Il-goalkeeper li għad ikun fost l-aqwa ta’ kull żmien fil-waterpolo lokali

Nicky Grixti – il-goalkeeper li bbrilla fil-kampjonat tas-sajf li għadda tal-waterpolo u li tabilħaqq miexi fil-passi biex ikun fost l-aqwa goalkeeper li qatt ipproduċa dan l-isport f’Malta

Kif għażilt il-waterpolo fost numru ta’ sport ieħor?

Lgħabt ħafna sports differenti meta kont żgħir, fosthom waterpolo, basketball u l-għawm. Missieri lagħab il-water polo ma’ Barracudas ASC, però qatt ma mbuttani lejn l-isport. Għażilt il-water polo minħabba l-ħbiberija bejn il-membri tal-‘youths’ tas-Sirens meta kont għadni nibda.

Bħala goalkeeper, min huma l-idoli tiegħek kemm fil-kamp lokali kif ukoll f’dak internazzjonali tal-waterpolo?

Joe Caruana Dingli, Josie Cachia u Adrian Cachia huma t-tliet goalkeepers lokali li ħallew l-akbar impressjoni fuqi. Fix-xena internazzjonali nammira lit-Taljani Stefano Tempesti u Francesco Caprani. Minnhom kollha, Joe Caruana Dingli jibqa’ l-goalkeeper favorit tiegħi.

Hemm il-fehma fost min jifhem fil-logħba tal-waterpolo li int għad tkun l-aqwa goalkeeper li qatt ipproduċa l-waterpolo lokali. X’tikkummenta fuq dan?

Nixtieq ħafna li nkun ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa goalkeepers f’Malta. Din hija l-ħaġa li għaliha nittrenja ta’ kuljum.

Fis-sajf li għadda kellek staġun mill-aqwa ma’ Sirens, forsi anke l-aqwa wieħed s’issa. Taqbel, jew taħseb li għad fadal lok fejn ittejjeb il-wirjiet tiegħek?

Fuq livell personali, inħossni kuntent bl-istaġun li għadda, u naqbel li l-istaġun li għadda kien l-aqwa staġun tiegħi, imma nħoss li għad fadalli lok fejn intejjeb il-logħba tiegħi. Iż-żmien huwa favur tiegħi.

Niġu issa għall-istaġun li għadda ta’ Sirens fejn ippermettieli ngħidlek li t-tim iddiżappunta xi ftit, u ħafna stennew u personaelment stennejt riżultati aħjar mill-formazzjoni tagħkom. X’tikkummenta?

Konna sfortunati. L-istaġun beda f’Ġunju meta sebgħa mit-13-il plejer tagħna kienu għadhom għaddejjin bl-eżamijiet tal-Università. Għamilna wkoll numru ta’ żbalji individwali li swewlna l-punti. Bħala tim, ridna ntemmu l-istaġun fost l-ewwel 3 timijiet. Kulma kellna bżonn kien punt aktar. Bla dubju ta’ xejn, inħossu li kellna fejn immorru aħjar dis-sena.

Joe Caruana Dingli, Josie Cachia u Adrian Cachia huma t-tliet goalkeepers lokali li ħallew l-akbar impressjoni fuqi

X’tikkummenta fuq il-logħba kontra Sliema li ntemmet fi draw ta’ 6-6 fejn kellek logħba mill-aqwa u kont l-eroj assolut għat-tim bis-saves mill-aqwa li wettaqt f’din il-logħba?

Inħares lura lejn dik il-logħba b’emozzjonijiet differenti. Sodisfatt bil-wirja tiegħi u tat-tim, għax kulħadd lagħab tajjeb, għamluha aktar faċli għalija. F’dik il-logħba konna ġejjin lura minn telfa kontra Valletta u rkuprajna tajjeb għax konna ħafna aħjar minn Sliema. Konna minn fuq tul il-logħba kollha imma kkrollajna fl-aħħar sessjoni fejn kellna ċans noqtlu l-logħba f’aktar minn okkażjoni waħda. Fl-aħħar sessjoni, tajniehom penalti u tlifna żewġ punti. 

Kieku jkollok tiddeskrivi l-aħħar staġun ta’ Sirens, kif tiddeskrivieh?

Diżappuntati li spiċċajna fir-raba’ post imma lgħabna water polo sabiħ. Ksibna riżultati tajbin kontra Sliema, li ma rebħulna qatt u San Ġiljan li rebħulna b’gowl wieħed biss f’żewġ okkażjonijiet. Dan kollu juri li nistgħu nikkompetu fl-ogħla livelli tal-water polo Malti. 

X’tikkummenta fuq iż-żewġ plejers barranin ta’ kalibru ferm għoli li kellkom bhala Sirens fl-aħħar staġun?

Csaba Kiss skorja inqas milli skorja f’dawn l-aħħar erba’ staġuni. Biss, il-volum ta’ xogħol li jagħmel għat-tim huwa immens. Christian Presciutti huwa fenomenu tal-water polo internazzjonali. Huwa pjaċir u unur tilgħab miegħu. L-umiltà u l-professjonalità ta’ dawn il-plejers huma ta’ ispirazzjoni għat-tim żagħżugħ tagħna. 

Kif qed tħares lejn il-futur ta’ Sirens fil-waterpolo lokali?

Nafu li għad jonqos ħafna xogħol xi jsir. Biss, aħna pożittivi ħafna. Il-futur jidher sabiħ għas-Sirens, speċjalment meta tqis li l-plejers tagħna huma ta’ età żgħira - ilkoll anqas minn 23 sena (bl-eċċezzjoni tal-captain, David Cutajar). Is-set up taż-żgħar huwa b’saħħtu ħafna u dan kollu jawgura tajjeb għall-futur.

Plejer tal-kalibru tiegħek ġieli ħasibha li jmur jilgħab barra minn Malta?

Nammetti li ħsibtha kemm-il darba u nies ta’ esperjenza ħegguni sabiex nilgħab barra minn Malta. Biss, li nkun il-plejer barrani nilgħab ġewwa kampjonat barrani ma tantx togħġobni. Kuntent ħafna nibqa’ nilgħab Malta.

Kif jirnexielek tlaħħaq mal-istudju u xogħol tiegħek u mat-taħriġ u l-logħob tal-waterpolo?

Trid tagħmel sagrifiċċji kbar għax il-ħin li jkollok għall-waterpolo jrid jitnaqqas mill-ħin li tkun se tqatta’ ma’ tal-familja u l-ħbieb. Jiena nara li noqgħod attent ħafna waqt il-lectures fl-Università għax tgħallimt li b’hekk ikolli bżonn anqas ħin għar-reviżjoni. Jien nixtieq li nagħmel suċċess kemm fl-istudju u fl-isports u nemmen li jekk taspira għal xi ħaga, dejjem tista’ ssib mod u ħin kif tasal għaliha. 

Bħala captain tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena, x’responsabbiltà partikolari tħoss?

Huwa unur kbir li tkun captain tat-tim nazzjonali. Apparti r-responsabbiltà li jkollok meta qed tilgħab man-nazzjonal, il-bżonn li tagħti l-100% u turi passjoni f’kull logħba, jiena nħoss il-bżonn li nipprova ngħin lill-plejers l-oħra sabiex jagħtu kollox għat-tim. Ir-responsabbiltà tmur ukoll lil hinn mill-waterpolo u jien nara li kemm jista’ jkun, inkun ta’ eżempju tajjeb għaż-żgħażagħ kollha. 

Li nkun il-plejer barrani nilgħab ġewwa kampjonat barrani ma tantx togħġobni. Kuntent ħafna nibqa’ nilgħab Malta

X’tikkummenta fuq ir-riżultati mill-aqwa li kellkom bħala tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena fl-aħħar xhur?

Ir-riżultati pożittivi kienu frott il-ħidma tal-plejers kollha tat-tim. Lgħabna b’regolamenti ġodda u kienet bravura li ksibna riżultati tajba meta qatt ma konna lgħabna b’dawn ir-regolamenti.

Madankollu kien hemm kritika li l-avversarji li lgħabtu kontrihom f’dawn it-tournaments ma kinux tal-ogħla livell. Kif tirribatti din il-kritika sa ċertu punt kostruttiva?

Bħala tim nazzjonali ta’ taħt id-19-il sena, ksibna riżultati tajbin meta lgħabna kontra l-Greċja u l-Italja. Dawn il-pajjiżi huma fost l-aqwa fid-dinja. Irnexxielna nirbħu kontra l-Iżrael li huma fil-livell tagħna. Malta hija żvinturata fil-waterpolo għax aħna superjuri ħafna meta mqabbla ma’ pajjiżi li huma amateurs, bħalna. Biss, insibuha diffiċli nikkompetu mat-timijiet il-kbar. Ftit hawn timijiet nazzjonali li huma tal-kalibru tagħna. 

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ tat-tim nazzjonali Karl Izzo u dan kif għenek matul il-karriera tiegħek fil-waterpolo?

Karl Izzo minn dejjem kien il-kowċ tiegħi man-Nazzjonal u dejjem wera fiduċja sħiħa fija. Dejjem inkuraġġieni u għeni sabiex inkun plejer aħjar. Ir-relazzjoni ta’ bejnietna hija waħda eċċezzjonali. Jiena nagħmel minn kollox sabiex nilħaq il-livelli li jixtieq hu u dan inħoss li għamilni plejer aħjar.

U dik mal-Kowċ ta’ Sirens, Bogdan Rath, u mal-Kumitat Amministrattiv tal-istess Klabb?

Bogdan Rath għeni nagħmel il-qabża għall-ewwel tim ta’ Sirens u bis-saħħa tiegħu għamilni individwu denju ta’ intervista bħal din li qed nagħti lilek. Għamel id-differenza kollha għalija u għeni nimmatura teknikament u mentalment b’mod li nista’ nilgħab bil-mod li jixtieq hu. Ninġiebu ħafna, kemm professjonalment kif ukoll fuq bażi personali. Ingawdi relazzjoni tajba ħafna mal-membri kollha tal-Kumitat tas-Sirens. Fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll qed naħdmu għall-istess skop: dak li ntejbu lit-tim tagħna.

Tħoss li f’Malta qed jinħass il-bżonn immedjat li tinbena indoor pool jew pixxina oħra?

Pixxina ġdida mhix se ssolvi l-problemi kollha; biss naħseb li indoor pool ikun pass fid-direzzjoni t-tajba. Pixxina oħra toħloq aktar spazju fejn jittrenjaw it-timijiet u aktar opportunità  ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ. Ħadt gost ħafna nisma’ l-aħbar li se jkollna pixxini ġodda f’Birżebbuġa u Marsaskala. Nemmen li dan l-iżvilupp jgħin sabiex jinstab aktar talent fin-Nofsinhar ta’ Malta. 

Kif tqabbel ir-rizorsi li fihom tittrenjaw u tilagħbu f’Malta ma’ dawk li int lgħabt fihom barra minn xtutna?

Il-fatt li aħna pajjiż żgħir huwa vantaġġ għax qatt m’għandna bogħod għall-pixxini. Nemmen li hija s-sistema edukattiva tagħna li mhux qed tinkoraġġixxi liż-żgħażagħ tagħna jesponu t-talenti tagħhom. L-amministrazzjonijiet tal-klabbs dejjem irnexxielhom iġibu kowċis ta’ livelli internazzjonali u maħniex ’il bogħod minn pajjiżi oħra fejn jidħlu rizorsi fejn nittrenjaw. 

Il-media f’pajjizna tagħti bizzejjed exposure lill-waterpolo, jew tagħmel dan matul ix-xhur tas-sajf biss?

Hija ħasra li donnu l-interess fil-water polo naqas u żgur li aktar rappurtaġġ fil-media lokali jgħin lill-isport. Malta tikseb riżultati tajbin ħafna fil-water polo u dnub li m’hawnx aktar Maltin li huma kburin bit-tim nazzjonali tal-waterpolo.

X’tikkummenta dwar l-ASA mmexxija mill-President, Joe Caruana Curran?

Naf ħafna min-nies li huma involuti fl-ASA u nista’ naċċertak li dawn in-nies jaħdmu ħafna sabiex iżommu l-water polo fil-livell li jinsab illum. Kull min għandu x’jaqsam mal-waterpolo hawn Malta għandu verament ikun grat għax-xogħol li qegħdin jagħmlu dawn in-nies. Ma ninsewx li fil-parti l-kbira, dawn in-nies jaħdmu b’mod volontarju. 

Huwa unur kbir li tkun captain tat-tim nazzjonali, inħoss il-bżonn li nipprova ngħin lill-plejers l-oħra sabiex jagħtu kollox għat-tim

U fuq il-kontroll tar-referis Maltin kif ukoll Taljani waqt il-logħob ta’ matul l-aħħar staġun?

Jien minn ta’ quddiem li nikkumenta fuq il-prestazzjoni tar-referis imma hawnhekk, se niddefendihom! Ix-xogħol tagħhom huwa vera diffiċli però, fil-parti l-kbira, jagħmlu xogħolhom tajjeb ħafna. Hija ħasra li ħadd ma japprezza x-xogħol tar-referee sakemm dan ma jagħmilx żball (bħala goalkeeper, jiena nissimpatizza!). Din il-ħaġa ħarġet fid-deher is-sena l-oħra fid-decider bejn is-Sliema u n-Neptunes. Ir-referi dak inhar kien Gomez, wieħed mil-aqwa referis tad-dinja li rreffja saħansitra fil-finali tal-Olimpjadi. Anki f’din l-okkażjoni, sibna fuq xiex immaqdru! 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-logħba tal-waterpolo?

Nixtieq li qabel ma nirtira nirbaħ xi ftit tazzi u nixtieq nara lil Sirens lura fuq nett fil-kampjonat lokali. Kif għidt qabel, nixtieq li meta jasal iż-żmien li ndendel il-malja, iqisuni bħala wieħed mit-tajbin. Biss, fl-aħħar mil-aħħar, għalija importanti wkoll li ngawdi dan iż-żmien u nieħu gost nilgħab u nittama li meta nispiċċa, ikolli ħafna memorji sbieħ. 

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo.

Ħudu pjaċir! Kemm jekk qiegħed tirbaħ il-logħbiet, tittrenja kemm tiflaħ, u tagħmel ħbieb ġodda; ħu pjaċir u ħalli t-talenti tiegħek jispikkaw. 

More in Sports