Omm u champion tal-bodybuilding fil-kategorija tal-Bikini Fitness

Derya Satariano   – bla dubju waħda mill-aqwa bodybuilders li pproduċa kemm il-bodybuilding lokali, kif ukoll dak internazzjonali fil-kategorija tal-Bikini Fitness. Hija omm u champion ta’ din il-kategorija, li kulma jmur qed tikber fil-popolarità tagħha, kemm f’Malta, kif ukoll barra minn xtutna.

Kif għażilt il-bodybuilding fost sports ieħor? Ma taħsibx li l-bodybuilding minħabba s-saħħa fiżika li jirrikjedi huwa iktar addattat għall-irġiel milli għan-nisa?

Se nibda biex intik ftit fatti storiċi rigward il-bodybuilding femminili. Meta beda l-bodybuilding, dan kien sport iddominat kompletament mill-irġiel. Iżda, gradwalment, tard fis-snin 70, bodybuilders nisa bdew jibdew jipprattikaw il-bodybuilding u f’kompetizzjonijiet li kienu jieħdu sehem fihom, urew lil kulħadd li setgħu imorru tajjeb daqs bodybuilders irġiel. Qatt ma kelli dubju minna n-nisa li stajna nagħmlu dan. Kien biss każ tagħna n-nisa li nirrealizzaw li aħna nistgħu nkunu b’saħħitna u tabilħaqq nagħmlu differenza. Kollox beda permezz tal-bodybuilding femminili, u mbagħad ġew introdotti l-kategoriji tal-Fitness u l-Figure. Issa għandna l-kategorija tal-Bikini Fitness. Din hija propju l-kategorija li jien għażilt għax kienet l-aktar waħda kompatibbli mat-tip ta’ ġismi, karattru u stil ta’ ħajja. Din il-kategorija ftit li xejn tagħmel emfażi fuq muskolarità, iżda minflok tisħaq fuq il-proporzjon, simetrija, bilanċ, forma, finezza tal-ġilda, kif ukoll fuq il-wirja overall tal-atleta fuq il-palk, li tinkludi l-istil u l-poise.

Rikonoxxuta mill-IFBB bħala kategorija kompetittiva independenti tal-bodybuilding nhar is-7 ta’ Novembru, il-Bikini Fitness, kiber b’rata mgħaġġla bħala kategorija fi ħdan l-industrija. Jien ikkompetejt fl-2013 fl-IFBB International East German Championships eżattament 10 xhur wara li wellidt lit-tifel tiegħi! It-tragward tiegħi kien li nkun f’forma tajba wara t-tqala. Jien temmejt fit-tieni post fl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali organizzata mill-IFBB li ħadt sehem fiha fil-Ġermanja, fejn ikkompetejt ma’ nisa mill-isbaħ, u li kienu minn tal-inqas 10 snin jew aktar iżgħar minni. Irrealizzjat li din kienet il-kategorija t-tajba fl-isport tal-bodybuilding għalija. Barra minn hekk, kont ukoll ferm kuntenta għax sibt il-passjoni jew id-delizzju tiegħi kompatibbli max-xogħol tiegħi ta’ personal trainer

Int tieħu sehem fil-kategorija ‘Bikini Fitness’. X’differenzi jgħaddu bejn din il-kategorija u kategoriji oħra fil-bodybuilding? 

Ġismi huwa aktar addattat għall-kategorija tal-bikini fitness għax jien ma tantx għandi muskolatura evidenti. Jien nieħu gost inżomm ruħi fit u niekol ikel sustanzjuż u tajjeb għas-saħħa.

It-taħriġ li int tagħmel biex tieħu sehem f’din il-kategorija kif jiddeversifika minn taħrig li wieħed irid jagħmel biex jieħu sehem f’kategoriji u kompetizzjonijiet oħra tal-bodybuilding?

Il-Bikini Fitness hija kategorija differenti ħafna mill-oħrajn, u għalhekk il-kategoriji kollha għandhom metodi ta’ taħriġ differenti minn xulxin. Dawk li qed jaspiraw biex jibnu l-muskoli jiffukaw fuq il-piż u d-daqs. Fil-kategorija tiegħi, dawn jingħataw inqas importanza, waqt li niffukaw iktar fuq il-forma tagħna u fuq simmetrija. Jien, pereżempju, qatt ma nkun nista’ nieħu sehem fil-kategorija tal-Figure, għax m’għandix  il-muskolatura u l-istruttura ta’ ġismi neċessarji.

Għaliex il-Bodybuilding mhuwiex Sport Olimpiku?

L-IFBB, li hija l-unika federazzjoni tal-bodybuilding u fitness rikonoxxuta fid-dinja, ilha taħdem bis-sħiħ biex tagħmel l-isport tagħna, sport Olimpiku. Jien naħseb li hija biss kwistjoni ta’ meta u mhux jekk, li l-bodybuilding ikun rikonoxxut bħala Sport Olimpiku. Dan għaliex l-IFBB kienet preżenti fil-Logħob Ewropew li saru riċentament f’Baku, l-Ażerbajġan.

Bodybuilders Maltin jieħdu sehem regolarment f’kompetizzjonijiet importanti tal-bodybuilding madwar id-dinja?

Iva, f’dawn l-aħħar snin, il-Malta Federation of Bodybuilding & Fitness (IFBB Malta), bagħtet timijiet għal diversi kompetizzjonijiet tal-bodybuilding organizzati mill-IFBB barra minn xtutna. Jien, personalment ikkompetejt fl-International German Championships fl-2013 u fil-Kompetizzjonijiet bl-isem ta’ Santa Susanna li saru fi Spanja kemm fl-2014 kif ukoll matul din is-sena. Is-sena d-dieħla se nkompli nipparteċipa f’kompetizzjonijiet internazzjonali organizzati mill-IFBB.

Issibu għajnuna finanzjarja mill-Kunsill Malti għall-Isport u mill-Kumitat Olimpiku Malti? 

Iva nirċievu għajnuna mill-Kumitat Olimpiku Malti (MOC), iżda l-IFBB Malta kibret b’tali mod u manjiera sal-punt li ġiet awto-suffiċjenti. 

X’tikkummenta fuq l-IFBB immexxija mill-President tant ħabrieki Ralph Decelis u s-Segretarja, Blanche Coppola? 

Ralph Decelis u Blanche Coppola huma żewġ persuni fantastiċi li tant ħadmu biex ikomplu jaraw lill-isport li tant inħobbu jkompli jikber f’Malta. Huma jagħmlu dan minħabba l-passjoni li għandhom għal dan l-isport, li hija xi ħaġa li nammira ferm. 

Konxju wkoll mill-fatt li l-isport tagħkom jinvolvi dieta partikolari. Int kif tqassam id-dieta tiegħek. Tina iktar dettalji.

Jien niekol ikel tajjeb għas-saħħa matul is-sena kollha. Nipprova nevita junk food u ikel ipproċessat. Bażikament niekol ħafna ikel li jinkludi karboidrati kumplessi, kif ukoll proteini ta’ kwalità, ħaxix u frott. Nipprova nżomm id-dieta tiegħi sempliċi ħafna. Is-sempliċità tħalli l-aħjar riżultati fil-ħajja.

X’sagrifiċċji u impenji partikolari jirrikjedi l-isport li int tipprattika?

Jien verament ma nqisx dan l-isport bħala sagrifiċċju. Dan l-isport jirrappreżenta l-istil ta’ ħajja u l-passjoni tiegħi.

Anki qabel bdejt nieħu sehem fil-kompetizzjonijiet (il-bikini class ilha teżisti biss mill-2011), kont napplika l-prinċipji tal-fitness u n-nutrizzjoni f’ħajti minħabba l-passjoni u l-imħabba tiegħi għal dan l-isport. Li kieku esperjenzajt dan l-isport bħala toqol f’ħajti, m’hemmx dubju, li kont insib delizzju ieħor!

Kif tipprepara ruħek kemm fiżikament kif ukoll mentalment qabel kompetizzjonijiet tal-bodybuilding importanti?

Jien inħobb inżomm ruħi fit u niekol ikel tajjeb għas-saħħa - huwa stil ta’ ħajja, li fortunatament titrasmetti ruħha fix-xogħol tiegħi. Jien naħdem bħala personal trainer u jien nipprattika dak li nipprietka. Jien ikolli forma atletika matul is-sena kollha u m’għandix bżonn ta’ preparazzjoni speċjali, kemm mentalment kif ukoll fiżikament qabel kompetizzjoni tal-bikini fitness.

Jien nagħmel biss żgur li 12-il ġimgħa qabel kompetizzjoni li nkun se nieħu sehem fiha, li kemm in-nutrizzjoni, kif ukoll it-taħriġ tiegħi ikunu ottimizzati. Ma jkunx hemm differenza kbira fid-dehra tiegħi fiż-żmien li fih inkun qed nieħu sehem f’xi kompetizzjoni u fiż-żmien li ma nkunx!

Il-bodybuilding kif jgħin lill-atleta li jkun qed jipprattikkah kemm mentalment kif ukoll psikoloġikament? Ċert li dan l-isport jgħollilek l-istima personali tiegħek kif ukoll il-kunfidenza fik innifsek.

Jien nemmen li l-isport tal-bodybuilding jgħallmek id-dixxiplina, il-konsistenza u x’ifisser il-fatt li takkwista t-tragwardi fil-ħajja. Dan jista’ jgħinek f’affarijiet oħra fil-ħajja, għax huwa l-istess prinċipju.

Il-kompetizzjonijiet tagħkom kif jintrebħu? Naf li jkun hemm ġurija li tiġġudika r-rebħ ta’ dawn il-kompetizzjonijiet. Fuqhiex tgħaddi l-ġudizzji tagħha?

Kollox jiddependi mill-kategorija, li l-bodybuilder ikun qed jieħu sehem fiha. Fil-kategorija tiegħi, aħna niġu ġġudikati prinċiparjament fuq definizzjoni tal-ġisem, muscle tone, simmetrija u proporzjon. Fil-kategorija tal-bikini fitness, il-grazzja u l-preżenza fuq il-palk huma importanti ħafna wkoll.

Naf ukoll li qabel il-kompetizzjonijiet ma tieklu u tixorbu kważi xejn fejn kważi tiġu ‘dehydrated’. Huwa minnu dan?

Kull kontestant għandu l-mod tiegħu ta’ preparazzjoni. Jien qatt ma napplika metodi drastiċi, li mhumiex tajbin għal ġismi. Jien insegwi dieta tajba għall-ġisem, kemm fiż-żmien li fih inkun impenjata fil-kompetizzjonijiet, kif ukoll fiż-żmien li ma jkollix attivitajiet relatati mal-bodybuliding. Dan nagħmlu billi nipprovdi lil ġismi bl-ammont suffiċjenti ta’ kaloriji. Xorta waħda nixrob biżżejjed qabel inkun impenjata f’xi kompetizzjoni partikolari hekk kif fil-kategorija tal-Bikini Fitness, mhuwiex neċessarju li l-atleta tkun dehydrated

Hemm biżżejjed konkorrenza minn persuni żgħażagħ għal dan l-isport?

Iva, din żdiedet ħafna f’dawn l-aħħar snin. Fil-fatt minn 15-il atleta jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet lokali tal-bodybuilding madwar 5 snin ilu, tlajna għal 62 f’din is-sena! 

Kif tqabbel ir-riżorsi li fihom titħarrġu f’Malta meta kkumparati ma’ dawk li nsibu barra minn Malta?

Personalment, naħseb li r-riżorsi tagħna f’Malta huma tajbin daqs kullimkien fid-dinja. Aħna rridu biss li l-atleti tagħna jibbenefikaw minn iktar sponsorships, iżda fortunatament, grazzi għad-distributuri tas-supplimenti tagħna, l-isponsors qed jiżdiedu wkoll. Jien waħda mill-ftit atleti fortunati li niġu sponsorjati mid-ditti Nyoo Destination Wellness u Nanox Neutriceuticals, kemm fl-on-season kif ukoll fl-off-season. Ninsab grata ħafna lejhom għall-appoġġ kontinwu li jtuni.

Il-media f’pajjiżna ttikom biżżejjed exposure u pubbliċità? Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala bodybuilder li tieħu sehem fil-kategorija tal- ‘Bikini Fitness’?

Ċerti media sportivi lokali jtuna exposure, u aħna ninsabu grati ħafna lejhom. Nixtieq nieħu din l-opportunità, biex nirringrazzja lilek kif ukoll lil Kevin Grech (l-editur tal-isport tal-ġurnal MaltaToday), li dejjem appoġġjaw lill-isport tagħna. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala bodybuilder li tieħu sehem fil-kategorija tal-Bikini Fitness?

Jien għandi passjoni kbira għal dan l-isport. Bħala personal trainer, huwa xogħli li ninkoraġgixxi lill-klijenti tiegħi biex japplikaw stil ta’ ħajja san, billi jissettjaw tragwardi realistiċi. Jien se nkompli nikkompeti f’livell internazzjonali għax inħobb l-eċitament li nissettja tragwardi u naħdem biex nilħaqhom. Huwa stil ta’ ħajja u jien insegwi dan l-isport, kemm fl-on-season, kif ukoll fl-off-season. Jien kelli l-unur li nirbaħ il-Kampjonati tal-Overall Bikini Fitness f’Malta għal darbtejn konsekuttivi fl-2014 u fl-2015, kif ukoll l-International Grand Prix Bikini Fitness li sar f’Malta iktar kmieni matul din is-sena. 

Għas-sena d-dieħla għandi tragward eċitanti ieħor. Dan hekk kif se niffoka li nibda nifforma parti mill-ġurija lokali ta’ kompetizzjonijiet marbuta mal-bodybulding u li nkompli nikkompeti fid-Diviżjoni tal-Masters Bikini Fitness, barra minn Malta. 

Għaddi messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ speċjalment tfajliet li qegħdin jaħsbuha biex jibdew jipprattikaw il-bodybuilding, fosthom il-kategorija li int tieħu sehem fiha - dik tal-Bikini Fitness.

Jekk tħobbu l-fitness, tieklu ikel sustanzjuż u tajjeb għas-saħħa, tagħmlu l-eżerċizzju, għandkom attitudni pożittiva lejn il-ħajja, u tridu tidhru fit u b’saħħitkom, allura l-Bikini Fitness huwa l-isport li għandkom tagħżlu biex tassew tkunu ppremjati!

More in Sports