“Kollox beda bħala kastig”

Michael Rizzo – plejer tal-waterpolo li sforz id-determinazzjoni kbira tiegħu kellu staġun mill-aqwa fil-waterpolo u dan hekk kif saħansitra għamel xi żmien jikkontempla jekk kellux jirtira minn din il-logħba li tant iħobb

Michael Rizzo
Michael Rizzo

Ta’ meta bdiet il-karriera tiegħek fil-waterpolo u kif bdiet?

Il-karriera tiegħi fil-waterpolo bdiet fl-età ta’ 14-il sena. Ħafna tfal jibdew xi ftit qabel minn din l-età u niftakar ċar li ħafna nies kienu jgħiduli biex nibda l-waterpolo qabel minflok naħli l-ħin jew niġri wara t-tfajliet jew nistad wara ħajt fil-pitch tas-Sliema. Kont diġà għawwiem tajjeb u kont ikkowċjat minn Alfred Cachia xi snin qabel, meta kelli xi 10 snin. Niftakar lil ommi li kienet teħodni l-Pixxina Nazzjonali qabel l-iskola biex ngħum , u ovvjament dik kienet xi ħaġa li ma tantx kont inħobb minħabba li jien ma tantx inħobb inqum kmieni filgħodu, biex ma nsemmix li kont insib l-għawm bħala sport veru ta’ dwejjaq. Iżda dejjem kont ningħata kumplimenti li jien kont għawwiem naturali jew li kont ngħum mingħajr ma nuri tbatija. 

Kollox beda bħala kastig. Niftakar lis-sieħeb ta’ ommi li dak iż-żmien kien jgħix magħna, Paul Saliba, li minħabba xi ħaġa li kont għamilt meta kelli 14-il sena ġiegħlni nattendi ġimgħa sħiħa ta’ taħriġ. Niftakar ċar li huwa kien qagħad bilqiegħda matul is-sessjonijiet kollha ta’ taħriġ għall-ġimgħa sħiħa biex jagħmel ċert li ma niqafx ngħum jew li nqarraq f’xi lap jew nieqaf għall-mistrieħ. Hemmhekk beda kollox. 

“Il-mewt ta’ missieri affettwatni b’mod negattiv ħafna. Qattajt sena f’kontemplazzjoni fejn ma kontx ċert eżatt x’ridt nagħmel f’ħajti”

Minn hemmhekk x’kompetizzjonijiet irbaħt?

Wara dan irbaħt il-kompetizzjonijiet kollha tal-juniors matul is-snin, darbtejn bħala captain ta’ Sliema Youths waqt li temmejt bħala l-aqwa skorer f’ħafna okkażjonijiet u kont deskritt bħala l-aqwa talent żagħżugħ f’Malta għal żmien twil. Dan kollu daħal f’rasi u bdejt nieħu l-affarijiet b’ovvji. Tal-età ta’ 16-il sena bdejt niħarreġ mat-tim tal-kbar ta’ Sliema u xi drabi ngħatajt iċ-ċans li nilgħab kontra avversarji inqas b’saħħithom minna. Madankollu meta kelli 18-il sena lura fl-2002 għalkemm kont inħoss li kont tajjeb biżżejjed qatt ma ngħatajt iċ-ċans tajjeb li nilgħab, lanqas ma’ Sliema ġew biex joffruli kuntratt li kien iżommni interessat fil-waterpolo u ma kellix intenzjoni u lanqas xewqa li nbiddel il-klabb. U għalhekk iddeċidejt li nieqaf nilgħab waterpolo. Niftakar li stajt nibqa’ nilgħab logħob ta’ taħt id-19-il sena li kieku ridt, iżda għażilt li nieqaf nilgħab. F’dan il-punt għalkemm ma kont għadni ksibt l-ebda suċċess fil-karriera tiegħi, li fil-fatt kienet għadha lanqas biss bdiet, iżda f’moħħi ta’ injorant li kont f’dik l-età kont ħsibt li fil-fatt li diġà kont ksibt kollox fil-waterpolo. Ma fhimtx x’kont qed narmi!

Bejn l-età ta’ 18 u t-22 sena numru ta’ klabbs interessaw ruħhom fija biex nerġa’ nibda l-waterpolo. Iffirmajt kuntratt b’self ma’ San Ġiljan f’dan iż-żmien. Warren Debono kien il-kowċ u huwa kkonvinċieni biex nilgħab u tani ċans. Lgħabt l-ewwel logħba u kont tajjeb iżda wara dan kollu ksirt idi f’inċident, u ma stajtx nilgħab fil-bqija tal-istaġun. 

X’ifisser għalik il-leġġendarju tal-waterpolo lokali Marco Manara?

Fl-2006 Marco Manara ġie appuntat bħala kowċ ta’ Sliema. Jien dejjem kont partitarju ta’ dan il-plejer. Kont lgħabt miegħu meta kont qed niġi introdott fl-ewwel tim ta’ Sliema ta’ età żgħira u rbaħt kampjonat miegħu qabel kelli nieqaf mill-waterpolo għall-ewwel darba. Huwa kien dejjem iħajjarni biex nerġa’ nibda l-waterpolo u li kont qed naħli t-talent li kelli meta kont wieqaf mil-logħob. Kont nisma’ dan il-kumment kważi kuljum iżda li tisma’ dan il-kumment minn plejer tal-kalibru ta’ Marco kellu effett fuqi u fil-fatt meta staqsieni biex nirrikunsidra u nerġa’ nibda nilgħab għalih ma’ Sliema, ħsibt ħafna dwarha u ddeċidejt li nieħu ċans. Kelli rispett kbir għal Marco u ma ridtx niddiżappuntah. Huwa kien kowċ iddixxiplinat u kien strett ħafna miegħi. Inkoraġġieni ħafna u kien kowċ mill-aqwa. 

F’dak iż-żmien dan kien eżatt dak li kelli bżonn u qabel ma kont naf għamiltha mal-ewwel sebgħa ta’ Sliema u kont qed nilgħab tajjeb. Kont għamiltha, wara 4 snin ta’ ħajja mhux denja ta’ atleta, irnexxieli nerġa’ lura fit-triq it-tajba u bdejt nilgħab bil-kunfidenza għal darb’oħra. Dan kien minħabba r-rispett li kelli għal Marco Manara u għall-kunfidenza li wera fija, waqt li xtaqt nikkonvinċi lit-tfajla tiegħi ta’ dak iż-żmien li tabilħaqq stajt nirnexxi. Xi ħaġa tipika tiegħi!

Wara sena ta’ suċċess personali ma’ Marco Manara, fis-sena ta’ wara kont qed nilgħab l-aqwa waterpolo ta’ ħajti, din id-arba ma’ kowċ ieħor, u probabbilment il-kowċ favorit tiegħi u persuna li dejjem wera kunfidenza fija u li dejjem kien jaf kif joħroġ l-aħjar minn ġo fija bil-mod li bih kien jikkowċjani u jinkoraġġini. Dan kien Peter Decesare lura fl-2007. Tlifna l-kampjonat iżda rbaħna n-knockout. Fis-sena ta’ wara kelli xi ngħid mal-kowċ Igor Gocanin u għalhekk ingħaqadt ma’ Exiles b’self fejn irbaħna l-kampjonat u n-knockout fejn irnexxielna nibqgħu mhux megħluba matul l-istaġun kollu. F’dik is-sena (2008) irnexxieli nirbaħ ukoll l-ASA Plejer tas-Sena tat-Tieni Diviżjoni. Fis-sena ta’ wara rritornajt ma’ Sliema fejn irbaħna t-treble (il-kampjonat, in-knockout u l-kampjonat tax-xitwa) fl-2009. Is-snin 2010, 2011 u 2012 ġabu knockout ieħor u tliet kampjonati tax-xitwa oħra għas-sodisfazzjon tagħna. Neptunes kienu bdew jiddominaw ix-xena tal-waterpolo lokali. Għalkemm aħna konna dejjem inkunu fil-finali, ikolli nammetti li huma dejjem kienu kemxejn aħjar minna. 

“Irrealizzajt li kont ħallejt l-iktar affarijiet importanti f’ħajti jmutu mewta naturali, u dan meta kelli 28 sena. Il-waterpolo kien wieħed minnhom”

U x’ġara fl-2012?

Fl-2012 missieri marad bil-marda qerrieda tal-kanċer u qatta’ ħafna mill-ħin tiegħu l-isptar. Kawża ta’ hekk jien kelli nqatta’ ħafna ħin miegħu wkoll waqt li kelli mmur naħdem u niddedika ħin għall-waterpolo. Din kienet xi ħaġa diffiċli ħafna għalija fejn sofra l-waterpolo minħabba li bdejt infalli sessjonijiet ta’ taħriġ li fisser li bdejt inkun iktar fuq il-bank milli fl-ilma waqt il-logħob tal-waterpolo mas-Sleima. Wara s-sena 2012 li kienet waħda twila u mimlija tensjoni, f’nofs l-istaġun kelli inċident stramb u ksirt is-swaba’ ta’ saqajja u kont sfurzat li nitlef minn ġimagħtejn sa tliet ġimgħat tal-istaġun. Dan żied mat-tensjoni li kelli kemm minħabba l-marda ta’ missieri kif ukoll mat-tensjoni li x-xogħol ta’ kuljum iġib miegħu. B’hekk iddeċidejt li kien ikun aħjar li nieqaf mill-waterpolo milli naħli minn tlieta sa erbat ijiem fil-ġimgħa nitħarreġ u noqgħod fuq il-bank minflok nilgħab fl-ilma. Ma stajtx niddedika l-ħin li tirrikjedi l-logħba tal-waterpolo f’dak il-punt f’ħajti. Eventwalment missieri miet f’Ottubru ta’ dik is-sena. 

Kif affetwatek il-mewt ta’ missierek?

Il-mewt ta’ missieri affettwatni ħafna b’mod negattiv. Qattajt sena f’kontemplazzjoni fejn ma kontx ċert eżatt x’ridt nagħmel f’ħajti. Bdejt nipprattika diversi delizzji u sports bħas-sajd biex jgħinuni nimla l-ġurnata. Ridt xi ħaġa inqas ta’ tensjoni. Ħaġa mexxiet għall-oħra u qabel ma ndunajt, irrealizzajt li kont ħallejt l-iktar affarijiet importanti f’ħajti jmutu mewta naturali, u dan meta kelli 28 sena. Il-waterpolo kien wieħed minnhom. 

X’fisser għalik l-unur li rbaħt għall-aħjar plejer għax-xahar ta’ Lulju?

B’modestà ngħid li l-fatt li rbaħt l-unur tal-aqwa plejer tax-xahar għal Lulju kienet xi ħaġa sabiħa. Jien waqaft nilgħab il-waterpolo f’nofs l-istaġun tal-2012 wara li kont sofrejt minn injury f’sieqi u minħabba raġunijiet oħra personali. Għalhekk il-fatt li rbaħt dan il-premju personali wara staġun u nofs ma nitħarriġx waqt li bdejt it-taħriġ tal-pre-season erba’ xhur tard matul dan l-istaġun jista’ jitniżżel bħala l-isbaħ mument fil-karriera tiegħi sa issa fil-waterpolo, bla dubju, ovvjament fuq bażi personali!

“Din kienet l-ewwel darba f’ħajti li ma kontx xettiku mill-bidla”

Dan l-unur ma kienx jiġi għandek li kieku f’Jannar li għadda ma ddeċidejtx li tagħti l-aħħar ċans lill-waterpolo f’ħajtek. X’ġara eżatt u kif qed tħares ’il qudddiem lejn il-futur tiegħek f’din il-logħba li tant tħobb?

Iva, fil-fatt f’Jannar tal-2014 iddeċidejt li kelli nagħti l-aħħar ċans lill-waterpolo f’ħajti. Valletta kkuntattjawni u kkonvinċewni biex nilgħab magħhom. Parti minni kienet eċitata minħabba l-fatt li n-nannu tiegħi, Joe Ciappara kien jilgħab ma’ Valletta fil-passat, waqt li kull meta waqaft mill-waterpolo huwa kien dejjem jinkoraġġini biex nerġa’ nibda nilgħab, u għalhekk ridt nagħmel xi ħaġa għalih. Huwa qatt ma falla logħba tiegħi fil-logħob kollha li niftakarni nilgħab. In-nannu tiegħi kien dejjem il-partitarju numru 1 tiegħi. Ukoll, il-fatt li Anthony Farrugia iktar magħruf bħala l-Panelli kien il-kowċ ta’ Valleta għamilha iktar faċli għalija li nagħżel lil Valleta għax kont naf li kelli mmur tajjeb miegħu. Huma urew interess kbir fija u kellhom pjan serju. Din kienet l-ewwel darba fil-ħajja tiegħi li ma kontx xettiku mill-bidla u ddeċidejt li niffirma kuntratt ta’ erba’ snin mat-tim mill-belt kapitali. L-għan kien li nevitaw ir-relegazzjoni u mbagħad nibnu fuq dak fl-istaġun ta’ wara. U erba’ xhur wara rnexxieli nirbaħ il-Plejer tax-Xahar għal Lulju, evitajna r-relegazzjoni u rreġistrajna diversi riżultati pożittivi matul it-triq. Barra minn hekk il-kowċ nazzjonali tal-waterpolo Karl Izzo kkuntattjani biex niddiskutu l-possibbiltà li nirrapreżenta lil Malta f’Ottubru li ġej. Ikolli ngħid, ma kellix l-agħar bidu għall-isfida l-ġdida tiegħi u qed inħares ’il quddiem b’antiċipazzjoni għal dak li hemm lest għalija fil-futur qarib. F’dan il-punt f’ħajti jien ngħid lili nnifsi li kieku ħadt il-waterpolo b’iktar serjetà meta kont iżgħar, min jaf x’kien jiġri! Però nsostni li l-vers: ‘Aħjar tard milli qatt’ jgħodd eżatt għall-karriera tiegħi fil-waterpolo!

More in Sports