Timmira li tikser ir-rekord nazzjonali tat-triple jump

Rebecca Sarè  – atleta ewlenija f’pajjiżna li wara diversi diżappunti li kellha taffronta fil-passat riċenti, dan l-aħħar staġun kien wieħed ta’ suċċess liema bħalu għaliha. 

Rebecca Sarè
Rebecca Sarè

Kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Kont ġejt imħajra biex nibda l-atletika minn Jivko Jetchev, waqt li kien qiegħed jagħmel żjajjar fl-iskejjel matul il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika. Dak iż-żmien kelli biss disa’ snin u minn dakinhar qatt ma rġajt ħarist lura. Illum il-ġurnata, Jivko huwa l-kowċ tiegħi. 

Atleta titwieled jew issir?

Atleta ssir. Inutli persuna jkollha talent jekk ma jkunx hemm determinazzjoni u ħidma kontinwa. Xejn ma jiġi mix-xejn u jekk ma taħdimx għall-oġġett, it-talent jibqa’ ma jikbirx! 

Qabel is-sena 2013 x’esperjenzi kellek fl-atletika u x’suċċessi ksibt?

Fl-2006 esperjenzajt l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali fl-atletika, il-‘World Island Games’ fejn kont ħadt sehem fil-Long Jump u fir-relay tal-4x100m. F’dawn il-logħob flimkien mat-tim tar-relay ksibna l-medalja tal-fidda, u fil-long jump kont ikklassifikajt fir-raba’ post. Dik is-sena stess ħadt sehem ukoll f’kompetizzjoni f’Brno, ‘European Kids Athletics Games’. F’din il-kompetizzjoni ksibt il-medalja tal-fidda fil-long jump u ksibna l-medalja tad-deheb fir-relay 4x60m. B’dan ir-riżultat konna saħansitra waqqafna rekord ġdid għal dawn il-logħob fl-‘event’ tar-‘relay’. Fis-snin 2007 u 2008 ħadt sehem fil-Logħob tal-FISEC.

Li kieku kellek tagħżel esperjenza partikolari li baqgħet timmarkak fil-karriera tiegħek ta’ atleta liema hi u għaliex?

Bħala esperjenza partikolari, naħseb ikolli nagħżel il-mument meta rbaħt il-medalja tal-fidda fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Dik l-okkażjoni mhux biss imlietni b’sodisfazzjon kbir u determinazzjoni ikbar għal aktar logħob, iżda fetħitli wkoll diversi bibien ġodda. Naspira li nirbaħ aktar midalji però din il-midalja tibqa’ dejjem l-ewwel midalja f’dawn il-logħob partikolari.

X’sagrifiċċji u responsabbiltajiet tinvolvi l-atletika?

Ma nistax ngħid li l-atletika hija sagrifiċċju, għaliex hija xi ħaġa li nagħmel b’passjoni kbira u t-taħriġ tal-atletika kiber miegħi. Però, iva, trid tagħmel ċerti sagrifiċċji bħal meta eżempju jkolli niċċaħħad minn xi vaganza matul ix-xhur tax-xitwa għaliex taffettwali t-taħriġ u l-preparamenti ta’ matul l-istaġun. U kemm-il darba kelli niċċaħħad milli noħroġ ma’ sħabi jew il-partner tiegħi għax inkun għajjiena minn xi taħriġ jew ikun il-lejl ta’ qabel xi kompetizzjoni. 

F’liema dixxiplini tispeċjalizza fl-atletika u liema waħda tippreferi? Hija l-long jump?

Nispeċjalizza fil-qbiż orizzontali, long jump u triple jump. Ikolli ngħid li nippreferi aktar it-triple jump għaliex inħossni aktar komda fiha. Barra minn hekk mhix dixxiplina faċli, u peress li jien tip ta’ persuna li jogħġbuni aktar l-isfidi, din l-‘event’ tgħodd ħafna għalija. 

“Atleta ssir. Inutli persuna jkollha talent jekk ma jkunx hemm determinazzjoni u ħidma kontinwa. Xejn ma jiġi mix-xejn u jekk ma taħdimx għall-oġġett, it-talent jibqa’ ma jikbirx!” Rebecca Sarè

Bħala riżorsi li fihom tittrenjaw u tikkompetu f’Malta dawn kif jikkumparaw ma’ dawk li nsibu barra minn Malta?

Bħala riżorsi li nittrenjaw fihom hawn Malta jkolli ngħid li għadhom ftit lura. F’postijiet barra minn xtutna dawn il-postijiet ikunu mgħammra b’ħafna faċilitajiet bħal ‘saunas’, ‘ice baths’ u aktar. Għandna wkoll nuqqas ta’ ‘indoor track’ ġewwa pajjiżna, fejn li kieku żgur insibuha ta’ użu tajjeb speċjalment fix-xhur kesħin tax-xitwa u minħabba l-maltemp li ġieli nesperjenzaw. 

Bħala atleti ssibu għajnuna finanzjarja mill-Kumitat Olimpiku Malti u mill-Kunsill Malti għall-Isport?

Insib appoġġ kbir mill-Kumitat Olimpiku Malti u peress li qiegħda fl-iskema tal-‘Elite Athletes’ mill-istess MOC, il-Kumitat jipprovdini b’għajnuna medika kif ukoll dik finanzjarja meta nieħu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna jew ‘training camps’ bħala parti mit-taħriġ tiegħi. Minn hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzjahom għall-ħidma kontinwa tagħhom.

Taħseb li għad jasal żmien f’pajjiżna meta atleta jkun jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu esklussivament mill-atletika?

Nixtieq! Nemmen li hija diffiċli li xi darba atleta jkun jista’ jaqla’ l-għixien tiegħu mill-atletika biss ġewwa pajjiżna. Hawn kumpaniji li jisponserjaw diversi attivitajiet sportivi kif ukoll atleti, però żgur mhux ammont biżżejjed li atleta jista’ jaqla’ l-għajxien tiegħu.

Il-media tagħti biżżejjed pubbliċità u exposure lill-atletika f’pajjiżna jew tagħmel dan biss waqt avvenimenti importanti bħalma huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Il-media qiegħda tipprova tagħti exposure lill-atletika f’pajjiżna, però sfortunatament l-media sportiva Maltija hija ddominata mill-futbol. Tal-inqas rajna li waqt avvenimenti importanti bħalma huma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar jew l-Olimpjadi, il-media tagħti ħafna exposure.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li jixtiequ jibdew jieħdu sehem f’xi waħda mid-diversi dixxiplini li tipprovdi l-atletika fosthom il-long jump.

Ninkoraġġixxi lil dawk it-tfal li għadhom ma bdewx jipprattikaw xi sport biex jagħmlu pass ’il quddiem u jibdew bl-atletika. L-atletika hija l-bażi ta’ kollox, u barra minn hekk tipprovdi diversi dixxiplini minn fejn wieħed jista’ jagħżel biex jispeċjalizza. Barra minn hekk il-livell Malti jista’ jogħla billi jkun hemm aktar parteċipazzjoni.

Naf li f’dawn l-aħħar snin partikolarment fl-aħħar sena fejn kellek it-teżi kont impenjata ħafna bl-istudji tiegħek. Kif jirnexxilek tlaħħaq mal-istudji tiegħek kif ukoll mat-taħriġ tiegħek ma jaqta’ xejn fl-atletika?

Jekk tkun trid xi ħaġa f’ħajtek, tagħmel minn kollox biex takkwistaha u ssib ħin għaliha. Minn dejjem kont inqassam u norganizza sew il-ħin tiegħi u matul l-aħħar sena tal-istudji tiegħi kelli nagħmel mezz li żgur nagħmel dan. Barra minn hekk it-taħriġ kien jgħinni wkoll għall-istudju għaliex wara sezzjoni ta’ taħriġ kont immur lura d-dar b’aktar enerġija u determinazzjoni biex nistudja. 

Kif tiddeskrivi l-istaġun tiegħek matul l-2013?

Wara x-xita normalment toħrog il-qawsalla; hekk niddeskrivi l-istaġun tal-atletika tiegħi tal-2013. Wara staġuni diżappuntanti għal diversi raġunijiet, fl-aħħar nista’ ngħid li kelli staġun mimli suċċessi u esperjenzi li nibqa’ ngħożż tul ħajti kollha. Ilni nipprattika l-atletika għal dawn l-aħħar 13-il sena, u fil-katergorija tal-‘youths’ ħadt sehem f’diversi logħob internazzjonali.

Però kien dan l-aħħar staġun, 2012/2013 li fl-aħħar ħareg ir-riżultat li kont ili tant naħdem għalih! Kien staġun impenjattiv ħafna fix-xena internazzjonali. Apparti minn hekk fl-ewwel xhur ta’ dan l-istaġun kont qiegħda nikteb it-teżi bħala parti mis-sena finali tal-istudji tiegħi, minbarra s-sezzjonijiet ta’ taħrig ta’ kuljum. Fuq parir tal-kowċ tiegħi, Jivko Jetchev,f’dan l-istaġun tajt aktar importanza t-‘Triple Jump’ bħala l-kompetizzjoni prinċipali. Dan wara li fl-istaġun ta’ qabel ħadt sehem f’din il-kompetizzjoni bla ħsieb u Jivko ra li kelli potenzjal tajjeb fiha. Wara pre-season iebes u esuberanti, ilħaqt l-ewwel pass tal-ħolma tiegħi f’April. Waqt kompetizzjoni lokali organizzata mill-MAAA rnexxieli nirreġistra qabża b’rekord personali ta’ 12.08 metru u lħaqt l-‘MQS’ stabbilit mil-MOC biex b’hekk ikkonfermajt posti ma’ atleti oħrajn fit-tim Malti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.

X’kienet l-esperjenza tiegħek matul il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fil-Lussemburgu?

L-esperjenza fil-Lussemburgu kienet waħda li ma ninsiha qatt. Qabel il-kompetizzjoni ħarist lejn l-‘istart list’ u rrealizzajt li l-livell ta’ kompetizzjoni li kont se naffaċċja kien wieħed li ħassejtni komda fih, però qatt ma tista’ tgħid x’jiġri waqt il-kompetizzjoni! Ħaġa komuni li faċilment tiġri lil ħafna atleti hi li l-adrealina tkun għolja ħafna u għalhekk iżżid il-veloċità fir-‘run-up’ li twassal għall-‘faul’!  Nammetti li dakinhar kont eċitata ħafna għaliex kont qiegħda ngħix il-ħolma tiegħi, u ma damitx biex saret aktar memorabbli. Dakinhar l-aħjar qabża minn sitt tentattivi kienet dik ta’ 12.08 metru; l-istess daqs ir-rekord personali. B’dik l-istess qabża ksibt il-midalja tal-Fidda għat-tim Malti. Bla dubju kien mument għażiż ħafna għalija, u huwa unur kbir li tkun fuq il-podju u tara l-bandiera Maltija. 

Ikkompetejt ukoll fis-Slovakkja fil-kampjonati reġjonali tal-Ewropa. X’kienet l-esperjenza tiegħek hemmhekk?

Fis-Slovakkja bħala tim Malti ikkompetejna f’isem il-Malta Amateur Athletic Association fil-kampjonati reġjonali tal-Ewropa fit-tielet kampjonat. F’din il-kompetizzjoni rreġistrajt qabża ta’ 11.88 metru u klassifikajt fil-ħames post minn 15-il atleta. Kienet kompetizzjoni ferm interessanti, fejn kont qed nikkompeti saħansitra kontra finalist tal-Olimpjadi tal-2012, Dana Veldakova.

Ħadt sehem ukoll fil-Logħob Dinji tal-Universitajiet iktar magħrufa bħala l-Universiade. Il-kummenti tiegħek.

L-aħħar iżda żgur li mhux l-inqas, kienu l-logħob Dinji tal-Universitajiet. Din kienet l-aktar kompetizzjoni ta’ livell għoli li qatt ħadt sehem fiha s’issa matul il-karriera sportiva tiegħi. Kienet sorpriża ferm sabiħa meta ġejt magħżula mill-MUSC biex inġorr il-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ. Nista’ ngħid li dan kien mument impekkabbli u kien ta’ unur kbir għalija personali li nkun jien li nġorr il-bandiera ta’ Malta fl-arena quddiem udjenza ta’ 45,000 ruħ. F’din il-kompetizzjoni ħadt sehem kemm fit-‘Triple Jump’ kif ukoll fil-‘Long Jump’.

Għalkemm matul l-istaġun ma kontx qiegħda nipprattika l-‘Long Jump’, iddeċidejt li nipparteċipa xorta f’din l-‘event’ biex b’hekk nidħol fl-atmosfera tal-kompetizzjoni u nkun kunfidenti aktar dakinhar li nagħmel it-‘Triple Jump’. Ikolli ngħid li swietni tajjeb għaliex imlietni b’aktar determinazzjoni għat-‘Triple Jump’ li kienet se ssir jumejn wara. Waqt it-‘Triple Jump’ kelli naqbeż mill-board tal-11-il metru. Dan kien ifisser żewġ metri aktar mid-distanza li kont imdorrija naqbeż minnha.

Madankollu xorta rnexxieli naqbeż it-12-il metru biex b’hekk irreġistrajt qabża ta’ 12.01 metru. Nammetti li ħassejtni ftit jew wisq diżappuntata għaliex it-tir tiegħi kien ir-rekord nazzjonali li bħalissa huwa dak ta’ 12.24 metru, stabbilit minn Lara Gerada – sa ftit tas-snin ilu kont nitħarreġ taħt il-gwida ta’ Lara Gerada, u nqisha bħala l-idolu tiegħi f’dan l-isport. F’din il-kompetizzjoni, il-kowċis personali tagħna ma setgħux ikunu preżenti magħna u hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil Andy Grech (li huwa wkoll ir-record holder tat-‘Triple Jump’ tal-irġiel) tal-irwol tiegħu bħala kowċ f’din il-kompetizzjoni, u tal-għajnuna u l-pariri li tani. L-Universiade għalqet l-istaġun tiegħi tal-2013. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Naturalment dan l-istaġun imlieni b’aktar motivazzjoni u determinazzjoni għall-istaġuni li ġejjin. Il-mira tiegħi dan l-istaġun hija li nilħaq ir-rekord nazzjonali li bħalissa jidher li qiegħed ftit ċentimetri ’l bogħod, nistennew u naraw! Madankollu, l-aktar ħaġa importanti għalija hija li nipperfezzjona t-teknika meħtieġa għat-‘Triple Jump’ biex b’hekk jirnexxili niftaħ aktar bibien għall-esperjenzi ġodda kemm fix-xena lokali u anki dik internazzjonali tal-atletika u forsi għaliex le, aktar medalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. 

Nista’ nobsor li tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti għal dan is-suċċess kollu li ksibt fil-karriera tiegħek sa issa fl-atletika speċjalment matul dan l-aħħar staġun…

Qabel ma nagħlaq ma nistax ma nirringrazzjax lill-familja tiegħi tas-sapport kontinwu tagħhom, minkejja li konna għaddejjin minn mument diffiċli ħafna dawn kienu hemm bla waqfien! Nirringrazzja wkoll lil sħabi u lill-għarus tiegħi ta’ kemm jieħdu paċenzja bija u tas-sapport kontinwu tagħhom. Lill-Kumitat Olimpiku Malti tal-appoġġ u l-għajnuna medika kif ukoll dik finanzjarja li jipprovdulna bħala atleti nazzjonali meta nieħdu sehem f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna, u fl-aħħar u mhux l-inqas lill-kowċ tiegħi Jivko Jetchev talli wassalni sa dan il-punt fil-karriera sportiva tiegħi , kif ukoll grazzi kbira lill-atleti l-oħrajn li nitħarreġ magħhom tas-sapport kontinwu s-sena kollha. Naspira li nkompli naħdem aktar, ħalli jirnexxili nesperjenza aktar logħob, kampjonati, u esperjenzi fix-xena internazzjonali.

  • Twieldet fil-25 ta’ Ġunju 1991 f’Tal-Pietà
  • Tispeċjalizza fil-qbiż orizzontali, long jump u triple jump, fejn tippreferi aktar it-triple jump għaliex tħossha aktar komda fiha
  • Fl-2006 esperjenzat l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali fl-atletika, il-‘World Island Games’ fejn kienet ħadet sehem fil-long jump u fir-relay tal-4x100m
  • F’Mejju li għadda rebħet il-midalja tal-fidda fit-triple jump fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fil-Lussemburgu
  • Fit-30 ta’ Novembru 2013, ġiet ippremjata b’Silver Award mill-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) waqt is-serata tal-‘MOC Sports Awards’ bħala rikonoxximent tal-akkwisti tagħha f’dan l-istaġun.

More in Sports