Għoxrin sena President tal-Inter Club Malta

John Zammit - President tal-Inter Club Malta u li propju llum qed jiċċelebra l-20 sena tiegħu bħala President ta’ dan il-klabb

Twieled fit-13 t’Awwissu 1955 f’Tal-Pietà. Ilu jżomm mal-Inter sa mit-tfulija tiegħu. Matul dawn is-snin, bena rapporti speċjali u ħbiberija personali ma’ bosta leġġendi tal-Inter fosthom Moratti, Facchetti u Zanetti.
Twieled fit-13 t’Awwissu 1955 f’Tal-Pietà. Ilu jżomm mal-Inter sa mit-tfulija tiegħu. Matul dawn is-snin, bena rapporti speċjali u ħbiberija personali ma’ bosta leġġendi tal-Inter fosthom Moratti, Facchetti u Zanetti.
 Jistqarr li wara 20 sena fit-tmun ta’ dan il-klabb, jaħseb li wasal iż-żmien biex jagħmel wisgħa għal ħaddieħor.
Jistqarr li wara 20 sena fit-tmun ta’ dan il-klabb, jaħseb li wasal iż-żmien biex jagħmel wisgħa għal ħaddieħor.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-Inter?

Meta kont żgħir kont għadni indeċiż ma’ min se nżomm għax kelli xi ħbieb u zijiet li kienu jġegħluni nżomm min mal-Manchester United, min ma’ AC Milan, u min mal-Juventus. Iżda darba lagħbu l-Liverpool kontra l-Inter fiċ-Champions Cup u fl-ewwel rawnd il-Liverpool kienu taw 3 lill-Inter. L-għada l-bulijiet tal-iskola, dawk li dejjem kienu jifqgħulna xi ballun jew ituna xi gambetta, daħlu l-iskola jkantaw “Liverpool, Liverpool”. Allura jien minn dakinhar inġbidt lejn l-Inter għax dawn żgur ma kinux il-favoriti tal-bulijiet tal-iskola. Fil-fatt fit-tieni leg, l-Inter eliminaw lil-Liverpool u baqgħu sejrin jirbħu t-Tazza. Minn hemm sirt fanatiku fuq l-Inter.

Kif nibtet l-idea li tiftaħ klabb tal-Inter f’Malta?

Propjament l-Inter Club Malta twaqqaf fit-18 t’Awwissu 1978 minn Joe Bugelli u Lawrence Cutajar wara li t-tnejn li huma, separatament u bla ma kienu jafu lil xulxin, kienu għamlu sejħa lill-Interisti Maltin fuq il-gazzetti biex jiġi ffurmat klabb tal-partitarji Interisti ġewwa Malta. Jien dħalt fit-tmexxija tal-klabb wara li Joe Bugelli spiċċa minn President wara 16-il sena fit-tmun.

Kemm kienet diffiċli biex jinfetaħ il-klabb?

Kien ħafna diffiċli għall-predeċessuri tiegħi għax għall-ewwel ma kellhomx post fejn jiltaqgħu u kienu jagħmlu l-laqgħat jew ġewwa St. Albert the Great jew La Vallette. Xi snin wara sabu post ġewwa l-Furjana u allura l-Interisti Maltin kellhom post ġdid. Qabel ma kienx hemm it-teknoloġija li għandna llum u biex iżżomm kuntatt mal-membri kien diffiċli u kien hemm bżonn ħafna pustaġġ biex tikkomunika magħhom jew biex toħroġ xi fuljett.

X’tiftakar l-iktar minn dawn l-20 sena li ilek President tal-Inter Club Malta?

Bla dubju niftakar ħafna episodji sbieħ f’dawn l-20 sena li għalaqt propju llum il-Ħadd 3 t’Awwissu. L-ewwel sfida li kelli flimkien ma’ sħabi l-oħra kien li nfittxu post ġdid u ikbar minn fejn konna. Xtrajna plott ġewwa Santa Venera u bl-għajnuna tal-membri tellajna klabb kbir u sabiħ fejn issa għandna tlett iswali kbar fejn wieħed jista’ jara l-logħob tal-Inter fuq skrins kbar. Niftakar ukoll meta fit-3 ta’ Settembru 2002 kienu ġew l-Inter jilagħbu friendly kontra Malta fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Millenium Stand. Dakinhar kienu fetħulna l-klabb uffiċjalment ħadd ħlief Giacinto Facchetti, li kien il-Viċi President tal-Inter; Javier Zanetti u Alvaro Recoba. Però l-aktar avveniment għal qalbi u li ma ninsa qatt jibqa’ dak ta’ meta ġibna f’Malta t-Tazzi kollha li rebħu l-Inter f’sena waħda (2010), jiġifieri ċ-Champions League; it-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs (Tazza Interkontinentali), is-Super Coppa Italiana; il-Coppa Italia u t-Tazza tal-iScudetto 2009/10. Qatt f’ħajti ma rajt folol ta’ nies daqs dakinhar. Kulħadd irid jieħu ritratt mat-tazzi. L-ebda Inter Club ieħor kemm fl-Italja u kemm fid-dinja ma kellu din l-opportunità li joħroġ minn ġos-Sede tal-Inter dawn it-Tazzi kollha.

Għandek xi rimors jew dispjaċir f’dawn l-20 sena ta’ Presidenza?

Id-dispjaċir tiegħi jkun meta nisma’ li xi membru ħalla din id-dinja biex imur jiltaqa’ mal-Ħallieq. Ir-rimors hu li minħabba l-klabb, ma rajtx lit-tfal tiegħi jikbru għax dejjem kien moħħni fil-klabb u kif se jitmexxa professjonalment u b’dedikazzjoni biex inlaħħqu mal-miri li kellna.

“Il-filosofija tiegħi tgħid li m’hawn ħadd fid-dinja tajjeb f’kollox u m’hawn ħadd fid-dinja ħażin f’kollox”

Xi ħaġa li tiddistingwikom minn klabbs oħra hija dik li tippremjaw personalitajiet li mhumiex marbutin mal-futbol kif għamiltu ma’ Ira Losco ftit tax-xhur ilu. X’inhi l-idea?

L-idea hija dik li nirrikonoxxu personalitajiet distinti Maltin, li jkunu għamlu unur lil pajjiżna u li forsi jkollhom xi rabta mal-Inter. Is-sena l-oħra ppremjajna lil Gianluca Bezzina, Interist u li għamel xi żmien jiġi l-klabb u dis-sena lil Ira Losco li għandha missierha membru magħna. Nittama li fil-futur qarib nistiednu lil Joseph Calleja, Interist ieħor.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ diriġenti ta’ klabbs oħra tal-Inter fl-Italja?

Għandi relazzjoni tajba ħafna ma’ klabbs oħra tal-Inter ġewwa l-Italja u New York. Qabel xi logħbiet importanti ġewwa San Siro, nagħmel mezz biex niltaqa’ ma’ xi presidenti u kordinaturi ta’ klabbs oħra u dejjem nilqgħu ġewwa l-klabb tagħna dawk li jiġu għall-vaganzi f’Malta. Però meta jien jew xi membri oħra nkunu l-Italja u niltaqgħu ma’ Interisti oħra u nsemmu lill-Inter Club Malta, dejjem niġu milqugħa b’ferħ kbir u ttrattati tajjeb għax għamilna żmien twil bħala l-ikbar Inter Supporters’ Club fid-dinja. Għalhekk inġorru rispett kbir.

U dik mad-diriġenti ta’ Inter FC fosthom il-President Onorarju Massimo Moratti?

Ma’ Moratti kelli x-xorti niltaqa’ diversi drabi fejn l-ewwel darba li ltqajt miegħu kien f’San Siro propju ftit ġimgħat wara li laħaq President fejn kont akkumpanjat minn sieħbi Lawrence Cutajar u xi membri oħra tal-klabb. Però l-isbaħ żjara kienet ġewwa l-uffiċċju tiegħu tas-SARAS SRL fejn laqa’ lili, lil Lawrence u magħna ħadna lil ċertu Raymond Camilleri magħruf ma’ kulħadd bħala l-‘Boċċa’. Għamilna kważi tliet sigħat inparlaw miegħu u minħabba fina kien ittardja konferenza stampa mal-ġurnalisti. Moratti huwa bniedem umli ħafna - jifraħ b’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Inter fejn konna wkoll ippreżentajnielu sett badges tal-Inter ipproduċuti minn Lawrence Cutajar.

Però barra Moratti kelli wkoll relazzjoni tajba ħafna ma’ Giacinto Facchetti. Facchetti kien ħabib tal-Inter Club Malta u kien jgħinna f’kollox. Niftakar meta kont tellajt żewġt itfal mill-programm “Tista’ Tkun Int”. Kont irranġajt kollox miegħu u grazzi għalih għamilna żewġt itfal ferħanin flimkien mal-familjari tagħhom u l-kru u l-preżentattriċi tal-programm.

X’tikkummenta fuq il-President Erick Thohir? Tkellimt ma’ bosta Interisti u qaluli li dan huwa iktar moħħu li jakkwista l-flus u li jsir popolari milli l-ġid ta’ Inter. Taqbel ma’ dawn l-Interisti? Għaliex?

Ma naqbilx u ngħidlek għalfejn. Thohir kieku ried jaqla’ l-flus kien ċertament jinvesti f’xi ħaġa li jkun żgur li se tħallilu l-qliegħ. Huwa daħal għall-piż qawwi u se jħallas id-dejn kollu li ħalla Moratti fejn irid ukoll isaħħaħ lit-tim b’xi akkwisti ġodda. Li hu żgur hu li Thohir, peress li huwa manager tajjeb u imprenditur li ma jaċċettax telf ta’ flus, se jaħdem bil-wisq iżjed b’mentalità maniġerjali u imprenditorjali. Moratti peress li kien ukoll partitarju kbir tat-tim, kien jaħdem ħafna b’qalbu iktar milli b’moħħu u fiż-żminijiet tal-lum dan mhux permissibli. Fil-fatt Thohir qed iqaċċat ħafna managers li kienu hemm għax huma ħbieb ta’ Moratti.

Bosta Interisti wkoll bħal donnhom strieħu meta tneħħa Marco Branca mid-diriġenza ta’ Inter. Int kont wieħed minnhom? Għaliex?

Jien għandi filosofija li tgħid li: “M’hawn ħadd fid-dinja tajjeb f’kollox u m’hawn ħadd fid-dinja ħażin f’kollox”. Branca għamel ħafna ġid għall-Inter u grazzi għalih ġew plejers kbar bħal Milito, Stankovic, Cambiasso, Sneijder, Maicon, Julio Cesar, Lucio, Samuel u ħafna oħrajn. Meta kellu fejn jonfoq, nefaq imma meta xxotta l-but, qagħad lura ħafna. Branca tneħħa wara t-tbażwira li saret f’Jannar li għadda fil-każ ta’ Guarin fejn kien se jbiddlu ma’ Vucinic tal-Juventus u qam ħafna kjass mill-partitarji tal-Inter. Għal Thohir żbalji bħal dawn ma jgħaddux.

“Jekk lit-tfal tiegħi ma rajthomx jikbru minħabba l-klabb, ma nixtieqx li jiġrili l-istess man-neputijiet!”

Liema kien l-aqwa tim tal-Inter ta’ kull żmien fl-opinjoni tiegħek?

Għalija bla dubju ta’ xejn kien it-tim tas-sittinijiet immexxi minn Helenio Herrera u Angelo Moratti fejn rebaħ kollox u lil kulħadd u mhux ta’ b’xejn kien jissejjaħ “La Grande Inter”. Tim li kien jiddomina fl-Italja, fl-Ewropa u fid-dinja. Warajh imbagħad jiġi t-tim tat-Tripletta ta’ Mourinho fejn waqqaf rekord uniku li rebaħ it-tliet tazzi ewlenin tal-istaġun 2009/10, jiġifieri Kampjonat (Scudetto); Coppa Italia u Champions League.

U l-aqwa plejer jew plejers?

Għalija l-idoli tiegħi kienu Facchetti u Mazzola, però kien hemm plejers oħra jogħġbuni bħal Picchi, Jair, Domenghini, Zenga, Berti, Bergomi, Baresi, Zanetti, Stankovic, Cambiasso, Julio Cesar u Milito.

Ippermettili niddeskrivi l-aħħar staġun ta’ Inter bħala wieħed diżastruż. X’mar ħażin għal Inter matul l-istaġun li għadda?

Ma naqbilx miegħek li l-aħħar staġun kien diżastruż. Fuq kollox l-Inter reġgħu se jikkompetu fl-Ewropa grazzi għall-pjazzament tajjeb fil-klassifika. Huwa veru li tim bħall-Inter għandu jikkompeti biex għall-inqas jidħol fiċ-Champions League imma bl-iskwadra li kien hemm, Mazzarri ma setax jagħmel aħjar. Li kien hemm kien li f’nofs l-istaġun telaq Moratti u ġie Thohir u meta jinbidel is-sid tal-proprjetà, ikun hemm ftit distrazzjonijiet.

Għandek fiduċja fil-kowċ Walter Mazzarri?

Iva għandi. Mazzarri jekk ikollu skwadra ftit aħjar mill-istaġun li għadda, naħseb li jagħmel ħoss u jwassal lill-Inter iktar ’il fuq.

Kif qed tħares lejn il-futur ta’ Inter?

B’fiduċja sħiħa u naqbel ma’ Thohir meta jgħid li se nibnu tim mill-ġdid u t-tragward tal-Inter se jkun li jidħlu fiċ-Champions League għall-istaġun 2015/16.

Tqis lil Mourinho bħala wieħed mill-aqwa kowċis ta’ Inter ta’ kull żmien?

Mourinho mhux biss huwa/kien wieħed mill-aqwa kowċis tal-Inter imma wkoll fid-dinja kollha. Mourinho huwa kowċ u psikologu kbir u għandu grinta inkredibbli u fuq kollox “parola facile”.

Liema hija l-iktar logħba memorabbli ta’ Inter li żgur mhu se tinsa qatt?

Kien hemm ħafna logħbiet memorabbli għalija però fost kollha nagħżel tlieta: ir-rebħa kontra Bayern Munich fil-Finali ta’ Madrid (Mejju 2010); ir-rebħa impressjonanti ta’ 3-1 kontra Barcelona ġewwa San Siro (April 2010) u r-rebħa ta’ 3-1 kontra l-Juventus ġewwa l-Juventus Stadium fejn kienet l-ewwel telfa għal dawn tal-aħħar ġewwa l-grawnd ġdid tagħhom (Novembru 2012).

U dik li l-iktar tixtieq tinsa malajr - dik taċ-Cinque Maggio kontra Lazio?

Taċ-Cinque Maggio kienet logħba misterjuża u ma ndumux ma nisimgħu x’ġara eżatt dakinhar. Però l-iktar logħba li tatni ġewwa kienet f’Diċembru tal-1988 meta l-Inter tilfu ġewwa darhom 1-3 kontra Bayern Munich wara li fl-ewwel leg l-Inter kienu rebħu 2-0 fil-Ġermanja. Logħba oħra li nikktitni kienet it-telfa ta’ 1-2 kontra s-Celtic fil-Finali taċ-Champions Cup f’Mejju tal-1967.

Jekk jilagħbu l-Inter kontra tim Malti ma’ min iżżomm? Għaliex?

Jekk jilagħbu Malta kontra l-Italja dejjem inżomm ma’ Malta għax jien kburi li jien Malti. Issa jekk jilagħbu l-Inter kontra tim Malti li mhux Sliema Wanderers, inżomm mal-Inter. 

X’tikkummenta fuq Zanetti li rajnieh għal bosta drabi f’dawn l-aħħar xhur f’pajjiżna u li se jkun ambaxxatur għal Malta għat-turiżmu?

Inħossni kburi li kont pedina importanti biex Zanetti sar ambaxxatur tat-turiżmu għal Malta. Qabel kien hemm min diġà pprova mal-amministrazzjoni preċedenti biex Zanetti jilħaq ambaxxatur għat-turiżmu imma għalqulu l-bieb f’wiċċu. Wara li din il-persuna avviċinat lili biex nagħmel xi ħaġa, jien mill-ewwel mort inkellem liċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu u dan mhux biss laqa’ bil-ferħ din il-proposta iżda beda jaħdem fuqha mill-ewwel. Saru ħafna skambji ta’ imejls ma’ Zanetti u fl-aħħar daħlu l-partijiet legali ta’ kull naħa fejn intlaħaq ftehim biex f’April li għadda Zanetti sar uffiċjalment ambaxxatur għat-turiżmu għal Malta.

X’inhi r-relazzjoni tiegħek mal-membri tal-kumitat sħabek tal-Inter Club Malta?

Ir-relazzjoni tiegħi dejjem tkun tajba jekk kull membru jifhem li daħal jagħmel parti mill-kumitat mhux biex isaħħan is-siġġu. Miegħi kulħadd jaf fejn hu għax dejjem nesiġi li kulħadd irid jerfa’ l-piż li jiflaħ kull individwu u kulħadd irid ixammar il-kmiem għax-xogħol. Mhux faċli tmexxi klabb bħal tagħna fejn għandna post kollu tagħna u bla ebda ċenteżmu dejn fuqu. Mhux faċli żżomm ir-relazzjonijiet tiegħek tajba mal-membri u mal-Inter jekk ma jkollokx kumitat ħabrieki u serju u l-piż jinqasam bejn kulħadd dejjem skont il-kapaċitajiet tal-individwu. Is-suċċessi li kellu l-Inter Club Malta f’dawn is-36 sena li ilu mwaqqaf ġew għax dejjem kien hemm kumitati bi tmexxija serja, trasparenti, responsabbli, dedikata u ħabrieka.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala President tal-Inter Club Malta?

Nistqarr li wara 20 sena fit-tmun, naħseb li wasal iż-żmien biex nagħmel wisgħa għal ħaddieħor li għandu iktar enerġija minni, iktar entużjażmu minni u iktar ideat friski minn tiegħi. Jekk lit-tfal tiegħi ma rajthomx jikbru minħabba l-klabb, ma nixtieqx li jiġrili l-istess man-neputijiet!

U l-futur tal-Inter Club Malta inġenerali?

Alla biss jafu l-futur però nħoss li l-Inter Club Malta għandu l-potenzjal biex ikompli miexi ’l quddiem, biex ikompli jiġġedded u jitkattar.

Għaddi messaġġ lill-Interisti kollha f’pajjiżna li qegħdin jaqraw din l-intervista.

Lill-Interisti, jiġu minn fejn jiġu, ngħidilhom biex jekk huma vera Interisti qatt ma jiċħdu lit-tim glorjuż tagħna u jfittxu dejjem dak li jgħaqqadhom u mhux li jifridhom. F’ħajti dejjem tgħallimt biex nagħmel il-ġid u deni lil ħadd. Naħseb li r-riżultati tiegħi kulħadd jafhom għax jidhru kemm f’Malta ġewwa l-klabb tagħna u kemm barra ġewwa Milano għand l-Inter. Forza Inter per sempre!

More in Sports