Esperjenza u klassi fundamentali għal Virtus

Peter Shoults – bla dubju wieħed mill-aqwa plejers li pproduċa l-basketball lokali f’dawn l-aħħar snin. Huwa l-captain ta’ Virtus Cynergi, li ftit tal-ġimgħat ilu rebħu l-Kampjonat tal-Irġiel tal-basketball, fejn kien l-istess Peter Shoults li bħala captain għolla t-Tazza tar-rebħ tal-Kampjonat.

Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Bdejt nilgħab il-basketball minn meta kelli 5 snin u għalkemm fl-iskola kont nipparteċipa f’kull sport, il-basketball dejjem kien il-favorit tiegħi.

Ikolli ngħid li dan kien tragward storiku għal Virtus Cynergi speċjalment meta wieħed iqis il-fatt li dan kien l-ewwel staġun għal Virtus fl-azzjoni. Wieħed irid iqis ukoll li t-tim tagħkom kien kompost minn numru ta’ plejers żgħażagħ u b’nuqqas ta’ esperjenza. Madankollu m’hemmx dubju li għenet l-esperjenza vasta tal-kowċ formidabbli Paul Ferrante kif ukoll ta’ plejers bħalek u David Bugeja. X’tikkummenta?

Il-kowċ Paul Ferrante kien itina l-istruzzjonijiet u David Bugeja flimkien miegħi konna naraw li jsiru fuq il-court billi nwasslu l-messaġġ tiegħu lill-oħrajn. Meta jarawk tagħti kollox, kulħadd jagħmel l-istess u dik waslitna għas-suċċess tar-rebħ tal-kampjonat.  

Li jkollok tiddeskrivi dan l-istaġun għal Virtus kif tiddeskrivieh?

Kien staġun ta’ suċċess kbir, għax irnexxielna nirbħu l-Mba Shield u l-kampjonat.

U x’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess ta’ Virtus?

Is-sigrieti tas-suċċess ta’ Virtus kienu l-qalb, il-grinta u l-għaqda kemm fuq il-court kif ukoll barra mill-court.

X’responsabbiltà tħoss għall-fatt li int il-captain ta’ Virtus?

Li f’mumenti diffiċli ninkorraġġixxi lill-oħrajn u nkun il-vuċi bejn il-kowċ u l-plejers.

X’tikkummeta fuq l-isfida denja li kellkom minn timijiet ohra fosthom A to Z Electronics Athleta bi plejers ta’ esperjenza enormi bhal Michael Naudi u oħrajn?

L-Athleta huwa dejjem kif jgħid l-Ingliż the team to beat, minħabba l-fatt li rebħu ħafna kampjonati kif ukoll tazzi. Ħaġa li trid tammira fihom hija l-fatt li jibqgħu bil-għatx għal aktar suċċess. Tul l-istaġun, bir-riżultati li ksibna, ħassejt li l-finali tal-kampjonat kienet se tkun bejna u l-Athleta. Qatt ma lgħabt ma’ Athleta għax dejjem ridt nifforma parti minn tim li jirnexxielu jegħlibhom. Jien dejjem naspira għal sfidi ġodda fil-karriera tiegħi u kien propju għalhekk li ffirmajt ma’ Virtus. Dan għaliex dan it-tim tani l-opportunità li jkolli sfidi bħal dawn. 

Forsi tixtieq tgħaddi xi kummenti rigward in-Knockout li ntrebaħ minn Athleta fejn fil-finali tliftu bi skor marginali lejn l-aħħar tal-logħba....

F’din il-finali, issugrajt nilgħab meta rkoppti kienet għadha mhux 100%, u fil-fatt qlajt daqqa fiha u kelli nħalli l-logħba. Konna bdejna ħażin - il-plejers taw qalbhom imma sfortunatament ma kienx bizzejjed.

Qabel dan l-istaġun qatt kont temmen li kien se jirnexxielkom taslu sa hawn?

Kont nemmen li għandna tim biex nikkompetu!

Is-sigrieti tas-suċċess ta’ Virtus kienu l-qalb, il-grinta u l-għaqda kemm fuq il-court kif ukoll barra mill-court.

Ippermettili nirrimarka li d-difiża tagħkom kienet strumentali biex jirnexxielkom tirbħu dan il-kampjonat. Taqbel miegħi?

Naqbel! Għandna tim żgħir u l-full-court press ħadmet ħafna. Bi plejers bħal Robert Bonnici fost oħrajn li jidħlu jilagħbu meta jkun hemm sostituzzjoni, minħabba li l-ewwel ħamsa ngħejjew jew ikun hemm sitwazzjoni ta’ foul trouble, jgħinu biex inżommu l-istess ritmu.

Irrid inkompli nirbaħ kemm jista’ jkun unuri ma’ Virtus ħalli jkolli x’ngħolli!

Kif qed tħares lejn il-futur tat-tim ta’ Virtus?

Inqisu bħala futur sabiħ għax fit-tim ta’ Virtus, hemm età medja ta’ 23/24 sena. Apparti minn hekk hemm plejers żgħażagħ fin-nursery ta’ Starlites fosthom Alec, Miguel, Anthony u Thomas u oħrajn, li jiġu jitħarrġu magħna u jiggwadanjaw esperjenza għal meta ’l quddiem ikunu huma li jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni.

U l-futur tiegħek bħala captain ta’ Virtus?

Irrid inkompli nirbaħ kemm jista’ jkun unuri ma’ Virtus, ħalli jkolli x’ngħolli!

Jekk ikollok xi offerta oħra minn xi klabb ieħor lokali, tikkunsidra li tħalli lil Virtus, jew il-futur tieghek huwa wieħed esklussivament ma’ Virtus?

Għadni qed nipproċessa l-fatt li rbaħna l-kampjonat u ninsab kuntent mal-klabb. Il-futur ħadd ma jafu u jien wieħed li ngħix il-mument.

X’inhi r-relazzjoni tieghek mal-kowċ ferm bravu u ħabrieki ta’ Virtus, Paul Ferrante?

Tajba!  

U dik mal-kumitat ta’ Virtus?

Tajba!

Dan l-unur tal-Kampjonat li rbaħt ma’ Virtus kien isbaħ u iktar diffiċli minn dawk li rbaħt fil-passat riċenti ma’ Siġġiewi?

Irbaħt l-ewwel Kampjonat mas-Siġġiewi fl-istaġun 2009/2010 li kien speċjali. Dan għaliex apparti li kien l-ewwel kampjonat li rbaħt, kien l-ewwel wieħed mirbuħ minn Siġġiewi wara 35 sena mit-twaqqif tal-klabb. Dan il-kampjonat li rbaħt ma’ Virtus, kien unur speċjali wkoll għax fl-ewwel sena tagħna rbaħna l-kampjonat u fuq lat personali rbaħt l-unur tal-Most Valuable Player (MVP) tal-finali.

X’kienu l-esperjenzi li kellek sa issa mat-tim nazzjonali tal-basketball?

Fil-European Division C Championships, kont parti mit-tim li rbaħna il-medalja tal-bronż fl-2010 u mbagħad fl-2014 irbaħna il-medalja tal-fidda. Din kienet medalja storika għax qatt ma kienet intrebħet fl-istorja tal-basketball tal-irġiel.

Kif sejrin bħala tim nazzjonali tal-basketball bħalissa jew dan bħalissa jinsab wieqaf?

Bħalissa jinsab wieqaf imma sejrin tajjeb ħafna taħt id-direzzjoni tal-kowċ Paolo Di Fonzo. 

Plejer tal-kalibru tieghek ġieli kkunsidra li jmur jilgħab barra minn Malta?

Kelli opportunità li mmur nilgħab l-Ingilterra għax missieri kien sabli tim, imma wara l-mewt tiegħu wara inċident bil-mutur, komplejt nilgħab hawn Malta.

X’tikkummenta fuq il-Malta Basketball Association mmexxija mill-President Pawlu Sultana?

Jaħdmu ħafna biex ikomplu jkabbru l-interss fl-isport, u l-frott ta’ dik il-ħidma deher fit-tim nazzjonali tal-basketball, li kiseb rekord ta’ medalji mirbuħa. 

X’tikkumeneta fuq ir-riżorsi u l-courts li fihom tilagħbu f’Malta speċjalment meta mqabbla ma’ dawk li tilagħbu fihom barra minn Malta mat-tim nazzjonali u li kont tilgħab fihom int meta kont tilgħab barra minn Malta?

Ma nixtieqx nikkummenta!

Il-media f’Malta tagħti biżżejjed pubbliċità lill-basketball?

Le! Ġieli lanqas fuq l-aħbarijiet ma jġibu l-isport, imma nemmen li dan se jinbidel, bħalma rajna bil-konferenza tal-aħbarijiet, ta’ qabel il-finali, grazzi għax-xogħol minn Bernard Vassallo.

Taħseb li għad jiġi żmien f’Malta meta plejer tal-basketball, kemm fil-kamp maskili kif ukoll f’dak femminili ikun jista’ jgħix esklussivament permezz tal-basketball?

Le!

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek, mal-irwol ta’ missier u mat-taħriġ u l-logħob li jkollok ma’ Virtus?

Nirringrazzja lill-kunjata Marisa Abela li sakemm immorru għax-xogħol tieħu ħsieb lit-tifel tiegħi, Jacob, u ovvjament lill-mara Chanelle fil-ġranet li fihom ikolli t-taħriġ. Meta ma jkollix taħriġ, m’hemmx isbaħ żmien minn dak li fih, flimkien mat-tifel, noqogħdu nilagħbu bil-ġugarelli fuq it-tapit u naqralu xi stejjer.

Ippermettieli nirrimarkalek li matul dan l-istaġun żgur li għenkom bis-sħiħ wieħed mill-aqwa plejers barranin jekk mhux l-aqwa barrani li kellna f’Malta. Taqbel miegħi?

Il-barrani Mike Bruesewitz amalgama ruħu sew magħna għax kien plejer li jħobb jinvolvi lil sħabu u bla dubju kien strumentali biex irbaħna l-kampjonat. 

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti wara dan is-suċċess uniku u rimarkabbli li rnexxielek tikseb ma’ Virtus matul dan l-istaġun?

Nirringrazzja lill-mara tiegħi Chanelle, lil ommi Grace Shoults u l-kumplament tal-familjari tiegħi li jiġu jaraw u jagħtu l-appoġġ tagħhom. Nixtieq ngħid grazzi wkoll lil dawk il-partitarji kollha li ġew biex jagħtuna l-appoġġ tul l-istaġun.

Bħala plejer ta’ daqstant suċċess fil-basketball lokali u mhux biss, għaddi messaġġ lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball.

It-tul mhux kollox fil-basketball! Trid tilgħab bil-qalb, grinta u dejjem issib il-ħin li tagħmel taħriġ żejjed. Trid tmur il-gym terfa’ l-weights u tibqa’ ftit iżjed wara t-taħriġ taħdem fuq shooting, ball handling u affarijiet oħra li tista’ tagħmel individwalment. 

More in Sports