“L-isport tiegħi minn dejjem kien il-karate”

Emma Grech - atleta li bdiet tipprattika l-karate meta kien għad kellha biss ħames snin, qabel bdiet tilgħab il-basketball. Iżda ta’ 18-il sena bdiet timmatura u rrealizzat li l-isport tagħha minn dejjem kien il-karate. Minn dakinhar qatt ma ħarset lura fejn kisbet diversi suċċessi kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna f’din id-dixxiplina tal-Arti Marzjali.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-karate?

Meta kelli ħames snin il-ġenituri tiegħi ħaduni nipprattikka l-karate fil-klabb ta’ Birkirkara mmexxi minn Sensei Anthony Zammit. Dan l-isport laqatni ħafna għax għandu perspettivi differenti. L-Arti Marzjali huwa magħmul mir-rispett, kif ukoll mid-dixxiplina. Jekk m’għandekx dawn it-tnejn mela tista’ tgħid li l-karate ma jgħoddx għalik. Ta’ 7 snin ingħaqadt mal-klabb tal-Fgura mmexxi minn Sensei Joe Tanti u minn hemmhekk bdejt nikkompeti għal Malta fuq livell internazzjonali. Dejjem ksibt riżultati tajbin, xi drabi deheb, oħrajn fidda jew bronż. 

X’ġara meta kellek 14-il sena?

Ta’ 14-il sena deherli li kelli bżonn bidla allura ntfajt nilgħab basketball mal-klabb tal-Luxol fejn kellna tim sod. Lokalment irbaħna ħafna kampjonati kemm mal-U15 kif ukoll mal-U18 u mal-kbar. Fis-sena 2010 ġejt magħżula ma’ Malta biex nirrappreżenta lit-tim nazzjonali f’Pariġi fil-Logħob tal-FISEC. Avolja dan ma tantx kien suċċess għalina bħala tim, xorta waħda bqajna magħqudin u ma qtajniex qalbna.

Iżda l-karate dejjem baqa’ f’qalbek...

Hekk hu, u propju ta’ 18-il sena bdejt nimmatura u rrealizzajt li l-isport tiegħi minn dejjem kien il-karate. Erġajt ingħaqadt mal-ħbieb u mas-Sensei u ddeċidejt li nagħmel moħħi hemm għall-futur fl-isport tiegħi. Għall-bidu erġajt bdejt nieħu sehem f’kompetizzjonijiet nazzjonali sakemm nerġa’ nġib xi ftit tal-esperjenza. Fl-2011 dħalt għall-kompetizzjoni li ġiet organizzata fil-Kulleġġ De La Salle u ksibt riżultati tajbin ħafna ta’ tliet medalji tad-deheb. Fl-2012 intgħażilt ma’ Malta sabiex nikkompeti fl-iSvizzera fejn hemmhekk irbaħt il-fidda meta tlift kontra il-Kampjonessa Ewropea li kienet mit-Turkija. Sena wara erġajt dħalt għall-kompetizzjoni oħra nazzjonali fejn għal darb’oħra rbaħt id-deheb fil-kategorija tiegħi – dik tal-Females Seniors. 

Fis-sajf tal-2012 ġietek il-ħajra li tmur tgħix l-Ingilterra biex hemmhekk tmur tistudja u tipprattika l-karate b’iktar serjetà. Tina iktar dettalji. 

Hekk hu. Fil-fatt, f’dik is-sena kont tfajt applikazzjoni għal scholarship (Malta Sports Scholarships), sabiex nieħu ċ-ċans li nistudja u nitħarreġ il-karate barra minn Malta. Aċċettawni u issa qiegħda nistudja fl-Università ta’ Loughborough fejn qed inwettaq ix-xewqat tiegħi billi nġedded il-karriera tal-karate kemm jista’ jkun. Il-kompetizzjonijiet tiegħi ma waqfux, anzi żdiedu għal darba fix-xahar mill-inqas. Fortunatament dejjem mort tajjeb u ksibt ir-riżultati li xtaqt, jiġifieri deheb, fidda jew bronż.

Naf li s-sajf ta’ din is-sena fisser għalik diversi suċċessi fl-isport li tant tħobb...

Fis-sajf ta’ din is-sena ġejt magħżula għall-akbar kompetizzjoni li qatt daħlet fiha l-karate - ‘Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar’. Din il-kompetizzjoni kienet se ssir fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Settembru. Għalhekk għamilt sajf naħdem u negħreq ġbini sabiex inkun għamilt dak kollu li stajt biex nikseb riżultati pożittivi. Bl-għajnuna tas-Senseis Joe Tanti u James Galea kif ukoll tat-trainer personali tiegħi, Ray Zerefa ma’ ħafna oħrajn irnexxieli nikseb żewġ medalji tal-fidda fil-kumite (-61kg) u kata u bronż fl-Open Weight tal-Kumite. Is-suċċessi tiegħi ma waqfux hemm, għaliex ġimgħa wara tlajna biex nikkompetu fil-Polonja mal-istess skwadra fejn ksibt il-medalja tad-deheb fil-Kumite Female Senior fil-kategorija tal-61kg.

X’inhuwa l-għan tiegħek għall-futur?

L-għan tiegħi huwa dak li nibqa’ nitħarreġ u nikkompeti, kif ukoll li dejjem inħares ’il quddiem u qatt ma ninsa l-iżbalji li nkun għamilt.

More in Sports