“Jekk ħija kapaċi jirbaħ daqstant ieħor jien”

Keith Galea – triatleta Malti u ċ-champion ta’ Malta f’dan l-isport li jirrikjedi saħħa, aġilità u konċentrazzjoni massima waqt li għamel isem ukoll barra minn Malta fl-istess sport permezz tad-diversi suċċessi li kiseb

Keith Galea huwa kkowċjat minn ħuh stess Dermot Galea li wkoll kiseb suċċessi liema bħalhom fit-triathlon kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna
Keith Galea huwa kkowċjat minn ħuh stess Dermot Galea li wkoll kiseb suċċessi liema bħalhom fit-triathlon kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it-triathlon?

L-imħabba għat-triathlon ġiet grazzi għal ħija Dermot Galea, illum il-kowċ tiegħi. Ħija beda jirbaħ tlielaq regolari ħafna u fl-1998 rebaħ l-ewwel kampjonat tiegħu meta kellu biss 16-il sena. Dakinhar bejni u bejn ruħi għidt jekk ħija kapaċi jirbaħ daqstant ieħor jien, u għalhekk l-għada bdejt nitħarreġ. Kelli biss 9 snin. L-ewwel taħriġ tiegħi kienet ġirja ta’ 15-il minuta, ħija kien ġie miegħi bir-rota. Dħalt mal-klabb li llum għadni fih, Birkirkara St Joseph S.C. u minn hemm bdiet il-karriera tiegħi fit-triathlon. Euchar Camilleri li huwa is-Segretarju tal-klabb, rani nikber f’dan l-isport.

 

Liema kienu l-ewwel suċċessi li ksibt fit-triathlon?

Fl-2002 għamilt id-debutt tiegħi. L-ewwel tellieqa kienet il-kampjonat nazzjonali tad-duathlon fejn spiċċajt fit-12-il post u t-tieni fil-kategorija tal-juniors. Minn hemm bqajt intejjeb il-livelli tiegħi fejn sal-aħħar tas-sena rnexxieli niġi l-ħames overall fil-kampjonati nazzjonali tat-triathlon u rnexxieli nirbaħ it-titlu ta’ Champion ta’ Malta fit-Triathlon tal-Juniors. Fl-2003 komplejt immur aħjar fejn bdejt niġi mal-ewwel tlieta regolari. F’din is-sena waslet l-ewwel rebħa tiegħi. Hija ġurnata li ma ninsa qatt. Kienet tellieqa vera eċitanti għax irbaħtha biss bi 11-il sekonda. Ġimgħa wara din it tellieqa rbaħt il-Gozo- Malta Sea Swim. Din kienet għawma ta’ 5 kilometri u kelli biss 14-il sena! 

 

Ħuk li jiġi l-kowċ tiegħek Dermot Galea kif ispirak biex tikseb dawn is-suċċessi?

Meta ħija kien rebaħ l-ewwel kampjonat tiegħu fl-1998, kien ta’ stimolu kbir għalija biex bdejt it-triathlon. Dakinhar għidt bejni u bejn ruħi li xi darba dan il-kampjonat ikun tiegħi. F’kull taħriġ li għamilt dejjem kelli f’moħħi li nsir iċ-champion ta’ Malta. Kemm-il darba kont qalb il-favoriti biex nirbħu bejn l-2007 u l-2009 imma dejjem kien jinqala’ xi ħaġa. Kont inkun eċitat ħafna u ma kinitx toħroġ il-prestazzjoni li xtaqt. Kont niġi t-tieni jew it tielet fejn kont nasal dejjem wara ħija sakemm fl-2010 sirt champion ta’ Malta għall-ewwel darba fil- karriera tiegħi. Din il-ġurnata ma ninsiha qatt għax fl-aħħar il-ħolma tiegħi saret realtà wara ħafna tentattivi. Qatt ma qtajt qalbi għax dejjem emmint fija nnifsi li kont kapaċi. Minn dakinhar ’l hawn il-Kampjonat tat-Triathlon irbaħtu darbtejn oħra.

“Kulħadd kien qed jistennieni negħleb lil ħija Dermot”

 

Bejn l-2009 u l-2010 għamilt żmien toqgħod l-Ingilterra fejn hemmhekk tħarriġt bħala triatleta professjonali. Tina iktar dettalji. 

Kienet esperjenza li ma ninsa qatt għax tgħallimt ħafna u rnexxieli nirbaħ xi tlielaq ukoll apparti li tejjibt il-ħinijiet kollha tiegħi. Fl-2012 dħalt fl-iskema tat-20/20 tal- KMS. Grazzi għal din l-iskema kelli iktar ċans nitħarreġ u bdejt nitħarreġ fuq bażi iktar professjonali. It-taħriġ tiegħi żdied għal tliet sessjonijiet kuljum li jammontaw għal 30 siegħa fil-ġimgħa. Ir-riżultati bdew jaslu għax fl-2012 irbaħt kull tellieqa f’Malta, irbaħt żewġt itlielaq fi Sqallija u sirt champion tal-Ewropa tal-Under 25 u fl-2013 ksirt ir-rekord nazzjonali tat-triathlon fuq distanza Olimpika kif ukoll ir-rekords tal-korsa f’Malta kemm fuq distanza sprint kif ukoll dik Olimpika. Tant kemm il-livell tiegħi tjieb li bħalissa apparti li jien l-aħjar wieħed ta’ Malta fit-triathlon, qiegħed ukoll fost l-aqwa tliet atleti Maltin fil-ġiri fit-tul. 

 

X’inhuma l-unuri prinċipali li rbaħt matul is-snin fit-triathlon?

Matul is-snin irbaħt 6 unuri - wieħed tad-deheb u ħamsa bronż mingħand il-Kumitat Olimpiku Malti, u ħames darbiet ġejt ivvutat bħala t-Triatleta tas-sena. Irbaħt ukoll sitt darbiet il-Birkirkara St Joseph Triathlon Series, waqt li sirt Champion ta’ Malta tad-duathlon fl-2012. Għal tliet darbiet kont ukoll iċ-champion ta’ Malta tal-open water sea swim u ċ-Champion tal-Afrika fl-2008. Irbaħt ukoll madwar 10 tlielaq barra minn Malta ġewwa l-Ġermanja, l-Ingilterra, Sqallija, l-Iżrael u t-Tuneżija.

 

Fis-6 ta’ Ottubru li għadda rbaħt il-Kampjonat Nazzjonali tat-Triathlon li permezz tiegħu sirt iċ-champion ta’ Malta fit-Triathlon. Il-kummenti tiegħek. 

Il-Kampjonat li rbaħt il-Ħadd 6 ta’ Ottubru kien wieħed vera diffiċli. Meta wieħed jara r-riżultati li ksibt matul is-sena jirrikonoxxi li kelli staġun mill-aqwa li hekk hu imma t-tbatija li batejt u l-ostakli li kelli naffaċċja din is sena kienu wisq stressanti. Ovvjament kont il-favorit li nirbaħ dan il-kampjonat imma meta niġi biex nagħmel din it-tellieqa partikolari nkun daqsxejn eċitat iktar mis-soltu.

Din kienet it-tellieqa li ġegħlitni nibda t-triathlon. Niftakar fl-1998 meta ħija għaxar darbiet champion ta’ Malta, Dermot Galea rebaħ l-ewwel kampjonat tiegħu f’età ta’ 16-il sena. Meta rajtu jirbaħ, għidt lili nnifsi li xi darba rrid nirbaħ dan il-kampjonat. Kont ħafna sfortunat matul is-snin f’din it-tellieqa għax għandi kollezzjoni sħiħa tat-tieni u t-tielet post u nkun tlift il-kampjonat minħabba xi żball ta’ nuqqas ta’ esperjenza tiegħi u xi naqra eċitament żejjed li ma nkunx kapaċi nikkontrolla sakemm fl-aħħar irbaħt dan il-kampjoant għall-ewwel darba fl-2010. 

Li tirbħu darba huwa vera diffiċli imma biex terġa’ tikkonferma li int l-aħjar huwa iktar. Jien għaddejt minn perjodu ta’ pressjoni fejn kulħadd kien qed jistennieni negħleb lil ħija Dermot, li llum huwa l-kowċ tiegħi u issa ġiet pressjoni oħra fejn kulħadd jistenna u jippretendi li dejjem nirbaħ. Kont ħafna eċitat għal din it-tellieqa għax kont naf li mhux se tkun faċli għalija kif fil-fatt ma kinitx. Diġà kont sfortunat f’Mejju li għadda fejn ma stajtx niddefendi t-titlu tad-duathlon li rbaħt is-sena l-oħra minħabba injury serja fil-hamstring u tellaqt xorta kontra kull parir tat- tobba. Wara din it tellieqa ċerti persuni kibritilhom rashom u bdew jaħsbu li huma aqwa minni, imma malajr tajthom risposta fejn urejt li atleta ma tistax tiġġudikah fuq tellieqa waħda biss! 

Kif bdejna, bdiet nieżla x-xita u mal-ħin iktar bdiet iżżid. Kelli għawma tajba ħafna fejn ksibt vantaġġ sostanzjali fuq l-avversarji tiegħi, bdejt pass tajjeb u bdejt inżid iktar mal-ħin. Bdejt ninkwieta minħabba li t-triq kienet perikoluża għax kienet tiżloq u li ma nkunx nista’ nagħfas kif xtaqt imma s-sena l-oħra tellaqt fi Sqallija f’dulluvju u xorta mort tajjeb allura esperjenza f’dawn il-kundizzjonijiet kelli. Innutajt li l-avversarji tiegħi kienu qed jibżgħu minħabba ż-żlieq. Kelli vantaġġ ta’ żewġ minuti u 30 sekonda u ridt inkabbru. Bdejt nieħu ħafna riskji fejn stajt u naqqast fil-partijiet perikolużi biss.

Bdejt inkabbar il-vantaġġ ma’ kull dawra, sakemm f’nofs it-tellieqa bir-rota kelli nieqaf minħabba ‘puncture’. Kien mument kruċjali fejn stajt nirbaħ jew nitlef it-tellieqa. Għamilt dawra sħiħa fuqu. Żammejt kalm. Biddilt ir-rota u komplejt. Tlift ħafna mill-vantaġġ li kelli għal minuta u 15-il sekonda. Domt ħafna biex erġajt inżomm il-pass li kelli l-ewwel għax peress li waqaft, ir-ritmu li qbadt tliftu. Imma xorta rnexxieli nżid naqra fl-ewwel żewġ dawriet tar-rota. 

Fil-ġirja ridt li dak kollu li tlift fir-rota nerġa’ nġibu lura u nżid fuqu. Bdejt niġri tajjeb ħafna u kont naf li t-titlu kien f’idejja imma komplejt nagħfas għax ridt nirbħu bis-saħħa. U rnexxieli għax irbaħt il-kampjonat f’ħin ta’ 2.03, b’vantaġġ ta’ tliet minuti. Vera kuntent li rbaħt dan il-kampjonat għat-tielet darba fil-karriera tiegħi u l-mod kif irbaħtu, (għax kelli puncture u xorta rbaħt). Dan għamel dan il-kampjonat iktar memorabbli apparti li kienet prestazzjoni mill-aqwa.

“Din is-sena rrid nurihom li jien għadni u se nibqa’ l-aħjar wieħed f’Malta”

 

Niġu issa għal-livell internazzjonali. X’unuri rnexxielek tikseb fuq dan il-livell?

Irbaħt il-midalja tal-bronż fil-Kampjonati Ewropej tat-Triathlon fejn għamilt ħin fenomenali ta’ 1.57.00 li huwa r-rekord nazzjonali ġdid. Ħadt sehem fil-Garmin Trio Cernobbio Olympic Triathlon fejn tellaqt mal-aqwa atleti professjonali Taljani. Ġejt fit-22 post ‘overall’ minn 800 u t-tieni fil-kategorija tiegħi. F’Settembru ħadt sehem fil-Kampjonati Mondjali tat-Triathlon fejn ksibt l-aqwa riżultat li qatt kiseb Malti, nisa inklużi. Fil-kategorija tiegħi ġejt fis-37 post minn 150 u ġejt il-130 minn 5,000 parteċipant. Dan huwa l-aqwa riżultat li qatt kiseb Malti f’dawn il-kampjonati.

 

Kellek bidu ta’ din is-sena mill-aqwa fejn fost l-oħrajn fi Frar li għadda kklasifikajt bħala t-tieni atleta Malti fil-Vodafone Malta Half Marathon. Tina iktar dettalji. 

Wara s-suċċessi li kelli s-sena l-oħra din is-sena rrid inkompli fejn ħallejt, anzi rrid u ninsab determinat li mmur aħjar. Wara li s-sena l-oħra kien hemm xi individwi li bdew jgħidu xi kummenti li m’għadnix l-aħjar wieħed u li ma ħaqqnix niġi magħżul għal ċerti tlielaq, dan kollu għax ħarġitli tellieqa ħażina għax kont ma niflaħx, din is-sena rrid nurihom li jien għadni u se nibqa’ l-aħjar wieħed f’Malta. Dawn il-kummenti ma kissrunix anzi, tawni iktar kuraġġ u rabja biex nitħarreġ iktar. Fil-fatt l-ammont ta’ taħriġ li qed nagħmel f’ġimgħa tela’ għal 30 siegħa regolari.

Bdejt is-sena billi mort kamp ta’ taħriġ ġewwa Għawdex mal-mara. Qatt ma nafni li tħarriġt daqshekk iebes. L-ewwel tellieqa li rrid inkun fl-aqwa tiegħi hija dik tat-30 ta’ Marzu fejn se jintgħażlu atleti li potenzjalment se jieħdu sehem fil-Commonwealth Games. 

Diġà għamilt tlielaq li fihom mort tajjeb ħafna. F’Jannar ħadt sehem fl-ewwel tellieqa tal-Alfresco Triathlon Series. Kienet Duathlon fejn irnexxieli niġi l-ewwel b’erba’ minuti vantaġġ fuq it-tieni wieħed. Ġimgħa wara ħadt sehem fit-10km ta’ Ta’ Qali fejn spiċċajt it-tielet overall u t-tieni Malti f’ħin personali ta’ 33 minuta u 36 sekonda. Fi Frar għamilt it-10km ta’ Ħ’Attard fejn spiċċajt it-tieni. S’issa l-aqwa prestazzjoni li għamilt kienet dik tal-Vodafone Malta Half Marathon fejn ġejt il-ħames overall u t-tieni Malti f’ħin ta’ siegħa, 12-il minuta u 52 sekonda – żewġ minuti u 30 sekonda aħjar mis-sena l-oħra. Dawn ir-riżultati li ġibt juru li fit-taħriġ qiegħed tajjeb u juru wkoll li tjibt ħafna fil-ġiri, tant li barra li qiegħed it-tieni l-aqwa atleta Malti fit-triathlon, qiegħed ukoll mal-aqwa tlieta fil-ġiri fit-tul ġewwa pajjiżna. 

 

X’inhuma l-pjanijiet tiegħek għal din is-sena?

Il-pjanijiet għal din is-sena huma ħafna imma l-iktar waħda importanti hija li nintgħażel biex nirrapreżenta lil Malta fil-Commonwealth Games li se jsiru fl-aħħar ta’ Lulju ġewwa Glasgow. F’Ġunju se nieħu sehem fil-Kamjonati Ewropej tat-triathlon li se jsiru l-Awstrija fejn qed nimmira għall-medalja u f’Lulju l-Commonwealth Games. Dan kollu ma jfissirx li t-tlielaq ta’ Malta se nwarrabhom. Din is-sena nixtieq nirbaħ il-Kampjonati ta’ Malta tat-triathlon u Aqauthlon, il-Birkirkara St Joseph triathlon series u l-Al Fresco Triathlon Series, il-Hellfire Triathlon, l-unur tat-Triatleta tas-Sena u l-Birkirkara St Joseph Running Series.

 

Tixtieq tgħaddi xi ringrazzjamenti wara dan is-suċċess kollu li ksibt fit-triathlon u mhux biss?

Nixtieq nirringrazzja lill-kowċ tiegħi Dermot Galea, lill-kowċ tal-għawm tiegħi Catalin Stan, lill-isponsors tiegħi Garmin Malta, Challenge Malta Marathon, u lil Starbene Shop tal-Mosta kif ukoll lill-klabb Birkirkara St Joseph. Nirringrazzja wkoll lil Malta Triathlon Federation tal-appoġġ li dejjem tawni, lil Noene Soles għaż-żraben tal-ġiri, BBB Bike Parts u lil Jaycee Malta, lill-ġenituri tiegħi u lill-ġenituri tal-mara tal-appoġġ li dejjem ituni, u fl-aħħar iżda mhux l-inqas lill-mara tiegħi Elizabeth tal-appoġġ enormi li ttini u tal-paċenzja li tieħu bija. Elizabeth kienet fundamentali għalija għax huwa grazzi għaliha li din is-sena għadni l-aqwa wieħed! Kull tbatija li sofrejt, hi batiet miegħi! Bl-Ingliż jgħidu “Behind a great man there is a great Woman!”

More in Sports