L-aqwa plejer Maltija tal-handball femminili

Brenda Mamo - plejer u l-captain tat-tim tal-Aloysians Żmerċ u hija plejer prominenti ħafna fl-isport tal-handball Malti. Għandha 26 sena u minn dejjem kienet sportiva. Meta bdiet l-isport tal-handball indunat li dan kien l-isport għaliha.

Meta bdejt tipprattika l-isport tal-handball u x’laqtek l-iktar f’dan l-isport?

Bdejt nipprattika l-handball għall-ewwel darba meta kelli ħdax-il sena. Minn dakinhar ’l hawn ma waqafx. Il-handball għalija huwa parti essenzjali minn ħajti. Huwa sport li fih trid tkun determinata u preparata kemm fiżikament u anke mentalment peress li huwa sport veloċi u b’ħafna kuntatt mal-avversarji. F’din il-logħba kull plejer huwa kemm attakant u kemm difensur, u għalija dan hu element li jagħmel din il-logħba daqshekk kompetittiva u attraenti. Fattur ieħor li jagħmel il-logħba tal-handball sabiħa hu s-sens ta’ tim. Il-preparamenti individwali, fiżiku, tekniku, ta’ tattika kif ukoll dak psikoloġiku huma kruċjali biex tikber u titjieb bħala plejer. Iżda l-unjoni u sinerġija tat-tim kollu huwa fattur importanti ħafna wkoll. Int tħossok parti minn tim u tkun trid taħdem u tagħti kollox għat-tim tiegħek.

“Ma naħsibx li nista’ nfisser bil-kliem kemm kien importanti għalija dan l-unur li rbaħt għall-istaġun li għadda”

Issa li semmejt l-element ta’ tim, kemm ilek tilgħab mal-Aloysians Żmerċ?

Jien, kif diġà semmejt, bdejt ta’ età żgħira u l-ewwel li bdejt kien ma’ tim tal-iskola fejn kienet tiġi tikkowċjana plejer mit-tim tal-Aloysians. B’hekk għamilt l-ewwel kuntatt ma’ dan it-tim. Wara kont attendejt ukoll skola tal-handball immexxija mill-Head Coach tal-Aloysians Handball Club, Milos Stanisljavlevic, u minn hemm dejjem bqajt mat-tim tal-Aloysians. Din is-sena għalaqt il-ħmistax-il sena tiegħi bħala plejer tal-Aloysians. Tim li nħossni kbirt u investejt ħafna ħin, enerġija u impenn fih. Tgħallimt ħafna kemm fuq livell ta’ handball kif ukoll fuq livell personali. Kelli bosta esperjenzi ma’ dan it-tim li lili għenuni biex wasalt għal dak li jien illum.

Meta qed issemmi l-esperjenzi li kellek ma’ dan it-tim tista’ tirrakkonta l-isbaħ mumenti li tiftakar ?

Nista’ ngħid li ma’ dan it-tim qattajt ħafna mill-esperjenzi tiegħi kemm personali kif ukoll dawk relatati mal-handball. Dan it-tim ifisser wisq għalija u kull esperjenza li ngħaddu minnha hija parti mill-istorja ta’ ħajti. Wieħed mill-isbaħ mumenti li nista’ nsemmi kien meta l-klabb ta’ San Alwiġi rebaħ kemm il-kampjonat kif ukoll in-knock out fil-kategoriji tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Kien kampjonat missielet sa l-aħħar, iżda rnexxielna noħorġu rebbieħa. Kien mument fejn kull plejer ħadem bis-sħiħ u għinna lil xulxin nibqgħu determinati u konċentrati għall-għan li kellna. Li rbaħna l-unuri l-iktar importanti ta’ dak l-istaġun kienet esperjenza li ma nista’ ninsiha qatt għax is-sens ta’ sodisfazzjon kien kbir wisq.

Dan l-istaġun erġajt irbaħt l-unur tal-aqwa plejer tal-handball fil-kategorija tan-nisa x’ifisser dan l-unur għalik?

Ma naħsibx li nista’ nesprimi eżattament fi kliem biex infisser kemm kien importanti għalija dan l-unur li rbaħt għall-istaġun li għadda. Iż-żewġ staġuni ta’ qabel kont imweġġgħa u kelli nqatta’ ħafna żmien barra mill-court tal-handball. Kien żmien mhux faċli li ninżel mat-tim tiegħi u nara lil sħabi jilagħbu waqt li jien kont fuq il-bank. Xtaqt inkun hemm għat-tim u l-fatt li ma stajtx kienet weġgħa kbira. Ħdimt fuq li ħdimt biex nirkupra fiżikament u rnexxieli. Il-fatt li kont qed niġi meqjusa bħala waħda mill-aħjar plejers għal dan l-istaġun kienet għaldaqstant ta’ sodisfazzjon kbir għalija u jfisser aktar kuraġġ għall-istaġun li jmiss.

Iddeskrivi ftit kif kien dan l-istaġun li għadu kif intemm għalik u għat-tim tiegħek?

Bla dubju ta’ xejn kien staġun mimli sorpriżi u emozzjonijiet. Kellna kemm mumenti tajbin ħafna kif ukoll mumenti ħżiena li flimkien bħala tim irnexxielna ngħelbu. Grazzi għall-kowċ Milos Stanistavljevic irnexxielna nispiċċaw dan l-istaġun bħala r-rebbieħa tal-kampjonat. Dan l-istaġun kien wieħed iebes ukoll għaliex plejers veterani li raw lil dan it-tim jikber, temmew il-karriera tagħhom sabiex b’hekk iċedu posthom lill-ġenerazzjoni ta’ plejers żgħar li din is-sena wrew li huma lesti jieħdu parti mir-responsabbiltà fuqhom ukoll. Il-plejers veterani kienu pilastri tat-tim li għenuni nikber bħala plejer u żgur se jinħass in-nuqqas tagħhom fil-court. Però żgur li dak kollu li rnexxilna niksbu flimkien qatt mhu se ninsieh u bħala captain se nibqa’ nissielet biex kull membru tat-tim tal-Aloysians jibqa’ dejjem jagħti qalbu kemm fit-taħriġ u fil-preparazzjoni tagħna kif ukoll fil-court.

Int ukoll ipparteċipajt fuq livell internazzjonali mat-tim nazzjonali Malti tal-handball x’memorji għandek ta’ din l-esperjenza? 

Kelli bosta sejħiet mat-tim nazzjonali Malti tal-handball u kelli kemm esperjenzi sbieħ kif ukoll dawk inqas sbieħ. L-emozzjoni hija waħda indeskrivibbli meta tirrappreżenta lil pajjiżek. L-aktar ħaġa importanti f’logħob ta’ livell internazzjonali, minbarra li tkun qed tagħmel ġieħ lil pajjiżek, huwa li titgħallem kemm jista’ jkun minn plejers ta’ pajjiżi oħra u minn tattiċi ta’ logħob differenti biex b’hekk tkompli dejjem ittejjeb il-livell nazzjonali. Bla dubju ta’ xejn li l-isbaħ esperjenza personali mat-tim nazzjonali kienet fiċ-Challenge Trophy ta’ 2010 meta kkompetejna f’Iżrael u kont ġejt magħżula fl-‘All Star Team’ bħala l-aħjar ‘Right Back’ tal-kompetizzjoni minn fost il-plejers tal-pajjiżi kollha li kienu qed jikkompetu.

“Huwa importanti li ma tħallix l-ostakli jwaqqfuk milli tirnexxi”

Xi pjanijiet futuri għandek bħala plejer u jekk tarakx f’xi rwol ieħor fix-xena tal-handball?

Il-pjanijiet tiegħi għalissa huma sempliċi. Żgur li se nkompli naħdem mat-tim tiegħi biex nippreparaw irwieħna tajjeb għall-istaġun li jmiss. Għamilt żmien nikkowċja lit-tim tal-bniet ta’ taħt is-sbatax-il sena, u kelli nieqaf għal raġunijiet personali. Li nikkowċja tim kienet esperjenza ġdida u għal bidu kont xi ftit xettika fuqha. Però malajr biddilt din il-perspettiva. Il-fatt li nkun qed inwassal dak li naf fuq il-handball lil plejers żgħar u narahom jimxu ’l quddiem u jikbru bħala plejers kienet fattur li wrieni li anke r-rwol ta’ kowċ huwa wieħed li nixtieq nerġa’ nieħu fil-futur meta nirtira bħala plejer. Iżda għalissa l-iktar tir importanti hu li niffoka fuq l-istaġun li jmiss biex flimkien mat-tim tal-Aloysians inkunu preparati sew għas-sena li ġejja u nagħtu l-massimu li nistgħu biex nerġgħu nikkompetu għar-rebħ tal-kampjonat. 

Kif tarah il-futur tal-handball Malti?

Il-handball huwa sport mill-isbaħ u għalkemm għadu mhux daqstant popolari fuq il-mezzi tax-xandir u mal-poplu Malti, xorta waħda dan l-isport qiegħed jikber bil-mod il-mod. Meta kont ġejt involuta f’dan l-isport, il-handball kien għadu fil-bidu tiegħu u għalhekk matul dawn is-snin rajt dan l-isport jimmatura. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nara li l-handball qed ikompli jevolvi tattikament. L-Assoċjazzjoni tal-Handball Malti (MHA) qed taħdem iktar biex kemm jista’ jkun l-isport li tant inħobbu jkompli jikber, billi tinvesti aktar f’taħriġ tal-handball minn età żgħira. Jekk il-klabbs jieħdu ħsieb irawmu t-tfal minn età iktar żgħira, u forsi anke fl-iskejjel jibqa’ jkun introdott iktar, nistgħu naraw l-isport tagħna jkompli jikber. Mod ieħor kif nistgħu nkomplu nkabbru l-handball Malti huwa billi noħolqu iktar opportunitajiet għall-plejers Maltin biex jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet internazzjonali biex b’hekk noffru lil plejers tagħna iktar esperjenzi fejn l-aspirazzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jintlaħqu.

“Trid tikkommetti ruħek għat-tim u importanti ħafna li tattendi għal kull sessjoni tat-taħriġ kif ukoll issib ċans biex tagħmel taħriġ individwali”

X’parir tagħti lil plejers tal-handball li għadhom jibdew dan l-isport?

Jiena nħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jippruvaw dan l-isport tant sabiħ għax jekk jippruvawh żgur isir sport għal qalbhom daqs kemm hu għal qalbi. Għal dawk li diġà bdew jilagħbu dan l-isport, ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom. Intoppi ssib dejjem fil-ħajja sportiva, bħal injuries, staġun ħażin u ħafna aktar, iżda huwa importanti li ma tħallix l-ostakli jwaqqfuk milli tirnexxi. Trid issib il-kuraġġ u d-determinazzjoni biex tegħleb il-problemi li jkollok tiffaċċja u tkompli timxi ’l quddiem. L-aħħar ħaġa, li naħseb hija vitali f’kull sport, hi li jekk se tibda sport trid tkun lest tagħmel ħafna sagrifiċċji. Biex tilgħab handball tajjeb, fost fatturi oħra għandek bżonn, teknika bażika tajba kif ukoll saqajn b’saħħithom. Sabiex iġġib dawn trid tikkommetti ruħek għat-tim u importanti ħafna li tattendi għal kull sessjoni tat-taħriġ kif ukoll issib ċans biex tagħmel taħriġ individwali.

More in Sports