Bdiet tgħum ta’ ħames xhur

Pia Grech – għawwiema li għad għandha biss 17-il sena iżda li diġà kisbet diversi suċċessi fl-għawm kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna fejn fost oħrajn ftit tax-xhur ilu, kisret ir-rekord nazzjonali tal-50 metru breaststroke fil-Euro Meet li sar fil-Lussemburgu

Pia Grech
Pia Grech

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-għawm u kif kompliet tevolvi tul is-snin?
L-imħabba tiegħi għall-ilma bdiet ta’ età żgħira ħafna. L-ewwel għawma tiegħi kienet meta kien għad kelli biss ħames xhur. Normalment trabi ta’ dik l-età jibku meta jsibu ruħhom fl-ilma jew isibuh skomdu iżda jien bil-kontra. Dan minħabba l-fatt li kien hemm daħka immedjata fuq wiċċi u kont nibki biss meta kienu joħorġuni mill-ilma! Hekk kif bdejt nikber bdejt ngħum waħdi u sal-età ta’ 3 snin bdejt ngħum mingħajr għajnuna u kont indum sigħat naqbeż fl-ilma. Il-ġenituri tiegħi kienu jsejħuli “ħuta” għax kont inħobb ħafna l-għawm. Fl-età ta’ 6 snin ommi ddeċidiet li tibda teħodni għal-lezzjonijiet tal-għawm. Bdejt ngħum mal-klabb tal-Exiles u kont veru nieħu gost ngħum. Kont inħares ’il quddiem għal din il-lezzjoni ta’ kull ġimgħa. Wara biss ftit xhur ta’ lezzjonijiet kellna kompetizzjoni importanti tal-għawm fejn tellaqna kontra għawwiema mill-klabb tagħna, għall-gost. Ta’ dik l-età din kienet tfisser ħafna għalija u l-eċitament li tatni din il-kompetizzjoni kien wieħed inkredibbli. Kont qed nieħu gost intellaq iktar mil-lezzjonijiet infushom! Ta’ 8 snin, bdejt nitħarreġ b’mod kompetittiv u rrealizzajt li ridt naħdem qatigħ għall-għawm f’ħajti u nagħmel minnu parti integrali minn ħajti u mhux biss delizzju. Fl-2008 segwejt l-Olimpjadi ta’ Beijing fiċ-Ċina fuq it-televixin u dik immedjatamemt ispiratni biex nitħarreġ aktar. L-iktar li ġejt ispirata kien mill-għawwiem Michael Phelps u Federica Pellegrini – tnejn mill-aqwa għawwiema fid-dinja. Kien propju f’dan iż-żmien li l-ossessjoni tiegħi lejn l-għawm bdiet. Minn dakinhar bdejt naqra iktar rigward dan l-isport u kif għandi niekol u nitħarreġ biex intejjeb il-ħiliet tiegħi.

“Meta tirrealizza x’inhi l-vera ħolma tiegħek, hija l-isbaħ emozzjoni li tista’ tħoss u malajr issir xi ħaġa li ma tistax tgħaddi mingħajrha”

X’sagrifiċċji partikolari jirrikjedi l-għawm?
L-għawm jirrikjedi ħafna dedikazzjoni jekk tkun trid tikseb riżultati tal-ogħla livell. Jien nitħarreġ sa massimu ta’ 9 darbiet fil-ġimgħa li jfisser li l-ħin li niddedika għall-istudju huwa ferm limitat, u għalhekk tmiem il-ġimgħa tiegħi ikun jikkonsisti l-iktar f’xogħol tal-iskola u studju. Dan ifisser ukoll li m’għandix ħin biex nissoċjalizza u niltaqa’ mal-ħbieb tiegħi li fih innifsu huwa sagrifiċċju. Għandna wkoll nutrizzjonista li jtina dieta partikolari li jkolli nsegwi strettament. Meta tirrealizza x’inhi l-vera l-ħolma tiegħek, hija l-isbaħ emozzjoni li tista’ tħoss u malajr issir xi ħaġa li ma tistax tgħaddi mingħajrha. Preżentament għandi r-rekord tal-50 metru Breaststroke li kont ksirt għall-ewwel darba fi Frar tal-2013 u tejjibt dak il-ħin fi Frar li għadda fil-Lussemburgu kif digà semmejt. Dik l-emozzjoni li tħoss meta tikseb is-suċċess huwa l-kawża ’l għaliex nitħarreġ b’ħilti kollha, hija dik ix-xi ħaġa li timbuttani biex inkompli nitħarreġ qatigħ u nagħmel ħafna sagrifiċċji!

Ftit tax-xhur ilu, ksirt ir-rekord nazzjonali tal-50m breaststroke fil-Euro Meet li sar fil-Lussemburgu. Tina iktar dettalji fuq x’fissret għalik din l-esperjenza unika fil-karriera tiegħek speċjalment meta tqis li għadek tassew żgħira!
Din l-esperjenza kienet esperjenza mill-aqwa għalija. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi nikkompeti f’avvenimenti daqshekk kbar u ħassejtni ferm ipprivileġġata li nifforma parti mit-tim Malti. F’dan il-Meet kien hemm xi għawwiema ta’ klassi mondjali fosthom Paul Biedermann, Lazio Czech u Katinka Hosszu kif ukoll għawwiem Ungeriż li bħalissa għandu erba’ rekords nazzjonali. M’hemmx dubju li dan il-Meet fil-Lussemburgu kien l-iktar wieħed ta’ suċċess għalija sa issa, fejn waqqaft rekord nazzjonali ġdid fil-50m Breastroke f’ħin ta’ 34.77 sekondi fejn ksirt rekord tiegħi stess li kont waqqaft f’Novembru tas-sena li għaddiet. Kont ili naħdem ħafna għal dan ir-riżultat.

F’Diċembru li għadda ħadt sehem f’kamp ta’ taħriġ fi Treviso, l-Italja. Tina iktar dettalji.
Tard f’Diċembru l-kowċ tagħna, Andy Colbourn, ippjana kamp ta’ taħriġ ta’ ġimgħa biex inkunu nistgħu nippreparaw tajjeb għal dan il-Euro Meet li għadna kemm ikkompetejna fih fil-Lussemburgu. Kull ġurnata minn dan il-kamp ikkonsistiet fi tliet sessjonijiet ta’ taħriġ: għawma kmieni filgħodu, segwita minn sessjoni fil-gym u filgħaxija sessjoni oħra ta’ għawm. Kien programm iebes ħafna u konna għajjenin ħafna iżda l-kowċ tiegħi baqa’ jimmotivani biex nibqa’ għaddejja. Dan il-kamp ta’ taħriġ wasal ukoll fil-bidu ta’ sena ġdida u għalhekk fisser sagrifiċċju kbir għalina li nitilfu ċ-ċelebrazzjonijiet minħabba l-fatt li kellna t-taħriġ kmieni filgħodu fil-ġurnata ta’ wara u għalhekk kellna norqdu kmieni. Dan huwa eżempju tat-tip ta’ sagrifiċċji li jirrikjedi l-isport tiegħi. Tgħallimt ħafna minn dan il-kamp ta’ taħriġ u ħassejt li dan għeni kemm mentalment kif ukoll fiżikament u ħassejtni ppreparata biex intellaq fil-Euro Meet fil-Lussemburgu

“Meta tirrealizza x’inhi l-vera ħolma tiegħek, hija l-isbaħ emozzjoni li tista’ tħoss u malajr issir xi ħaġa li ma tistax tgħaddi mingħajrha”

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-għawm?
Bħalissa qed naħdem bis-sħiħ biex nikkwalifika għall-Olimpjadi taż-Żgħażagħ li se jsiru f’Settembru ta’ din is-sena fiċ-Ċina. Sfortunatment għad ma rnexxielix nikkwalifika iżda n-nuqqas ta’ suċċess jagħmlek iktar b’saħħtek u jimmotivak biex terġa’ tqum u terġa’ tipprova, b’iktar saħħa. Qed nittama wkoll li nagħmilha għall-Kampjonati Mondjali tal-Għawm li se jsiru f’Kazan fir-Russja fl-2015. Barra minn hekk, qed nittama wkoll li nitħarreġ iktar b’saħħti biex nikser ir-rekord nazzjonali tal-100 metru Breaststroke. Ovvjament ix-xewqa ta’ kull għawwiem hija dik li jasal sal-Olimpjadi. Ma’ kull ġenarazzjoni l-għawwiema Maltin qed jilħqu livell ogħla f’dan l-isport u għalhekk jeżisti ċans aħjar li jien inkun nista’ nesperjenza l-Olimpjadi ta’ Rio fil-Brażil fl-2016!

More in Sports