Iċ-Champion tal-Juniors taċ-Ċess

Jake Darmanin – champion tal-juniors taċ-ċess u li b’dak li diġà kiseb ta’ età żgħira, jidher li għandu futur mill-isbaħ fl-istess sport

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċess?

Mhux minn dejjem kelli l-ħajra li nilgħab iċ-ċess. Meta nħares lura, ma nistax nimmarka eżattament minn fejn twieldet il-ħajra li navvanza fl-għarfien taċ-ċess. Fil-fatt, il-progress tiegħi kien kemxejn bilmod, tant li għal perjodu ta’ madwar sitt snin, ma kellix l-iċken interess li nkun aħjar, inqas u inqas li nilgħab il-logħba. Iktar kont interessat li nilgħab logħob elettroniku fuq il-games consoles l-antiki u fuq kompjuter Windows 95. Peress li ħadd minn familti ma kien jaf jilgħab iċ-ċess, ma kellix ma’ min nilgħab. Iktar kelli f’moħħi li ngħaqqad il-jigsaw puzzles.

Kif tgħallimt il-mossi bażiċi taċ-ċess?

Tgħallimt il-mossi bażiċi taċ-ċess meta kelli madwar seba’ snin, imma ma kontx naf il-mossi legali kollha, bħal castling u en passant, li huma inqas magħrufin min-nies inġenerali li jilagħbu l-logħba. Minn lat retrospettiv nista’ ngħid li kelli kurżità mill-inqas fuq il-possibiltajiet infiniti ta’ kif tista’ tissawwar logħba ċess. 

“Peress li ħadd minn familti ma kien jaf jilgħab iċ-ċess, kont moħħi fil-jigsaw puzzles”

Iżda fit-tieni sena tas-sekondarja, l-iskola riedet erba’ plejers biex jirrappreżentawha f’turnament żgħir ta’ bejn l-iskejjel. B’xorti tajba, avolja kont ’il bogħod ħafna minn livell li llum inqisu diċenti, flimkien ma’ tliet studenti oħrajn, intgħażilt biex nilgħab f’isem l-iskola. Għadni niftakar lill-għalliem tal-iskola St Michael f’Santa Venera, Alex Farrugia, ifakkarna r-regoli tal-castling fi triqitna lejn l-iskola fejn sar it-turnament. Fit-turnament ta’ bejn l-iskejjel spiċċajt b’żewġ paritajiet u rebħa. Kont iffurtunat li ma tliftx il-logħob li spiċċaw b’parità għax fit-tnejn li huma kont qiegħed nitlef, imma l-avversarji tiegħi daħlu fi stalemate. Stalemate isseħħ meta plejer ma jkollux mossi legali imma ma jkunx taħt ċekk; f’dak il-każ il-logħba tkun parità. Peress li l-logħbiet kienu qosra (kwarta kull plejer, jiġifieri massimu ta’ nofsiegħa tista’ ddum kull logħba), il-ħin huwa prezzjuż, u jista’ jkun fattur kruċjali fl-iżvolġiment tal-logħba. Madankollu, l-għalliem tas-sekondarja li kien qed jieħu ħsieb it-tim tagħna ssuġġerieli li nibda nieħu l-lezzjonijiet fis-sajf fl-iskola San Benedittu f’Ħal Kirkop.Minn hemm, bdiet tikber il-kilba biex nitjieb.

Kif komplejt tevolvi fiċ-ċess?

Sena wara rnexxieli nirbaħ il-kampjonat tal-iskola wara li rbaħt kull logħba. L-ikbar sodisfazzjon tiegħi kien meta fl-aħħar logħba rnexxieli negħleb lil student tal-ħames sena li waqt il-brejk tal-iskola kien jiggwidani fuq ċerti prinċipji ta’ kif tiftaħ il-logħba. Kienet sorpriża għall-għalliem li organizza t-turnament kif ukoll għalija.

Fl-2008 mbagħad kelli l-unur li nieħu t-tielet post fil-kategorija ta’ taħt l-erbatax-il sena. L-unika telfa ġarrabtha kontra Jeanluc Mangion, li spiċċa ġie l-ewwel fit-turnament b’massimu ta’ ħames punti. Għalkemm dak iż-żmien bl-erba’ punti li akkwistajt kont inkun sodisfatt, illum iżjed qed nagħti importanza lill-kwalità tal-mossi li nilgħab, iktar milli r-riżultat innifsu.

Fl-2010 irbaħt it-titlu tal-aqwa plejer ta’ taħt is-16-il sena għall-ewwel darba, bi tliet punti u nofs minn ħamsa. Dak kien turnament memorabbli għalija minħabba li kontra Leonard Farrugia kelli vantaġġ sew fuq l-arloġġ imma xorta spiċċajt tliftha. Wara l-logħba niftakar lill-veteran Stephen Farrugia, ħu Alex Farrugia li ħa ħsieb kamp taċ-ċess fis-sajf f’San Benedittu f’Ħal Kirkop, jgħallimni tagħlima importanti li għadha miegħi sal-lum: li meta tkun minn fuq fil-ħin, trid tara li tuża l-ħin tiegħek biex iżżomm il-logħba iktar ikkumplikata għall-avversarju, biex il-probabilità li jiżbalja tiżdied. Dan l-avviż għeni ħafna. Mhux l-ewwel darba li anke fl-ogħla livell taċ-ċess, issib li min ikun qed jirbaħ jinqabad f’din in-nassa li jilgħab kontra n-nuqqas ta’ ħin tal-avversarju, bil-konsegwenza li jispiċċa jitlef.

Fl-2011 kelli qabża enormi fil-klassifiċi internazzjonali tiegħi f’turnament pjuttost b’saħħtu meta mqabbel ma’ turnaments oħrajn li saru Malta fl-istess żminijiet. Kien turnament miftuħ għal kulħadd. Minn seba’ logħbiet, irbaħt ħamsa u tlift tnejn kontra ż-żewġ kompetituri li ġew fl-ewwel u t-tieni post rispettivament, biex b’hekk spiċċajt fit-tielet post minn 24 kompetitur. Minkejja n-nuqqas ta’ esperjenza, lgħabt u għelibt plejers kemm Maltin u barranin li fuq il-kitba kienu favoriti sew. 

F’dik is-sena ħadt sehem għall-ewwel darba fil-preliminari, li huwa l-ewwel fażi minn tlieta tal-kampjonat ta’ Malta. Il-preliminari huwa miftuħ għall-Maltin li għandhom klassifika lokali ta’ inqas minn 1850. Dak iż-żmien ir-rating lokali tiegħi kien 1508. Mill-preliminari jgħaddu sitta għall-fażi li jmiss: il-kandidati, li huwa miftuħ għall-Maltin li għandhom rating lokali ta’ 1850 jew iżjed u għas-sitta li għaddew mill-preliminari. Mill-kandidati mbagħad jgħaddu l-aqwa erbgħa għall-finali, flimkien maċ-champion ta’ Malta u l-plejer li ġie fit-tieni post fis-sena ta’ qabel, li awtomatikament jikkwalifikaw għall-finali. Fil-preliminari tal-2011 spiċċajt fit-tielet post minn ħdax, bi ksib ta’ ħames punti minn sebgħa, bl-uniċi żewġ telfiet li kkonċedejthom kontra l-plejers li ġew fl-ewwel u t-tieni post. Għaldaqstant ikkwalifikajt għall-kandidati.

Fil-kandidati, li huwa fażi pjuttost iktar iebes minn dak ta’ qablu, sibt oppożizzjoni ħafna iktar esperjenzata, tant li kelli riżultat batut immens għall-aspettattivi tiegħi. Kulma ksibt f’dak it-turnament kienu tliet punti minn sebgħa. Għalkemm kelli riżultat mhux mixtieq, għamilt il-kuraġġ biex nirranġa l-iżbalji tiegħi u ma nirrepetihomx. 

“Meta tkun minn fuq fil-ħin, trid tara li tuża l-ħin tiegħek biex iżżomm il-logħba iktar ikkumplikata għall-avversarju”

Fl-istess sena wkoll irbaħt għall-ewwel darba l-kampjonat ta’ taħt l-20 sena – titlu li kont ili għalih żmien twil. B’żewġ paritajiet u tliet rebħiet ġibt l-erba’ punti li kienu biżżejjed biex nirbaħ il-kampjonat. Kont l-uniku plejer li ma tliftx logħba mit-turnament kollu. Iktar milli għax irbaħt, kont ferħan li kelli logħbiet estetiċi b’ħafna sagrifiċċji u tattiċi. Barra minn hekk, f’logħba kruċjali kontra Andre Xuereb, li kien qed jiddefendi t-titlu tas-sena preċedenti, irnexxieli nirbaħ logħba mitlufa b’tattika sabiħa wara li offrejt serje ta’ paritajiet li bir-raġun, m’aċċettax l-avversarju. Meta ppreżentawli t-tazza, niftakar lil Ray Azzopardi, li kien jgħallimni ċ-ċess għal xi żmien, jgħidli li rrid nirbaħha tliet darbiet wara xulxin. Dak il-kliem baqa’ stampat f’moħħi u kont determinat biex nikseb anke aħjar minn hekk. 

Fis-sena ta’ wara, erġajt irbaħt it-titlu ta’ taħt l-20 sena għat-tieni darba u ġejt mistieden mill-federazzjoni taċ-ċess biex nikkompeti barra minn xtutna - f’Chania, fi Kreta. Fit-turnament setgħu jieħdu sehem parteċipanti ta’ taħt l-għoxrin sena fil-Mediterran. Kienet avventura għalija għax kelli tmintax u kienet l-ewwel darba li sifirt waħdi biex nirrappreżenta lil Malta. Ir-riżultat kien ferm pożittiv għalija għax minn 82 plejer, ġejt ikklassifikat fis-seba’ post fl-aħħar tat-turnament. B’sitt rebħiet, parità u żewġ telfiet, ħadt l-aqwa ta’ taħt it-tmintax-il sena. Fl-aħħar logħba ġibt parità importanti kontra plejer b’rating ta’ ’l fuq minn 2300. Bis-saħħa t’hekk, bdejt inħossni aktar kunfidenti.

X’għadda mingħalik fl-2013?

Fl-2013 erġajt irbaħt il-kampjonat ta’ taħt l-għoxrin sena għat-tielet darba, b’ħamsa minn ħamsa. Mill-mument li rbaħt l-aħħar logħba tal-kampjonat, bdejt naspira biex nerġa’ nirrepeti s-suċċess għall-aħħar darba li kont eliġibbli: fis-sena ta’ wara.

F’liema kompetizzjonijiet kont impenjat matul din is-sena?

Fl-2014 kelli l-opportunità li nirrappreżenta lil Malta fil-logħob tal-Commonwealth fi Glasgow, fl-Iskozja. Minn disa’ logħbiet, l-avversarji kollha tiegħi kellhom rating ogħla minn tiegħi. Minkejja dan, irbaħt tliet logħbiet, ġibt żewġ paritajiet u erba’ telfiet. L-ewwel logħba tatni l-ikbar sodisfazzjon ta’ ħajti: meta rbaħt kontra International Master (it-tieni l-ogħla titlu fiċ-ċess) b’rating internazzjonali ta’ 2375 - 500 punt ogħla minn tiegħi.

F’Settembru li għadda rbaħt il-Kampjonat ta’ taħt l-20 sena għar-raba’ sena konsekuttiva. X’emozzjoni ħassejt?

Ħassejtni fis-seba’ sema li ksirt rekord nazzjonali. Dan it-titlu kien intrebaħ minn Timothy Mifsud għal erba’ darbiet imma mhux infila. Ħadt gost ħafna bil-livell tal-mossi li lgħabt għax f’ebda punt ma kont mitluf.

X’impenji kellek f’Ottubru?

F’Ottubru ħadt sehem fil-finali għall-ewwel darba, wara li ġejt fit-tielet post fil-kandidati. L-aspirazzjonijiet tiegħi għall-ġejjieni, fost prospettivi oħrajn, huma li mmur tajjeb fil-finali u li nintagħżel għat-tim Malti tal-Olimpjadi tal-2016 li se jsiru f’Baku, fl-Ażerbajġan.

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti wara dawn is-suċċessi kollha li ksibt fil-karriera tiegħek?

Nixtieq nirringrazzja lil kull min għeni biex wasalt fejn qiegħed. Nispera li ’l quddiem ikolli opportunitajiet oħra biex nirrappreżenta lil pajjiżi, u nixtieq ukoll li ċ-ċess f’Malta jara wċuħ ġodda.

More in Sports