Klassi fil-handball u amministratur dedikat

Orlando Bonnici - wieħed mill-fundaturi tal-Phoenix SC waqt li jokkupa r-rwol ta’ President u amministratur prinċipali ta’ dan il-klabb

Kif dħalt fil-qasam tal-isport?

Għal xi raġuni minn dejjem kont miġbud lejn l-isport u ili minn ċkuniti dejjem ninvolvi ruħi fi sports differenti. Matul it-tfulija tiegħi kelli ċans ukoll nipprova diversi sports b’mod kompetittiv fosthom il-baseball, basketball, futbol u aktar tard l-isport li baqa’ l-aktar għal qalbi, il-handball. Illum il-ġurnata ħadt irwol aktar amministrattiv imma għadni nitħarreġ b’mod regolari kif ukoll nżomm ruħi attiv mhux biss fil-logħba tal-handball imma anki attivitatjiet fiżiċi personali.

Tista’ tgħidilna naqra fuq il-karriera tiegħek fil-handball?

Bdejt nilgħab il-handball ta’ 16-il sena wara li kont għamilt erba’ snin nilgħab basketball, u dik is-sena ġejt magħżul biex nipparteċipa fil-Logħob tal-FISEC li kienu se jsiru hawn Malta. L-ewwel darba li qatt ippruvajt il-logħba tal-handball kien ġewwa l-Junior College fejn xi wħud minn sħabi wrewni kif tintlagħab u mill-ewwel għoġbitni. Il-pożizzjoni tiegħi tissejjaħ dik ta Pivot u għandha rwol importanti fl-attakk tal-logħba tal-handball. 

“Nixtieq li aktar żgħażagħ u tfal Maltin ikollhom opportunità li jiżviluppaw grazzi għad-dixxiplina li tikseb meta tipprattika l-isports”

Matul is-snin kelli l-opportunità li nilgħab ma’ bosta klabbs tal-handball kif ukoll nikkowċja kemm fil-kategoriji tal-kbar kif ukoll f’dawk ta’ taħt is-17-il sena. Fil-karriera tiegħi rnexxieli nirbaħ bosta trofej bħala timijiet kif ukoll trofej individwali grazzi għall-appoġġ tal-klabbs u plejers li kont nilgħab magħhom dak iż-żmien. Kelli wkoll opportunità li nirrapreżenta lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet uffiċjali u logħob ta’ ħbiberija u għamilt 12-il sena nilgħab mat-tim nazzjonali. Servejt ukoll bħala kowċ nazzjonali tat-tim nazzjonali tan-nisa għal ħames snin fejn kelli l-opportunità li nikkowċja wkoll f’kompetizzjonijiet ta’ livell internazzjonali kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna.

X’kambjament tara fil-logħba tal-handball tal-lum il-ġurnata minn dik ta’ meta bdejt int?

Bla dubju l-livell Malti huwa ħafna aħjar bħalissa. Il-plejers ġodda li telgħin huma ferm aħjar mil-livell li kellna aħna ta’ dik l-età. Dan grazzi wkoll għall-fatt li hawn ħafna aktar informazzjoni dwar il-logħba tal-handball kif ukoll klabbs huma aktar organizzati u għandhom ukoll kowċis barranin li qed iġibu dimensjoni differenti fil-logħba tal-handball. Sfortunatament in-numru ta’ plejers fil-logħba mhux li hu wisq akbar u għadu diffiċli ħafna li tiġbed tfal, kemm subien kif ukoll bniet, lejn il-logħba tal-handball però mill-esperjenza tiegħi hi li dan hu l-istess f’ħafna sports hawn Malta. Nispera li fis-snin li ġejjin ikun hemm aktar edukazzjoni dwar l-isports tal-handball kemm fl-iskejjel kif ukoll fuq il-mezzi tax-xandir lokali biex b’hekk aktar tfal u żgħażagħ ikunu miġbuda lejn dan l-isports li huwa sabiħ, veloċi u spettakolari. 

X’taħseb li huma l-aktar problemi li jfixklu l-isports lokali?

Bla dubju llum il-ġurnata huwa aktar diffiċli li tiġbed it-tfal lejn sports partikolari u hemm numru ta’ fatturi għal dan. L-akbar problema li nara hi dik tal-kultura tagħna li mhijiex kultura li tagħti importanza lill-attività fiżika. Jidher li bil-mod il-mod din l-attitudni qiegħda tinbidel minħabba l-isforz ta’ klabbs tal-isports u għaqdiet governattivi imma xorta il-maġġoranza kbira taż-żgħażagħ tagħna jgħixu ħajja sedentarja bi ftit ħeġġa lejn l-isports. Ħafna drabi tissemma’ l-iskuża tad-daqs ta’ Malta però għandna ħafna eżempji ta’ pajjiżi li huma żgħar daqs jew iżgħar minna li jiksbu suċċess internazzjonali f’diversi dixxiplini sportivi. Irid ikun hemm aktar sforz u għaqda biex din il-kultura anti-sportiva tinbidel u jsir tagħlim kemm lit-tfal kif ukoll lill-ġenituri biex iż-żgħażagħ jibdew ikollhom ħajja aktar attiva. 

Problema oħra hija dik tal-fondi li hija battalja kontinwa biex klabbs sportivi bħal Phoenix Sports Club jibqgħu għaddejjin fl-operat tagħhom. Tajjeb li wieħed isemmi li tim wieħed fi sports partikolari jiġi jiswa’ eluf ta’ ewro fis-sena u dawn il-flus iridu jiġu minn x’imkien jew ieħor. Forsi l-istess kultura hija problema minħabba l-fatt li l-kummerċjanti Maltin jaraw l-investiment fl-isports bħala ħela ta’ flus imma jekk din il-kultura tinbidel allura jista’ jkun hemm aktar fondi biex l-isports Malti jimxi ’l quddiem. Però minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil dawk il- kumpaniji u individwi privati li jgħinu l-isports kollu Malti b’kontribuzzjonijiet jew sigħat ta’ xogħol volontarju biex ikollna opportunijiet sportivi ġewwa l-gżejjer Maltin.

Semmejt il-Phoenix Sports Club, x’inhu l-irwol tiegħek eżattament f’dan il-Klabb?

Jien wieħed mill-fundaturi tal-Phoenix SC kif ukoll nokkupa ir-rwol ta’ President u amministratur prinċipali ta’ dan il-klabb. Ftaħt dan il-klabb fl-2010 flimkien mal-kollega tiegħi Clinton Mifsud u Clinton jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-klabb. Clinton jieħu wkoll ħsieb flimkien ma’ grupp ta’ nies oħra l-isport tal-handball filwaqt li Gordon Buhagiar u Leonard Zammit Munro jieħdu ħsieb flimkien mat-timijiet tagħhom l-isports tal-basketball u volleyball rispettivament. Mingħajr l-appoġġ u l-ħidma siewja ta’ dawn in-nies flimkien ma’ nies oħra bħal Stephen Zammit u Jesmond Farrugia, il-klabb qatt ma kien jasal għal-livell li qiegħed fih illum u ninsab sodisfatt ħafna bix-xogħol tagħhom u tal-gruppi tagħhom. Il-klabb huwa membru tal-Kunsill Malti għall-Isport u huwa parti wkoll mill-Assoċjazzjoni Sportiva tas-Swieqi. Bdejna l-klabb bħala tim ta’ tmienja min-nies fl-isports tal-handball imma bil-mod il-mod matul dawn l-erba’ snin kiber fi sports oħra u llum il-ġurnata huwa klabb ta’ ’l fuq minn 200 membru. 

“L-isports għeni niżviluppa fi bniedem aħjar u tani ħafna opportunitajiet uniċi”

Matul dan l-istagun, il-klabb se jikkompeti bi 18-il tim f’erba’ sports differenti. L-isports prinċipali tal-Phoenix huma l-handball, basketball u volleyball u għall-ewwel darba se jkun hemm tim li se jikkompeti fil-kampjonat tat-tabletennis flimkien ma’ Sharp Shot Table Tennis School. Il-klabb tal-Phoenix jitfa’ ħafna enfasi fuq it-tagħlim tal-isports liż-żgħażagħ u tfal u l-filosofija prinċipali tagħna hija dik li nagħtu l-aħjar taħriġ possibli lil dawk iż-żgħażagħ li jiddeċiedu li jingħaqdu mal-klabb tagħna. 

Il-klabb jistieden ukoll timijiet barranin biex jiġu jitħarrġu hawn Malta u das-sajf biss kellna opportunitajiet li nistiednu u nilagħbu kontra timijiet barranin fl-isports tal-volleyball u handball. Il-klabb jorganizza wkoll attivitajiet filantropiċi u jaħdem ħafna mal-kumitat tal-Isports mill-Qalb biex jorganizza l-attività Plane Pull Malta fejn membri tal-Phoenix SC u l-pubbliku jiġbdu ajruplan full-size. Is-sena d-dieħla din l-attività se ssir fid-19 ta’ Marzu.

X’inhuma l-pjanijiet tiegħek personali kif ukoll għall-klabb li inti tmexxi?

Matul dawn l-aħħar snin kelli bilfors innaqqas l-attività kompetittiva tiegħi fil-qasam tal-logħba tal-handball bħala plejer. Dan sabiex nagħtu ċans lill-plejers promettenti li jilagħbu, kif ukoll minħabba xi injuries li sofrejt tul dawn l-aħħar snin. Nispera li jkolli l-opportunità li nilgħab għal ftit snin oħra imma wisq probabli se jkompli jiżdied l-ammont ta’ sigħat ta’ xogħol amministrattiv li se jkolli nagħmel għall-klabb. 

“Nixtieq li aktar ma jgħaddi żmien aktar ikun hemm tfal li jersqu lejn l-attività sportiva”

Min-naħa tal-klabb ta’ Phoenix, din is-sena hija l-ħames sena minn mindu ftaħna l-klabb jien u Clinton u għalhekk nisperaw li tkun sena pożittiva għalina. Il-pjan hu li nikkonsolidaw l-isports prinċipali tagħna speċjalment il-handball li qegħdin nikkompetu f’isem il-lokalità tas-Swieqi, dik tal-basketball li nikkompetu f’isem Ħal Qormi u għandna akkademja oħra ġewwa Ħ’Attard u dik tal-volleyball li bħalissa għadha indipendenti. 

Se ssir ukoll enfasi biex niġbdu aktar tfal lejn wieħed minn dawn l-isports fejn se jsibu ambjent tajjeb fejn se jgħinhom jiżviluppaw kemm bħala atleti kif ukoll bħala individwi. Aħna nipprovdu taħriġ f’dawn it-tliet sports kemm għat-tfajliet kif ukoll għall-ġuvintur ta’ kull età u għandna kowċis ta’ livell għoli ħafna li jgħallmu dawn id-dixxiplini sportivi. Il-klabb ukoll jikkolabora ma’ Sharp Shot Table Tennis School f’dak li għandu x’jaqsam mal-logħba tat-table tennis.

Phoenix SC qed jilqa’ wkoll opportunitajiet li jidħol fi sports oħra u nirċievu interess minn sports differenti però nikkunsidraw biss proġetti serji u li naraw opportunitajiet ta’ żvilupp kemm għall- Phoenix SC kif ukoll għall-atleti li jiddeċiedu li jissieħbu ma’ Phoenix SC. 

Xi kummenti tal-aħħar?

Nixtieq li aktar żgħażagħ u tfal Maltin ikollhom opportunità li jiżviluppaw grazzi għad-dixxiplina li tikseb meta tipprattika xi sport. L-isport għeni niżviluppa fi bniedem aħjar u tani ħafna opportunitajiet uniċi. Iltqajt ma’ ħafna nies u ħbieb li kienu u baqgħu f’ħajti għal ħafna żmien. Nispera li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nies u tfal jersqu lejn l-attività sportiva u anki l-iskejjel u l-ġenituri jindunaw li għandhom irwol importanti f’dan l-aspett.

More in Sports