Ta’ età żgħira tispikka fl-atletika

Rachel Fitz  – L-iżgħar Maltija li qatt ħadet sehem fil-Kampjonati Indoor tal-Atletika kif ukoll waħda mill-iżgħar atleti fid-dinja li qatt ħadet sehem f’dawn il-kampjonati ferm importanti fid-dinja tal-atletika

Rachel Fitz twieldet fl-4 ta’ Mejju 1995 f’Tal-Pietà
Rachel Fitz twieldet fl-4 ta’ Mejju 1995 f’Tal-Pietà

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Dejjem kont inħobb niġri – nisprintja biex inkun iktar preċiża – u dejjem xtaqt li nibda nipprattika l-atletika iżda kien biss sakemm kelli 13-il sena li finalment ingħaqadt ma’ klabb tal-atletika. Qatt ma kont motivata biex nibda ntellaq sakemm darba minnhom fl-isports day tal-iskola tagħna, meta kont għadni fl-iskola sekondarja, l-għalliema tiegħi Anna Zammit kienet inkludietni fit-tellieqa tas-60 metru u niftakar kemm kienet impressjonata bil-ħin li kont ksibt meta kont spiċċajt fl-ewwel post, fejn għelibt lil sħabi l-istudenti bi ftit metri konsiderevoli. F’dik il-ġurnata l-għalliema tiegħi kienet qaltli kemm kelli talent u li kelli nikkunsidra li ningħaqad ma’ klabb u kien f’dak iż-żmien li finalment ħadt azzjoni. Ingħaqadt mal-Allcomers Aloysians Club lura fl-2007 immexxi mill-kowċ Edward Grech u minn dak iż-żmien qatt ma ħarist lura. 

Ftit tal-ġimgħat ilu reġa’ beda l-istaġun lokali tal-atletika. Naf li kont involuta f’diversi kompetizzjonijiet sa issa fejn irnexxielek tikseb ħinijiet tajba. Il-kummenti tiegħek. 

Madwar xahrejn ilu, reġa’ beda l-istaġun tal-atletika tal-2014. L-ewwel tellieqa tiegħi tal-istaġun kienet dik tas-60 metru fejn ksibt l-aħjar ħin personali ta’ 7.97 sekondi u għalhekk kont 20 metru iktar veloċi mill-aħjar ħin personali ta’ qabel li kien dak ta’ 8.16-il sekonda. Fil-ġimgħa ta’ wara kelli kompetizzjoni oħra għal darb’oħra tellieqa ta’ 60 metru. Għal darb’oħra, għas-sodisfazzjon tiegħi, irnexxieli negħleb l-aħjar ħin personali tiegħi li kont ksibt fil-ġimgħat ta’ qabel b’0.07 sekondi hekk kif ksibt ħin ta’ 7.90 sekondi. Fit-tielet ġimgħa konna involuti f’iktar kompetizzjonijiet u l-kowċ tiegħi għal darb’oħra inkludieni fit-tellieqa tas-60 metru. Għat-tielet darba konsekuttiva rnexxieli nerġa’ nikseb l-aħjar ħin personali – dak ta’ 7.85 sekondi. 

“Meta naħseb fuq il-futur, dejjem nara l-atletika fih” Cristian Muscat

Fis-sajf li għadda eżattament f’Awwissu, ġejt magħżula biex tmur tirrappreżenta lil Malta fil-Kampjonati Ewropej tal-Juniors tal-Atletika li saru fi Rieti l-Italja flimkien ma’ atleta ieħor maskili, Luke Bezzina. X’kienet l-esperjenza tiegħek hemmhekk?

Iva, fil-fatt, din kienet l-ewwel darba għalija li kkompetejt kontra l-aqwa atleti Ewropej u għalhekk wieħed jista’ jimmaġina l-eċitament li kont qed inħoss. Konna akkumpanjati minn Uffiċjal tal-Malta Amateur Athletics Association (MAAA) Anthony Fava li kien ferm inkoraġġanti għalina matul din l-esperjenza kollha. Jien kelli nieħu sehem fit-tlielaq tal-100 metru u l-200 metru, li t-tnejn li huma ġew organizzati f’jiem separati. Qatt ma nista’ ninsa l-eċitament li ħassejt fl-istonku tiegħi f’kull waħda minn dawn il-ġranet.

Sfortunatament l-istaġun f’Malta jintemm fil-bidu ta’ Lulju u minħabba l-fatt li l-kompetizzjonijiet saru f’Awwissu, ma kontx veloċi daqskemm inkun normalment matul l-andament tal-istaġun, minħabba li t-taħriġ ma jibqax ikun daqshekk intensiv. Ukoll, ġejt magħżula biex nattendi għal dawn il-kompetizzjonijiet ġimgħa biss qabel ma fil-fatt kellhom isiru, u għalhekk din waslet bħala sorpriża sabiħa għalija personali. Li kieku jien u l-kowċ tiegħi konna nafu qabel li kellna nieħdu sehem f’dawn il-kompetizzjonijiet, huwa kien itini taħriġ speċjali apposta għal dan l-avveniment. Fl-aħħar mill-aħħar nista’ ngħid li kont kuntenta bir-riżultati li ksibt għalkemm ma kinux daqshekk viċin għall-aħjar ħinijiet personali tiegħi li huma dawk ta’ 12.56 sekondi fil-100 metru u 25.85 sekondi fil-200 metru. Dan għaliex fi Rieti rnexxieli nikseb ħin ta’ 12.91 sekondi fil-100 metru u 26.50 sekondi fil-200 metru.

“Mhux se nneħħi dan l-isport minn ħajti fiż-żmien li ġej” Cristian Muscat

Fil-bidu ta’ Marzu ħadt sehem fil-Kampjonati Indoor tal-Atletika li saru f’Sopot fil-Polonja fejn hemmhekk kellek wirjiet u riżultati ferm sodisfaċenti. Tina iktar dettalji. 

Permezz ta’ din l-esperjenza unika fil-karriera tiegħi, jien kont l-iżgħar Maltija li qatt ħadt sehem f’dawn il-kampjonati kif ukoll waħda mill-iżgħar atleti fid-dinja li qatt ħadt sehem f’dawn il-kampjonati ferm importanti fid-dinja tal-atletika. Tajjeb ngħidu li din kienet it-tieni l-iktar kompetizzjoni importanti li ħadt sehem fiha wara l-Kampjonati Ewropej tal-Juniors li saru fi Rieti fl-Italja matul is-sajf li għadda. 

Fil-Polonja, jien kont akkumpanjata mill-Uffiċjal Stephen Spiteri li huwa membru tal-Kunsill tal-Malta Amateur Atheletic Association (MAAA). L-esperjenza tiegħi bdiet nhar is-6 ta’ Marzu fejn kelli l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ f’Ċentru ta’ Taħriġ fil-Polonja. Il-ġranet li fihom saru l-kompetizzjonijiet validi mill-Kampjoanti Mondjali Indoor tal-Atletika kienu bejn is-7 u d-9 ta’ Marzu. Għalkemm jien kont qed inħares lejn l-aħjar ħin personali fit-tellieqa tas-60 metru, il-ħin li ksibt fil-Polonja kien viċin l-aħjar ħin personali li ksibt f’Malta ftit tal-ġimgħat ilu. Il-ġurnata tal-Ġimgħa għalija bdiet kmieni hekk kif fiċ-Ċentru ta’ Taħriġ irrepetejt eżerċizzji ta’ stretching fejn matul din id-darba żidt xi block starts ukoll. Il-kompetizzjoni kellha l-bidu tagħha l-għada s-7 ta’ Marzu. Fl-ewwel ġurnata tal-kompetizzjoni, l-atleti preżenti għal-logħbiet u l-post innifsu kienu xi ħaġa ferm diffiċli beix niddeskrivihom bil-kliem! Dan hekk kif wieħed seta’ jħoss it-tensjoni u l-eċitament fl-arja meta kien hemm atleti kbar li normalment narawhom jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet importanti fuq it-televixin u li kienu biss ftit metri ’l bogħod minni. Il-fatt li rajthom live kienet esperjenza indeskrivibbli u inkredibbli għalija. 

Fil-ġurnata tat-tellieqa jiġifieri nhar is-Sibt 8 ta’ Marzu, kont fit-tielet heat tat-tellieqa tas-60 metru. Però ġara li l-atleta li kienet eżattament maġenbi kellha false start. Din serviet bħala distrazzjoni kbira għalija minħabba li temporanjament telfuni mill-konċentrament. Kawża ta’ din il-false start l-atleti kollha ġew mitluba biex jerġgħu jibdew it-tellieqa. Jien ma nħobbx il-false starts ta’ atleti oħra anki meta nkun involuta f’kompetizzjonijiet f’pajjiżna! Fit-tieni rawnd ma kienx hemm false starts u l-atleti kollha lkoll kellhom tluq normali fit-tellieqa. Ħassejt li kelli bidu tajjeb u anki veloċi, għalkemm forsi rrid intejjeb l-andament tiegħi fit-tieni parti tat-tlielaq li nkun involuta fihom.

Fil-fatt din hija xi ħaġa li rrid niddiskuti mal-kowċ personali tiegħi. Sfortunatament għalija, temmejt fl-aħħar post fil-heat tiegħi b’ħin diċenti ta’ 7:86 sekondi u 0.01 sekondi biss ’il bogħod mill-aqwa ħin personali li kont ksibt matul dan l-istaġun. Minn hawnhekk nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-membri tal-familja tiegħi għall-appoġġ kontinwu tagħhom u speċjalment lill-kowċ tiegħi Edward Grech li dejjem emmen bis-sħiħ fija. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas nixtieq ngħid li mhux biss se nibqa’ ngħożż din l-esperjenza unika fil-karriera tiegħi iżda wkoll din se sservi għalija bħala ispirazzjoni biex nibqa’ nitħarreġ iktar b’mod intensiv. 

U propju Rachel Fitz kif qed tħares lejn il-futur tagħha fl-atletika?

Meta naħseb fuq il-futur tiegħi, dejjem nara l-atletika fih, li jfisser li mhux se nneħħi dan l-isport minn ħajti fiż-żmien li ġej. Madankollu nħoss li biex tilħaq livelli barranin u biex issir tajba daqs atleti barranin, wieħed irid imur barra minn Malta u għalhekk jista’ jkun li jkolli mmur barra minn xtutna biex naħdem fuq il-ħolma tiegħi, li nsir atleta professjonali. Ma nemminx li din il-ħolma ma tistax issir realtà f’Malta, iżda nemmen li l-proċess ikun ħafna iktar bil-mod. Jien lesta li nagħmel is-sagrifiċċji kollha biex intejjeb il-livelli tiegħi fl-atletika u nirrappreżenta lil pajjiżi b’ħinijiet u postijiet aħjar.

More in Sports