Ix-Xellugi fl-aqwa tiegħu

Matthew Zammit, iktar magħruf bħala x-Xellugi - bla dubju wieħed mill-aqwa plejers li pproduċa l-waterpolo lokali mhux biss f’dawn l-aħħar snin iżda f’kull żmien. Ġie vvutat bħala l-ASA Plejer tas-Sena matul l-istaġun li għadda, kif ukoll l-Most Valuable Player (MVP), u kien l-Aqwa Skorer. Huwa plejer indispensabbli kemm ta’ San Ġiljan li jirrapreżenta lil raħal twelidu u fejn  jgħix, kif ukoll tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo

Kif għażilt il-waterpolo fost numru ta’ sport ieħor?

Meta kont għadni żgħir tal-età ta’ 14-il sena kont nilgħab il-basketball. Ta’ 15-il sena qbadt ukoll il-waterpolo. Meta wasal iż-żmien li kelli nagħżel liema sport kont se nkompli fih, iddeċidejt li nagħżel il-waterpolo. Dan għaliex il-waterpolo jogħġobni għax narah sport iktar diffiċli minn basketball u l-karattru tiegħi huwa li fejn nara xi ħaġa diffiċli iktar nidħol għalija b’ruħi u ġismi. Ovvjament ukoll għax il-logħba tal-waterpolo hija isbaħ u hija segwita ħafna min-nies iktar mill-basketball.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ San Ġiljan sa issa?

L-esperjenza tiegħi ma’ San Ġiljan bdiet meta kelli 15-il sena. Bdejt nilgħab magħhom fit-Tieni Diviżjoni u bqajt tiela’ magħhom sal-ġurnata tal-lum. Sena wara sena dejjem inbidlu l-affarjiet għall-aħjar jiġifieri l-esperjenza ma’ San Ġiljan hija sabiħa. Għalkemm sa issa qatt ma rbaħna l- kampjonat xorta waħda nista’ ngħid li hija esperjenza pożittiva ma’ San Ġiljan għax qed nikber magħha u hi tikber miegħi!

Bħala San Giljan kellkom kampjonat tax-xitwa mill-aqwa fejn tliftu r-rebħ tal-kampjonat bi sbrixx. M’hemmx dubju li dan jawgura ferm tajjeb għall-kampjonat tas-sajf li se jkun qed jibda ftit tal-jiem oħra. Kif qed tħares lejn il-kampjonat tas-sajf? Hemm min qed iqis li din tabilħaqq taf tkun is-sena ta’ San Ġiljan wara numru konsiderevoli ta’ snin neqsin mill-unuri. X’tikkummenta fuq dan?

Iva, il-kampjonat tax-xitwa tlifnieh bi sbrixx kif qed tgħid int, però kien kampjonat tajjeb. Dan għaliex kif kulħadd jaf, l-iskwadra tagħna hija komposta minn plejers żgħar. Jiddispjaċini ħafna li ma rbaħniehx, però jagħmel tajjeb ukoll għalina l-plejers ħalli ma naħsbux li hemm xi ħaġa faċli biex tirbaħ. Biex tirbaħ trid titħarreġ u tkun dedikat. Kellna logħba importanti kontra Neptunes fejn tlifna l-punti għax lgħabna ħażin u konna bla kowċ, li kienet xi ħaġa li ħassejna ħafna speċjalment f’dik il-logħba partikolari. Iva, ħafna nies qed jgħidu li dis-sena ninsabu b’ċans kbir li nirbħu l-kampjonat, però jien ngħid li jkollok ċans kbir meta tkun dedikat u tittrenja b’ konċentrazzjoni kbira. Trid tieħu logħba logħba għax kif jgħidu kull logħba fiha l-istorja tagħha. Nemmen li għandna l-aqwa plejers żgħar li hawn f’Malta kif ukoll l-aqwa żewġ plejers barranin, u issa bil-plejer il-ġdid Auriel Cousin, ninsabu b’saħħitna. Però, nerġa’ ngħid taħriġ u taħriġ l-ewwel!

Plejer tal-kalibru tiegħek ġieli qies li jmur jilgħab barra minn Malta? Naf li ftit tas-snin ilu kellek esperjenza  qasira ma’ Partizan Belgrade fis-Serbja. X’kienet l-esperjenza tiegħek hemmhekk u għaliex din l-esperjenza kienet waħda ferm qasira?

Iva, ġieli ħsibt li mmur nilgħab barra mimn Malta kif diġà għamilt fl-Italja, però bix-xogħol li għandi nsibha diffiċli ħafna biex naqbad u mmur nilgħab barra minn Malta. Kienet esperjenza qasira. Dan għaliex ma kontx qed naraha biżżejjed għalija personalment, biex noqgħod ’il bogħod minn dari, għall-affarijiet li bdejt nirċievi.

Konxju wkoll mill-fatt li matul is-sajf tas-sena li għaddiet kellek offerta ferm attraenti minn tim fi Franza. Għaliex m’aċċettajtx?

M’aċċetajtx għax kif għidtlek bix-xogħol tiegħi mhux faċli nħalli lil pajjiżi u mmur nilgħab barra minn Malta. Dik l-unika ħaġa li żżommni.

Tikkunsidra li fil-futur qarib tmur tilgħab barra minn Malta għal żmien twil bħal m’għamlu plejers oħra fosthom Stevie Camilleri?

Se nerġa’ ntik l-istess tweġiba. Ma nistax minħabba it-tip ta’ xogħol li għażilt li nagħmel.

Matthew Zammit huwa magħruf għax-xutt li ma jaħfirx bix-xellug. Iżda Matthew Zammit juża biss idejh ix-xellugija għax-xuttijiet tiegħu? Tużaha idejk il-leminija għal ċerti xuttijiet?

Iva, kif jaf kulħadd jien xellugi u nixxuttja biss bix-xellug. Il-lemin nużaha biss biex inqassam
pass fil-viċin! 

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol u mat-taħriġ u l-logħob tal-waterpolo?

Jirnexxieli inlaħħaq għal ħaġa waħda biss - għax meta bniedem ikun qed jagħmel xi ħaġa minn qalbu nemmen li jsib ħin għal kollox fil-ħajja tiegħu. Ma nistax ma nsemmix l-għajnuna li ssib mill-familja tiegħi kif ukoll minn Diane Izzo. 

X’tikkummenta fuq ir-riżultati mill-aqwa li kellkom bħala tim nazzjonali fl-aħħar xhur?

Ir-riżultati tat-tim nazzjonali kienu pożittivi għal ħafna raġunijiet. Dan għaliex tħarriġna b’ serjetà kbira u minn qalbna għax konna niħarrġu fis-6am u filgħaxija wkoll kważi darbtejn kuljum. Konna grupp tajjeb ħafna u qbilna flimkien. Meta jkollok plejers ta’ ċertu kalibru li jaqblu flimkien ma tistax ma ġġibx riżultati tajbin, u saħansitra kellna lill-kowċ Karl Izzo li mexxiena fit-triq it-tajba wkoll.

San Ġiljan twelidt u San Ġiljan immut! San Ġiljan sal-aħħar!

Madanakollu kien hemm kritika li l-avversarji li lgħabtu kontrihom f’dawn it-tournaments ma kinux tal-ogħla livell? Kif tirribatti din il-kritika sa ċertu punt kostruttiva?

Kulħadd għandu ħalq biex jgħid tiegħu. Il-plejers tat-tim nazzjonali Malti ġejjin minn erba’ klabbs biss. Plejers ta’ timijiet nazzjonali ta’ pajjiżi oħra ġejjin minn ħafna timijiet diversi. Dan għaliex hemm popolazjoni akbar, jiġifieri biex Malta tirbaħ kontra l-Portugall u biex iġġib riżultati tajba kontra d-Danimarka mhux faċli. Dan biex insemmilek żewġ timijiet biss. Forsi n-nies isemmu lil timijiet bħall-Irlanda jew il-Latvja. Hemmhekk għandhom raġun, imma meta tara l-faċilitajiet li għandhom dawn u tqabbilhom ma’ tagħna, hemm kulħadd jinduna kemm aħna l-Maltin vera poplu kapaċi għall-waterpolo.

F’uħud minn dawn it-tournaments li kontu involuti fihom bħala tim nazzjonali int ġejt ivvutat bħala l-Most Valuable Player (MVP). Tina iktar dettalji u x’fissru għalik dawn l-unuri personali?

Iva, kif qed tgħid tajjeb int, f’dawn it-tournaments irbaħt l-unuri personali tal-MVP kif ukoll tal-aqwa skorer. Ovvjament, kont kuntent ħafna - kuntent għalija nnifsi għax meta tirbaħ xi ħaġa mat-tim nazzjonali, dejjem hija xi ħaġa sabiħa. Però, irbaħt ukoll għax il-plejers li kelli miegħi għenuni ħafna biex nirbaħ dan it-titlu għall-fatt li lgħabna bħala tim u minn hawnhekk nixtieq nirringrazzjahom.

U la qegħdin insemmu unuri personali ma nistgħux ma nsemmux l-unur ferm prestiġjuż tal-ASA Plejer tas-Sena li rbaħt matul is-sajf li għadda. U dan għalkemm int kont timmilita f’tim, jiġifieri San Ġiljan, li kuntrarju għas-sena ta’ qabel, inqata’ minn kmieni mit-tiġrija għar-rebħ tal-kampjonat li finalment intrebaħ mill-ġirien iżda rivali kbar Neptunes. X’fisser għalik dan l-unur personali?

Meta rbaħt l-unur tal-Plejer tas-Sena, is-sena l-oħra, kont sorpriż ħafna għax kif għidt int, aħna konna maqtugħin mit-tiġrija għar-rebħ tal-kampjonat kmieni ħafna. Però, bqajt nemmen fija  nnifsi li dejjem stajt nagħti iktar fuq livell personali. Għamilt sagrifiċċju kbir li għalkemm ma kellniex ċans li nirbħu l-kampjonat bħala San Ġiljan, xorta bqajt nilgħab bil-qalb u b’sagrifiċċju, u ovvjament nirringrazzja lill-kowċis kollha li vvutawli biex irbaħt l-unur tal-Aqwa Plejer tas-Sena. 

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ tat-tim nazzjonali Karl Izzo u dan kif għenek matul il-karriera tiegħek fil-waterpolo sa issa?

Ir-relazzjoni tiegħi ma’ Karl Izzo hija waħda tajba ħafna għax għalkemm Karl huwa l-kowċ tiegħi, lil Karl nista’ niddeskrivih ukoll bħala ħija l-kbir, għalkemm fil-pixxina l-affarijiet ikunu differenti minħabba l-lat professjonali tal-logħba tal-waterpolo. Għandi rispett kbir lejn Karl Izzo għax mhux biss huwa ħabib tiegħi iżda wkoll kien dak il-bniedem li meta kelli 15-il sena kien iġeninni biex ninżel nitħarreġ il-waterpolo. Dak iż-żmien Karl kien għadu jilgħab ma’ San Ġiljan fit-Tieni Diviżjoni. Nixtieq nirringrazzja lil Karl ta’ dak kollu li għamel miegħi. 

U r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ ta’ San Ġiljan, Nicolic?

Sa xahrejn ilu, ir-relazzjoni tiegħi mal-kowċ ta’ San Ġiljan, Nicolic, kienet tajba ħafna. Però, inzerta li bħalissa m’għandniex kowċ, San Ġiljan.

U dik mal-President ta’ San Ġiljan, Daniel Aquilina?

Daniel Aquilina kien bniedem ieħor li għeni u għallimni ħafna u ħa ħafna paċenzja bija. Li kieku kien president ieħor naħseb li ma kienx jieħu paċenzja bija daqshekk wara li ġara fil-passat. Però, Daniel huwa bniedem ġentlom ħafna u naħseb li r-relazzjoni tiegħi miegħu hija waħda pożittiva.

Taħseb li f’Malta hemm bżonn li tinbena indoor pool?

Iva, hemm bżonn ta’ indoor pool. Dan għaliex fix-xitwa nkunu nistgħu nipprattikaw l-isport tagħna bil-qalb u mhux qisna sejrin għall-qatla meta jkollna t-taħriġ f’Jannar f’dik ix-xita, kesħa u maltemp.

Bħala riżorsi li fihom tilagħbu f’Malta dawn kif jikkumaparaw ma’ dawk li int lgħabt fihom barra minn xtutna?

M’għandhom x’jaqsmu xejn! Aħna pajjiż fqir meta nara l-mod u fejn nittrenjaw aħna għal dawk ta’ barra minn xtutna. 

Il-media sportiva f’pajjiżna tagħti biżżejjed prominenza lil-logħba tal-waterpolo jew tagħmel dan biss matul ix-xhur tas-sajf?

L-affarjiet qegħdin jinbidlu naqra. Il-media qisha qed iżżid il-promintenza tagħha lejn il-waterpolo. Dan għaliex il-waterpolo huwa l-uniku team sport f’pajjiżna li qed iġib riżultati tajbin mil-lat nazzjonali. Però, nemmen li l-media għandha tagħti ħafna iktar exposure lill-waterpolo, għax jekk il-poplu Malti ikun jaf il-pożittività li hemm fil-waterpolo, forsi l-ġenituri jibdew iħajru lit- tfal tagħhom biex jibdew jipprattikaw il-waterpolo u mhux dejjem futbol biss!

X’tikkummenta fuq l-amministrazzjoni tal-ASA mmexxija mill-President ferm ħabrieki, Joe Caruana Curran?

Joe Caruana Curran huwa l-President tal-ASA u b’hekk ma nixtieq nikkumneta xejn fuq is-Sur Joe. Mhux biċċa tiegħi li nikkummenta fuq Joe Caruana Curran, però iva s-Sur Joe huwa bniedem ħabrieki ħafna u jħobb ħafna l-logħba tal-waterpolo.

Taħseb li hemm bżonn li l-ASA torganizza iktar kampijiet ta’ taħriġ għalikom il-plejers li timmilitaw fit-tim nazzjonali barra minn Malta biex tkomplu ttejbu l-ħiliet tagħkom u tiltaqgħu ma’ iktar plejers ta’ klassi?

Hija diffiċli ħafna. Dan għaliex illum il-ġurnata, il-plejers kollha jaħdmu. Hija diffiċli ħafna li biex issiefer man-nazzjonal trid togħqod tħalli l-leave tiegħek tax-xogħol jew inkella tieħdu unpaid. Mhux sew fuq plejers li jridu jgħaddu minn dan kollu. Tinsiex li aħna man-nazzjonal nagħmluha għax inħobbu l-isport, mhux għax għandna xi inċentiv partikolari. Aħna ma naqilgħu xejn f’dak li għandu x’jaqsam ma’ finanzi. Naħseb din hija ħaġa li għandu jidħol fiha l-Gvern għax aħna mhux professjonisti, imma kulħadd għandu x-xogħol tiegħu. Li kieku aħna plejers professjonali, hemmhekk ngħidlek iva kampijiet ta’ taħriġ huma importanti ħafna li jsiru. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-logħba tal-waterpolo kemm ma’ San Ġiljan kif ukoll mat-tim nazzjonali tal-waterpolo?

Qed inħares lejn il-futur tiegħi b’pożittività kbira. Dan għaliex meta nħares madwari, dejjem qed nara plejers tajbin ħafna telgħin, kemm ma’ San Ġiljan, kif ukoll mat-tim nazzjonali tal-waterpolo.

Jekk xi tim ieħor jagħmillek offerta sabiħa biex tħalli lil San Ġiljan u tingħaqad ma’ xi tim ieħor, tikkunsidra li tħalli lil San Ġiljan jew tqis li l-futur tiegħek se jkun wieħed esklussivament ma’ San Ġiljan?

San Ġiljan twelidt u San Ġiljan immut! San Ġiljan sal-aħħar! 

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo.

Il-messaġġ tiegħi għat-tfal u żgħażagħ huwa dak li ma tħallu lil ħadd jagħżel l-isport għalikom. Però, kunu intom li tagħżlu xi sport tixtiequ tipprattikaw. Ipprattikaw kull sport li tistgħu sa minn età żgħira, imbagħad se tiġu f’ċertu età li tridu tagħżlu. Għal dawk it-tfal kollha li jaħsbu li l-logħba tal-waterpolo hija logħba diffiċli sejrin żball. Hija diffiċli biss jekk ma tkunux dedikati, però jekk tagħmlu sagrifiċċju u titħarrġu fil-logħba tal-waterpolo b’serjetà u dedikazzjoni, issir xi ħaġa faċli. Illum ħafna klabbs tal-waterpolo qegħdin jagħmlu parti wkoll minn skejjel tal-għawm, jiġifieri għal dawk kollha li jaħsbu li ma jafux jgħumu, nissuġġerilhom jibdew jagħmlu parti minn xi waħda minn dawn l-iskejjel. L-iskola imbagħad bil-mod il-mod tibda tressaq lil individwu konċernat lejn il-logħba sabiħa tal-waterpolo. Illum il-ġurnata kulħadd moħħu fil-futbol, però kif kulħadd jaf futbol jekk ma tkunx plejer tajjeb hija diffiċli biex tilgħab. Fil-waterpolo jilagħbu biss seba’ plejers fl-ilma u mhux is-seba’ plejers ikunu jifilħu jilagħbu logħba sħiħa, allura dawk li jkunu reserve għandhom iktar ċans jilagħbu mil-logħba tal-futbol. Tħarrġu biex tilagħbu u titħarrġu biex tgħidu qegħdin nagħmlu xi ħaġa! 

More in Sports