Determinazzjoni u dedikazzjoni

Jerome Gabarretta – plejer tal-waterpolo li f’dawn l-aħħar snin avvanza ħafna fil-livelli ta’ logħob tiegħu u huwa plejer indispensabbli kemm ta’ Sliema kif ukoll tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo

Jerome Gabaretta
Jerome Gabaretta

Kif għażilt il-waterpolo fost sport ieħor?

L-iskola minn dejjem kont interessat f’diversi team sports bħal basketball.

Meta kont żagħżugħ stajt inlaħħaq ma’ bosta sports, imma wasalt fi stadju fejn ridt nagħżel minħabba l-impenji ta’ taħriġ u studju. Ħajjarni l-waterpolo minħabba li huwa sport sajfi li jattira bosta nies.

Qed ikollok staġun mill-aqwa sa issa ma’ Sliema - fl-opinjoni tiegħi l-aqwa fil-karriera tiegħek fejn ħafna drabi qed tkun fost l-aqwa skorers ta’ Sliema. Taqbel miegħi jew fadallek fejn ittejjeb il-wirjiet tiegħek?

Kull sena nimmira biex ikolli staġun aħjar minn ta’ qabel. Però għalija l-importanti hija l-prestazzjoni tiegħi u tat-tim mhux kemm niskorja gowls. 

Plejer tal-kalibru tiegħek ġieli qies li jmur jilgħab barra minn Malta?

Ikkunsidrajtha ħafna drabi. Meta kont ftit iżgħar ġieli ħajruni kowċis biex ikolli esperjenza barra minn Malta f’kampjonati ta’ livelli importanti. Però ddeċidejt li niffoka fuq l-istudju fejn ħadt edukazzjoni barra minn Malta. Din kienet xewqa li minn dejjem kelli u ma xtaqtx nitlifha lanqas.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol professjonali tiegħek - dak ta’ optician u mat-taħriġ u l-logħob tal-waterpolo?

Noħroġ mid-dar kmieni filgħodu bil-basktijiet tax-xogħol u tat-taħriġ. Qabel id-9pm ma nersaqx lura lejn id-dar. La jibqagħlek ix-xewqa li tibqa’ tilgħab, tagħmel sforz biex tlaħħaq ma’ kollox. 

Meta kont tgħix fl-Ingilterra biex tistudja għal optician kif kont tlaħħaq mat-taħriġ tas-Sliema u tat-tim nazzjonali? Kont titħarreġ l-Ingilterra stess u tinżel Malta fis-sajf għal-logħbiet tas-Sliema u tat-tim nazzjonali meta kien imissek?

Meta tlajt l-Ingilterra kelli determinazzjoni li nibqa’ nilgħab dan l-isport kemm mas-Sliema kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti. Għamilt erba’ snin fejn għamilt it-taħriġ waħdi kif ukoll kont nivvjaġġa siegħa u nofs ’il bogħod minn fejn kont noqgħod biex nitħarreġ mat-timijiet tal-ewwel diviżjoni fl-Ingilterra. Imbagħad kont ninżel lura Malta għall-kampjonat tas-sajf.

“Kull sena nimmira biex ikolli staġun aħjar minn ta’ qabel”

X’tikkummenta fuq ir-riżultati mill-aqwa li kellkom bħala tim nazzjonali fil-bidu ta’ din is-sena?

Ksibna unur kbir għal pajjiżna meta rbaħna midalja tal-fidda għall-ewwel darba fil-Kampjonat tal-Commonwealth Games. It-tragward tagħna kien li naslu fuq il-podju imma morna aħjar milli stennejna għax irnexxielna naslu sal-finali. It-taħriġ u l-isforz li għamilna bħala tim ġew riflessi permezz ta’ dawn ir-riżultati. Esperjenza mill-isbaħ bi grupp ta’ plejers mill-aqwa.

Madankollu kien hemm kritika li l-avversarji li lgħabtu kontrihom f’dawn it-turnaments ma kinux tal-ogħla livell? Kif tirribatti din il-kritika sa ċertu punt kostruttiva?

It-tim nazzjonali Malti għandu livell għoli li jħallina nikkompetu u nirbħu anki fuq livell internazzjonali. Huwa permezz tal-logħob li rbaħna li ksibna post fost l-aqwa 16 fl-Ewropa. Fil-Logħob tal-Commonwealth lgħabna ma’ timijiet bħall-Afrika ta’ Isfel u New Zealand fejn għandhom popolazzjoni ferm akbar minn tagħna. Naqbel li hemm distakk kbir bejnietna u l-aqwa timijiet fl-Ewropa imma sakemm il-waterpolo ma jkunx professjonali f’pajjiżna dejjem se jibqa’ jinħass dan id-distakk.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-kowċ tat-tim nazzjonali Karl Izzo u dan kif għenek matul il-karriera tiegħek fil-waterpolo?

Minn dejjem kelli relazzjoni tajba ħafna mal-kowċ. In-nazzjonal kien l-ewwel esperjenza li kellna flimkien. Dejjem emmen fil-potenzjal tiegħi.

U dik mal-kowċis ta’ Sliema, Peter Decesare u Paul Privitera?

Peter Decesare kien il-kowċ li tani ħafna fiduċja fil-kapaċitajiet tiegħi speċjalment fil-kampjonati taż-żgħar. Kelli żewġ relazzjonijiet differenti ma’ Pawlu Privitera. Bħala plejer dejjem wera l-kapaċitajiet tiegħu bħala mexxej. Fl-2008 kien il-captain tiegħi man-nazzjonal fil-European B Championships ġewwa Lugano. Fl-ewwel esperjenza tiegħu bħala kowċ irbaħna flimkien il-Winter League ta’ din is-sena. 

X’ċansijiet tara li għandkom li tirbħu l-kampjonat u anke n-knockout?

Il-Kampjonat huwa twil ħafna u kull tim qiegħed biċ-ċans li jirbaħ. 

Ikolli ngħid li l-arċi-rivali eterni tagħkom Neptunes huma iktar b’saħħithom minn Sliema u fl-opinjoni tiegħi huma l-favoriti netti li jagħmlu r-rekord li jirbħu l-ħames kampjonat konsekuttiv. X’tikkummenta?

Rebħu erba’ kampjonati in fila li jfisser li teoretikament huma l-favoriti għar-rebħ tal-kampjonat.

“Huwa permezz tal-logħob li rbaħna li ksibna post fost l-aqwa 16 fl-Ewropa”

Kellkom bidu ta’ staġun bi tlugħ u nżul fejn għelibtu lil San Ġiljan iżda tliftu ma’ Sirens u ġejtu f’parità ma’ Exiles. X’mar ħażin fl-ewwel logħba kontra Sirens? Kienet sorpriża li ħriġtu fuq in-naħa negattiva.

Fortunament il-kampjonat huwa twil u din it-telfa mhux mistennija kontra Sirens nistgħu nirkuprawha. Diġà bdejna b’rebħa importanti kontra San Ġiljan. Sirens għandhom grupp ta’ plejers żgħar fejn iridu juru l-kapaċitajiet tagħhom. Ma kontx sorpriż li batejna kontrihom. Kienet sorpriża li tlifna, iva. Nitgħallmu minn dawn il-logħob u nirrispettaw lil kull tim li jilgħab kontrina.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-logħba tal-waterpolo?

Bħalissa qed naħseb biss fuq l-irwol tiegħi bħala plejer tas-Sliema u tan-nazzjonal Malti. 

Għad naraw lil Gabarretta kowċ tat-tim tal-kbar ta’ Sliema jew forsi tan-nursery biex nibdew minn hemm?

Mhux fil-pjanijiet tiegħi.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu isem u karriera fil-waterpolo. 

Il-waterpolo huwa sport li jinvolvi dedikazzjoni totali kważi tul is-sena kollha imma li jagħtik sodisfazzjon tremend.

More in Sports