Impenn sħiħ għall-badminton lokali

Joanne Cassar – Segretarju Ġenerali ta’ Badminton Malta li flimkien ma’ persuni oħra fl-istess assoċjazzjoni għenet bis-sħiħ biex din l-assoċjazzjoni tagħmel passi ta’ ġgant ’il quddiem f’dawn l-aħħar xhur.

Kif iltqajt mal-isport tal-badminton?

Jien bdejt nilgħab il-badminton pjuttost tard, fl-età ta’ 18-il sena, meta kont l-aħħar sena tas-sixth form, fl-1989. Kelli ħabib tiegħi, Karl Gambin, li kien ilu jgħidli biex immur nipprova nilgħab fil-free lessons li kien ikollna. Fl-aħħar ċedejt u mort nipprova. Meta tikkunsidra li l-iskola fejn kont immur jien, id-Dorotej tal-Imdina, ma tantx konna nagħmlu sports, għax ma tantx kellna fejn, ħlief għal bitħa fejn kien jintlagħab il-volleyball, ma domtx wisq biex qbadt il-badminton. Fil-fatt l-isports master kien ħeġġiġni nissieħeb ma’ xi klabb biex inkun nista’ nitħarreġ iżjed. Ftit xhur wara kont bdejt nattendi s-sessjonijiet ta’ taħriġ mal-klabb ta’ St Andrews. L-istaġun ta’ wara kont isseħibt mal-Klabb Valletta Badminton, u minn hemm nista’ ngħid li l-karriera sportiva tiegħi bdiet. Ħadt it-taħriġ bis-serjetà ħafna u tista’ tgħid li fi żmien tliet snin irbaħt l-ewwel minn 11-il titlu nazzjonali tas-Singles tan-Nisa.

X’jogħġbok l-iktar f’dan l-isport tista’ tgħid uniku?

Jien dejjem kont nippreferi sport individwali u non-contact sport. Kont niddejjaq meta kienu jdaħħluni f’xi logħba basketball jew futbol, fejn kulħadd jimbotta u jagħti bl-idejn jew bis-saqajn u tispiċċa tweġġa’. L-isport tal-badminton huwa uniku ħafna. Il-fatt li ma jintużax ballun, imma ‘shuttlecock’, li ma jistax imiss mal-art, jagħmlu inimitabbli. Il-fatt li huwa “the fastest racket sport”, b’rekord dinji ta’ smash speed li jilħaq 493 km fis-siegħa. Jaffaxxinawni l-aqwa atleti fid-dinja ta’ dan l-isport bil-fiżiċità tagħhom, il-ħeffa, imma fl-istess ħin is-saħħa li għandhom bżonn għal-logħba. Jogħġobni ħafna l-fatt li tista’ tilgħab tliet logħbiet differenti, Singles, Doubles u Mixed Doubles. Huwa sport li jista’ jintlagħab f’kull età; fil-fatt għandna żewġ membri fl-assoċjazzjoni, wieħed ta’ 75 sena u ieħor ta’ 80 sena, li jiġu jilagħbu regolari. 

“Il-futur ta’ dan l-isport jiddependi minn kif tmexxih l-għaqda”

Inti kont waħda mill-aqwa plejers femminili li qatt rat Malta. Fost l-oħrajn irbaħt għal 11-il darba t-titlu tas-Singles tan-Nisa u t-triple crown għal 3 darbiet. X’inhu l-iktar unur li huwa għal qalbek?

Kull titlu nazzjonali huwa speċjali, imma t-triple crowns għandhom valur iżjed partikolari. Dan għaliex fis-singles tirbaħ bil-ħila tiegħek, imma fid-doubles hemm ukoll plejers oħrajn involuti. Dan juri li atleta jkun kommess fit-taħriġ mhux għalih biss imma anke ma’ ħaddieħor biex jintrebħu dawn it-titli. Juri element ta’ team work ukoll. Madankollu l-aħħar titlu li rbaħt tas-Singles huwa speċjali wkoll, għax irbaħtu wara li kont għamilt iżjed minn sena wieqfa b’injury f’dahri. Kont ippreparajt ruħi ħafna fiżikament biex żgur ma jerġax ikolli problemi, u dan swieni ħafna meta ġejt għal din il-kompetizzjoni tant importanti għalina l-plejers. 

U fix-xena internazzjonali għandek xi rikordju partikolari li tgħożż?

L-iżjed rikordju li jiena ngħożż huwa dik id-darba meta, bħala t-tim nazzjonali, ħadna sehem fil-kampjonati tad-dinja f’Lausanne, l-Isvizzera fl-1995. Konna fi grupp flimkien mal-Arġentina, Brażil, Marokk u s-Slovakkja. Irbaħna 3 logħbiet minn erbgħa, u dan fisser li aħna ġejna t-tieni fil-grupp. Kien riżultat li dejjem ħlomna li nġibu, u din id-darba l-ħolma saret realtà. Il-badminton kien wieħed mill-ftit sports lokali li kellu x-xorti u l-opportunità li jkun fil-kampjonati tad-dinja għal erba’ darbiet: fl-1991 f’Copenhagen id-Danimarka, fl-1993 f’Birmingham l-Ingilterra, fl-1995 f’Lausanne l-Iżvizzera u fl-1997 fi Glasgow l-Iskozja, u dan grazzi wkoll għall-ħidma tal-President ta’ dak iż-żmien Joe Seychell u l-kowċ tat-tim nazzjonali Martin Farrugia, li ħadmu ħafna biex dan is-suċċess jasal.

Rikordju ieħor li ngħożż ħafna huwa meta fl-istess kampjonati tad-dinja fl-1993, f’Birmingham, jien u Aldo Polidano (Mixed Doubles Partner – irbaħna darbtejn il-Kampjonati Nazzjonali), it-tnejn debuttanti, ġarrejna l-bandiera ta’ Malta fiċ-ċerimonja tal-ftuħ. Naħseb għal kull atleta dan hu mument speċjali ħafna, fejn int tħossok kburija bl-identità tiegħek u, żgħar kemm aħna żgħar, xorta qegħdin nieħdu sehem ma’ dawk il-pajjiżi kollha.

Joanne, għalkemm int għadek tikkompeti fil-badminton sal-lum il-ġurnata, l-irwol tiegħek f’dan l-isport illum inbidel kemxejn għaliex sena ilu ħadt il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Għaliex tħajjart tidħol għal din l-isfida ġdida?

Iva, sena ilu fil-Laqgħa Ġenerali Annwali jien ġejt eletta mid-delegati tal-klabbs biex nieħu r-rwol ta’ Segretarju Ġenerali ta’ Badminton Malta. Għalija din ma kinitx deċiżjoni faċli, għaliex huwa rwol impenjattiv ħafna, imma ħassejt li kien wasal iż-żmien li l-badminton f’Malta għandu jitmexxa b’mod differenti minn kif tmexxa f’dawn l-aħħar 20 sena. Kien wasal iż-żmien li nieħdu dan l-isport f’livell ogħla, li nbiddlu l-istruttura tal-għaqda. Fl-indirizz tiegħi lill-membri tal-għaqda u lid-delegati tal-klabbs, jien għidt li l-pjan tiegħi kien li Badminton Malta għandha titmexxa b’mod modern, trasparenti u effiċjenti. Jiena nemmen li l-iżjed ħaġa importanti bejn l-Għaqda, il-Klabbs u l-Membri tagħhom hija l-komunikazzjoni. Irridu nkunu qrib il-plejers, inkunu nafu x’jixtiequ u huma jkunu jafu aħna x’qegħdin nagħmlu, x’inhuma l-għanijiet tagħna u fejn irridu naslu.

Taħseb li saret xi bidla fid-direzzjoni fit-tmexxija ta’ Badminton Malta? Semmili x’kienu l-kisbiet ewlenin ta’ Badminton Malta tul dan l-istaġun?

Jien naħseb li saret bidla drastika fit-tmexxija ta’ Badminton Malta, tant li l-ewwel artiklu li deher fil-gazzetti kien intitolat “Bidu Ġdid għal Badminton Malta”. Għamilna rebranding tal-Għaqda, tajna dehra ġdida u moderna, b’logo ġdid, ħloqna paġna fuq Facebook li llum il-ġurnata għandha ’l fuq minn 600 like u l-posts tagħha jilħqu mal-4,000 ruħ fil-ġimgħa. Kull ġimgħa kellna l-Polidano Press Big Match, fejn urejna fuq Youtube u fuq Facebook l-aħjar logħba tal-ġimgħa. Ħloqna kompetizzjoni tal-fotografija, AtoZ Photo of the Month, fejn kull min ħa xi ritratti waqt attivitajiet tal-badminton seta’ jibgħathomlna u aħna tellajniehon fuq Facebook, biex dak ir-ritratt li jġib l-iżjed “likes” jirbaħ premju ġentilment mogħti mill-AtoZ. Kellna artikli regolari fil-gazzetti lokali kollha. Bdejna nużaw software ġdid, ġentilment mogħti minn Fort Blocks, għall-kompetizzjonijiet kollha, fejn il-parteċipanti setgħu japplikaw online u r-riżultati jidhru online wara ftit ħin li tkun għaddiet il-kompetizzjoni. Il-parteċipazzjoni f’kull kompetizzjoni rat żieda fil-plejers; dan ifisser li l-interess f’dan l-isport reġa’ qam. Għall-ewwel darba wkoll organizzajna Junior Mixed Team League li ħadu sehem fih 4 timijiet, u l-għan tagħna hu li nkomplu nżidu fil-qasam taż-żgħażagħ. Ħa jkollna wkoll l-opportunità li l-finali tal-Kampjonati Nazzjonali se jintwerew fuq GO Sports fil-ġranet li ġejjin, opportunità unika oħra.

“Irridu naraw kif se nifirxu dan l-isport iżjed fl-iskejjel u fl-irħula”

Fuq livell internazzjonali nixtieq insemmi li kienet sena attiva ħafna. L-ewwel li nixtieq insemmi hi l-esperjenza li ż-żewg plejers, Fiorella M. Sadowski u Samuel Cali kellhom meta rnexxielhom jikkwalifikaw għall-Kampjonati Ewropej. Din kienet l-ewwel darba għall-plejers Maltin. Għal dan nixtieq nirringrazzja lill-Kumitat Olimpiku Malti li, bis-saħħa tal-għajnuna tiegħu, din il-mawra kienet possibbli. Dawn l-istess plejers ħadu sehem f’turnaments oħrajn taċ-ċirkwit Ewropew l-Irlanda, l-Italja u l-Greċja.

Fil-qasam taż-żgħażagħ kellna lil Kyle Sciberras li ħa sehem f’turnament fil-Lussemburgu, waqt li Matthew Abela, Mark Abela u Sam Cassar ħadu sehem fiż-Żagreb Youth Open, u dawn tal-aħħar, flimkien ma’ Sarah Fava, ħadu sehem riċentement fil-Merano Youth Tournament, fejn ġabu riżultati tajbin ħafna. Matthew Abela spiċċa fit-tieni post fl-U15 Singles tas-subien u Mark Abela/Sam Cassar spiċċaw fit-tielet post fl-U13 Doubles tas-subien. L-aħħar ħaġa li xtaqt insemmi hi li Sarah Fava rnexxielha tidħol fl-Iskola tal-Isport. Din hi l-ewwel darba li atleta tal-badminton ħa tkun parti minn din l-iskola u m’għandi l-ebda dubju li se tmur tajjeb f’kull qasam.

Għandkom xi pjanijiet jew proġetti mħejjija għall-futur ta’ dan l-isport?

Il-futur ta’ dan l-isport jiddependi minn kif tmexxih l-għaqda. L-għan tal-kunsill huwa wieħed - dak li nkabbru l-isport tal-badminton f’Malta u li nagħtu l-opportunità lil kulħadd; jekk naħdmu flimkien, mela allura nirnexxu. Irridu nkabbru dan l-isport billi l-klabbs kollha jkollhom dak il-grupp ta’ tfal/żgħażagħ li jitħarreġ u jilgħab regolarment. Irridu naraw kif se nifirxu dan l-isport iżjed fl-iskejjel u fl-irħula.

Qegħdin naraw kif liż-żgħażagħ nistgħu nagħtuhom taħriġ iżjed intensiv, biex intejbu l-livell tal-logħob, u dan jista’ jsir biss billi ntejbu l-livelli tal-kowċis Maltin u billi l-plejers stess jieħdu sehem b’mod regolari f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna.

“Għandna żewġ membri fl-assoċjazzjoni, wieħed ta’ 75 sena u ieħor ta’ 80 sena”

Fil-qasam tal-kbar, qegħdin inħejju u naħdmu bla heda biex 2 plejers jikkwalifikaw għall-ewwel edizzjoni tal-European Games li se jsiru f’Ġunju tal-2015 fl-Ażerbajġan. Hawnhekk ukoll hemm ħafna preparazzjoni x’issir min-naħa tal-plejers/kowċis kif ukoll min-naħa tal-amministrazzjoni.

B’dan f’moħħna, din is-sena se jkollna kowċis barranin li se jżuruna u jagħmlu kampijiet ta’ taħriġ għall-plejers tagħna b’mod iżjed intensiv mis-soltu, bi tħejjija għal dawn l-avvenimenti tant importanti.

Fl-2016 hemm il-possibbiltà li jiġu organizzati f’Malta l-ISF World School Championships tal-Badminton. Din hi l-ikbar attività li badminton Malta se tkun organizzat f’dawn l-aħħar 35 sena u li normalment tiġbed mal-20 pajjiż biex jieħdu sehem. Għal Badminton Malta din hi opportunità tad-deheb u rridu naħdmu bla heda biex ma nitilfuhiex, għax Malta trid terġa’ tpoġġi l-marka tagħha fuq il-mappa internazzjonali tal-badminton.

L-aħħar proġett li nixtieq insemmi, li hu pjuttost fit-tul, hu dak li ħafna minna ilna noħolmu bih snin twal, dak li jkollna kumpless iddedikat għall-badminton. Hija ħolma li nħossu xi darba ssir realtà, bl-għajnuna ta’ ħafna nies. Din tkun żvolta għall-isport tagħna għaliex id-diffikultajiet dwar fejn jintlagħbu l-kompetizzjonijiet nazzjonali/internazzjonali u fejn isir it-taħriġ tal-klabbs jonqsu mhux ftit. It-taħriġ tal-plejers u tal-kowċis ikun jista’ jsir bl-apparat u l-ambjent adattat għall-badminton. Anke t-tmexxija tal-għaqda stess tkun aħjar għax ikollha post ċentrali minn fejn tista’ tmexxi.

L-aħħar ħaġa li xtaqt ngħid hi li dan kollu li semmejt ma setax ikun possibbli li kieku ma kienx hemm grupp ta’ nies jaħdem għal għan wieħed. B’hekk nixtieq ngħid grazzi lil kull min ta kontribut biex din is-sena kienet waħda ta’ suċċess kbir għall-badminton f’Malta kif ukoll lill-isponsors, lill-Kumitat Olimpiku Malti u lill-Kunsill Malti għall-Isport.

More in Sports