlagħbu quddiem attendenzi ta’ iktar minn 50,000 ruħ. Meta tħares lejn timijiet nazzjonali tan-nisa bħal mhuma l-Ġermanja u l-Istati Uniti, malajr tinduna kemm il-livell tal-futbol tan-nisa f’dawn il-pajjiżi huwa wieħed ferm għoli. Sfortunatament ikolli nistqarr li f’pajjiżna l-mentalità għadha tqis lill-futbolers nisa bħala inferjuri għal dawk irġiel.

X’tikkummenta fuq wieħed mill-imħuħ wara l-qawmien tal-futbol tan-nisa f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna, u li preżentament qed jokkupa l-kariga ta’ Direttur Tekniku tal-futbol tan-nisa lokali, Pierre Brincat?

Jien lgħabt taħt il-gwida ta’ Pierre Brincat meta kien għadu kowċ nazzjonali. Huwa tabilħaqq il-persuna li flimkien ma’ Alfred Zammit jirrapreżentaw il-bidu tal-futbol tan-nisa f’Malta. Jekk tara l-iżvilupp li sar fil-qasam tal-futbol tan-nisa f’Malta f’dawn l-aħħar snin, ħafna minnu huwa propju grazzi għax-xogħol ferm siewi li għamel Pierre Brincat u li għadu qed jagħmel flimkien ma’ persuni oħra li jaħdmu ġewwa l-MFA. Irnexxielu jiżviluppa akkademji tal-futbol tan-nisa fosthom tal-U11, U13, U15, U19 u l-kbar. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-futbol tan-nisa ta’ madwar erba’ jew ħames snin ilu, malajr jinduna li dawn l-affarijiet tabilħaqq ma kinux jeżistu. 

X’tikkummenta fuq Maria Mifsud, Deputat Segretarju Ġenerali tal-MFA, responsabbli mis-settur tal-Grassroots, li tant għandha għal qalbha l-futbol tan-nisa f’pajjiżna?

Maria Mifsud tagħmel xogħol imprezzabbli. Nixtieq nirringrazzjaha minn qalbi, għax li kieku ma jkunux persuni bħalha, aħna ma jkollniex fejn insemmgħu leħinna. Hi toħroġ barra minn triqitha għall-akbar ġid tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna.

Bħala tim nazzjonali tan-nisa, ħassejtu xi tranżizzjoni partikolari mis-sistemi ta’ kowċing li kien jaddotta Pierre Brincat għal dawk ta’ Mark Gatt?

Meta jkun hemm tranżizzjoni minn kowċ għal ieħor, dejjem ikun hemm ftit tal-bidla. Madankollu, Mark Gatt kien jgħin lil Pierre Brincat bħala assistent kowċ mat-tim nazzjonali tan-nisa, għalhekk nafu sew is-sistemi tal-kowċing li huwa jadotta. Id-differenzi fis-sistemi ta’ kowċing tagħhom huma li taħt il-gwida ta’ Pierre Brincat konna nilagħbu iktar futbol difensiv, waqt li Mark Gatt daħħal iktar mentalità offensiva. Mark Gatt huwa kemxejn iktar avventuruż u qed jistedinna biex navvanzaw iktar bil-ballun nattakkaw u ma nibżgħux mill-avversarji tagħna.

Ma nistax ma nsemmix it-tournament ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa, fejn intom għalkemm kellkom prestazzjonijiet mill-aqwa, fallejtu li tiksbu l-kwalifikazzjoni bi sbrixx. X’ħassejt int personali wara dan id-diżappunt li wasal meta kien hemm arja kbira ta’ ottimiżmu, li tabilħaqq stajtu tilħqu dan it-tragward uniku?

Ovvjament, meta reġa’ ġie tournament ieħor xtaqna li nerġgħu nirrepetu s-suċċess u nikkwalifikaw, iżda fil-fatt kif kulħadd jaf, ma rnexxielniex nagħmlu dan. Ngħid għalija, personalment din kienet daqqa ta’ ħarta psikoloġika, għall-fatt kif tlifna l-aħħar logħba bl-iskor ta’ 4-2. F’dik il-logħba, wara li konna minn taħt, ippruvajna nattakkaw imma mbagħad bdiet tinħass l-għejja tat-tournament kollu. Jien bħala plejer ħassejtha ħafna, speċjalment għall-fatt li rbaħna kontra Georgia fl-aħħar minuti minn gowl ta’ Dorianne Theuma fejn konna wasalna biss pass ‘il bogħod mill-kwalifikazzjoni. Però, din kienet esperjenza li żgur għenitni nikber karatterjalment u tgħallimt ħafna minnha.

Hemm xi logħbiet memorabbli li jibqgħu mmarkati b’ittri tad-deheb fil-karriera tiegħek sa issa?

Jekk se nitkellem fuq livell ta’ klabb, li rnexxielna niksbu t-treble s-sena l-oħra kienet esperjenza sabiħa. Minn hawn nixtieq nirringrazja wkoll lill-president ta’ Hibernians, Tony Bezzina, li apprezza x-xogħol tagħna u għamlilna ċelebrazzjonijiet sbieħ ukoll.

Żgur li ma nista’ ninsa qatt l-logħba valida mill-UEFA Champions League, fejn bħala Hibernians, irnexxielna niksbu draw prestiġjuż u l-ewwel punt ghal tim Malti tan-nisa fiċ-Champions League. Ma ninsiex lanqas il-fatt li f’din l-istess logħba, irnexxieli niskorja l-ewwel gowl tiegħi fiċ-Champions League.

Il-futbol jgħinek taddotta stil ta’ ħajja pożittiva u sana, waqt li jbiegħdek mill-vizzji li jkissru lill-bniedem

Jekk imbagħad naqleb il-paġna fuq it-tim nazzjonali, mingħajr tlaqliq ngħid li l-ewwel logħba li bħala Malta lgħabna kontra l-Ingilterra barra minn darna kienet definittivament l-isbaħ esperjenza għalija s’issa fil-futbol. Fost oħrajn insemmi l-fatt inkredibbli li l-attendenza fil-grawnd kienet dik ta’ bejn 2,000 u 3,000 ruħ. Aħna bħala tim nazzjonali tan-nisa, meta tara dak it-tip ta’ sapport u nkoraġġiment ġej mill-istands, tul il-logħba kollha, jimliek b’ċertu eċitament waqt li jżidlek l-adrenalina. Barra minn hekk, il-fatt li kelli ċ-ċans uniku li nilgħab fl-istess grawnd ma’ plejers ta’ klassi u fama mondjali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ futbol tan-nisa, fosthom Alex Scott, Fara Williams, Faye White u oħrajn, hija xi ħaġa li tagħmlek ferm kburija.

Ikolli ngħid li matul dan l-istaġun intom il-favoriti ewlenin biex terġgħu tirbħu l-Kampjonat għat-tieni sena konsekuttiva, għax tippossjedu skwadra ferm b’saħħitha. Barra minn hekk, timijiet oħra bħal Birkirkara, jidher li qed iħossu ferm in-nuqqas ta’ Rachel Cuschieri. Taqbel miegħi?

Rigward Birkirkara naqbel li t-tluq ta’ Rachel Cuschieri minn magħhom biex tibda avventura ġdida fil-karriera tagħha f’Ċipru ma’ Apollon Limassol, inħass mill-Istripes. Dan hekk kif hi kienet il-play-maker tagħhom. Però, żgur li mhux qed jgħinhom il-fatt li fost oħrajn qed jaffrontaw diversi injuries ta’ plejers importanti. Barra minn hekk, il-fatt li aħna akkwistajna iktar plejers għenna bis-sħiħ biex inkunu iktar b’saħħitna. B’hekk, il-livell tal-logħob tagħna għola mill-istaġun li għadda.

X’tikkummenta fuq l-MFA? Tħoss li din qed tagħmel biżżejjed għall-akbar ġid tal-futball tan-nisa f’pajjiżna jew tħoss li tista’ tagħmel iktar?

Huwa fatt magħruf li l-MFA tul il-medda tas-snin qed tagħti importanza rimarkabbli lill-futbol tan-nisa f’pajjiżna. 

Hemm bżonn li jkun hemm iktar kowċis li jieħdu l-isfida li jikkowċjaw timijiet tan-nisa. Fil-fatt kien hemm min ikkowċja timijiet tan-nisa fil-passat riċenti, u llum il-ġurnata qed jikkowċja timijiet tal-irġiel fil-Premier. Fost dawn insemmi lill-kowċ ta’ Qormi FC, Johann Scicluna, li kien jikkowċja lil Birkirkara, kif ukoll lill-kowċ ta’ St Andrews, Josè Borg, li kien jikkowċja propju lilna l-plejers ta’ Hibernians. 

X’inhuma l-kummenti tiegħek fuq il-kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Hibernians, Keith Gouder?

Wara li l-kowċ Josè Borg ħalla l-inkarigu ta’ kowċ ta’ Hibernians,  ħa t-tmun tat-tim Keith Gouder fejn addotta sistema ġdida ta’ logħob, dik ta’ 4-2-3-1. Hu flimkien mal-assisstenti tiegħu Dylan Gouder u Andre Ciappara, jiddedikaw ħafna ħin lit-tim tagħna u jagħmlu minn kollox biex dejjem jaraw lit-tim miexi ’l quddiem. Huwa qed jagħtina iktar fiduċja li nilagħbu l-ballun, u nattakkaw b’mod kostruttiv. Għandi fiduċja assoluta fil-kowċ Keith Gouder.

Tikkunsidra l-possibiltà li fil-futur tmur tilgħab ma’ xi tim barra minn Malta?

Diffiċli nirrispondi domanda bħal din għall-fatt li għandi ħajja impenjattiva ħafna minbarra l-futbol. Però, li kieku tiġini opportunità valida li mmur nilgħab barra minn Malta, neħodha għall-esperjenza personali. Esperjenzi bħal dawn, żgur li jgħinuk tikber kemm personalment bħala plejer kif ukoll karatterjalment.

Int ukoll għalliema kkwalifikata tal-Edukazzjoni Fiżika. Il-fatt li int għandek esperjenza wiesa’ fil-futbol, dan kif jgħinek biex tgħallem dan is-suġġett?

Ovvjament, l-istudju li għamilt fl-Università ta’ Malta, għeni ħafna meta ġejt biex nikkowċja l-futbol. Minn hemm akkwistajt diversi ħiliet importanti li bihom bnejt il-pedament tal-karriera professjonali edukattiva li mbagħad kif ksibt il-Liċenzja C tal-kowċing, komplejt napprofondi iktar fuq dan il-lat. Inżid ngħid ukoll li l-kowċing għeni ħafna wkoll bħala plejer. Għeni nifhem iktar fil-futbol u jkolli iktar viżjoni waqt il-logħba.

Kif qed tħares lejn il-possibiltà kbira li fil-futur tkun propju int il-captain tat-tim nazzjonali tan-nisa?

Kien propju l-kowċ Mark Gatt li tani l-unur u r-responsabbiltà li nkun il-viċi captain tat-tim nazzjonali tan-nisa. Dan l-inkarigu naqqax fija nnifsi sens ta’ fiduċja. Riċentament, diġà kelli ċ-ċans li nkun captain tat-tim nazzjonali f’logħba ta’ ħbiberija kontra l-Estonja hekk kif il-captain tat-tim, Dorianne Theuma, kienet imweġġa’. Għalkemm naf li din il-kariga ġġorr magħha responsabbiltà kbira, huwa ta’ unur kbir għalija jekk Alla jrid ’il quddiem għad inkun il-captain nazzjonali tat-tim.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma’ Hibernians? Il-futur tiegħek huwa wieħed esklussivament mal-Pawlisti, jew tikkunsidra li fiż-żmien li ġej tħalli lil dan il-klabb, biex tingħaqad ma’ xi tim ieħor?

Ma nistax ngħid x’se jkun il-futur tiegħi ma’ Hibernians. Mhux eskluż li fil-futur inkun qed nikkunsidra opportunitajiet oħra li jkunu qed iservu ta’ sfidi ġodda għalija fil-karriera tiegħi tal-futbol.

Bħalissa għandek xi offerti minn xi klabb partikolari?

Ifhimni, ikun hemm klabbs partikolari li jsaqsuni jekk inhiex interessata li nħalli lil Hibernians biex ningħaqad magħhom. Bħalissa ninsab kuntenta ħafna ma’ Hibernians, iżda nerġa’ ngħidlek li ma neskludiex il-fatt li ‘l quddiem nikkunsidra sfidi ġodda fil-futbol. 

Mhuwiex minnu li jekk tfajla tilgħab il-futbol, tkun tomboy, altru minn hekk!

Tħoss li l-media sportiva f’pajjiżna tagħti biżżejjed exposure lill-futbol tan-nisa, jew tagħmel dan biss waqt tournaments prinċipali u importanti, li fihom ikun involut it-tim nazzjonali tan-nisa?

M’hemmx dubju li l-media tista’ tagħmel ħafna iktar biex tagħti exposure, mhux biss lill-aqwa timijiet fejn jidħol futbol tan-nisa, iżda wkoll lit-timijiet kollha. Barra minn hekk, inħoss li hemm bżonn ta’ iktar bilanċ fil-media, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ exposure lill-futbol tan-nisa. Qed ngħid hekk għaliex mhux kull media sportiva tagħti importanza lill-futbol tan-nisa. 

Ippermettieli ngħidek li ma nistax nifhem il-fatt kif fil-ġimgħatli għaddew, f’żewġ logħbiet ta’ ħbiberija, it-tim nazzjonali tan-nisa ma rnexxielux jegħleb lit-tim nazzjonali tan-nisa tal-Ażerbajġan, li kien ta’ kategorija iżgħar, għax kien ta’ taħt id-19-il sena. Tispjegali aħjar?

Il-kowċ uża dawn il-logħbiet sabiex jesperimenta pożizzjonijiet ġodda u jipprova plejers ġodda li għadhom telgħin mill-akkademja. Madankollu ma nistgħux inneħħu l-mertu ta’ dan it-tim żagħżugħ li riċentament qed jikseb riżultati pożittivi. Dan huwa tim li l-assoċjazzjoni tagħhom ilha ttella’ u tinvesti fih għal diversi snin.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfajliet li qed jinteressahom li jibdew jieħdu bis-serjetà l-futbol, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom biex iħeġġuhom jagħmlu dan.

Jien nista’ ngħid b’wiċċi minn quddiem li fil-futbol sibt it-tieni familja tiegħi. Inħeġġeġ bis-sħiħ lill-ġenituri kollha biex jekk it-tfal bniet tagħhom jibdew juru interess partikolari fil- futbol, jibagħtuhom għat-taħriġ ma’ xi klabb jew ieħor. Mhuwiex minnu li jekk tfajla tilgħab il-futbol, tkun ‘tomboy’ - altru minn hekk! Il-futbol jgħinek taddotta stil ta’ ħajja pożittiv u san, waqt li jbiegħdek mill-vizzji li jkissru lill-bniedem. Jgħinek tifforma l-karattru tiegħek madwar id-dixxiplina, ir-responsabbiltà u r-rispett lejk innifsek u lejn l-oħrajn ta’ madwarek.

More in Sports