Intervista Lokali Barranin

L-imħabba lejn l-Inter u l-ħbiberija ma’ Zanetti

Paul Fenech – partitarju kbir ta’ Inter, ħabib personali tal-leġġenda ħajja tal-istess klabb minn Milan, Javier Zanetti, u wieħed mill-imħuħ wara ż-żjara tal-plejer Arġentin bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju f’pajjiżna biex imexxi kamp ta’ taħriġ fil-grawnd tal-Luxol li l-qligħ minnu se jmur kollu għall-Fondazzjoni Pupi li hija mmexxija minn Javier Zanetti nnifsu u mill-mara tiegħu Paula.

Cristian Muscat / 25 ta' Mejju 2014 12:40
Paul Fenech, jemmen li t-tim immexxi minn Mourinho flimkien ma’ dak li kien hemm fih plejers bħal Facchetti u Burgnich kienu l-aqwa timijiet ta’ Inter ta’ kull żmien
Fenech ma' Zanetti
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn Inter?
Minn ċkuniti mill-ewwel inġbidt lejn il-gear blu u iswed ta’ Inter. Niftakar dawk iż-żminijiet li fihom Inter kellhom plejers ta’ klassi mondjali bħal Burgnich u Facchetti. Kont għadni tifel u minn dak iż-żmien ’l hawn l-imħabba lejn il-kuluri Neroazzurri ma naqsu qatt anzi iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar insir inħobbhom u nħosshom parti mill-familja tiegħi.

Ippermettieli niddeskrivi dan l-istaġun għall-Inter bħala wieħed ferm diżappuntanti. Taqbel miegħi?
Naqbel miegħek perfettament. Stennejt aħjar minn dan it-tim. Il-kowċ Mazzarri, jien personalment ma jogħġobnix u nemmen li se jkun żball li se jibda l-istaġun li ġej għax nemmen li ma jkomplix mal-Inter.

Liema kien l-aqwa tim tal-Inter ta’ kull żmien fl-opinjoni tiegħek?
Ovvjament tal-2010 ta’ Mourinho, kien wieħed mill-aqwa timijiet. Għalkemm fil-passat fi żmien Burgnich, Facchetti u oħrajn ukoll kien hemm tim tajjeb imma dik kienet era oħra imma riċentament dak ta’ Mourinho kien l-aqwa tim li mertu minnu għandu Mancini għax kien hu li beda jibni t-tim ta’ Inter u għamel il-bażi tiegħu mingħajr ma nneħħi xejn mill-mertu ta’ Mourinho li huwa ‘The Special One’ għal kull Interist.

U l-aqwa plejer Interist ta’ kull żmien?
Hemm ħafna plejers però uħud mill-aqwa plejers ta’ Inter ta’ kull żmien fl-opinjoni tiegħi huma Zanetti, Facchetti, Mazzola, Ronaldo u Ibrahimovic. Fil-passat kien hemm ukoll Giuseppe Meazza.

Kif qed tħares lejn il-futur ta’ Inter kemm bħala soċjetà kif ukoll bħala tim?
Mil-lat ta’ soċjetà jien nemmen li Thohir huwa bniedem kapaċi u bil-għaqal li se jerġa’ jagħti bażi soda finanzjarja lil Inter u ovvjament kif il-bażi finanzjarja tiġi rranġata nemmen li kapaċi jibni tim tajjeb ukoll. Fil-fatt mill-ewwel li ġie ma’ Inter, meta kien hemm l-istorja ta’ Guarin u Vucinic, il-President Indoneżjan mill-ewwel ikkalma l-affarijiet. Jien niftakar kont qiegħed Milan quddiem is-sede tal-Inter. Għamilt xi tmien sigħat meta kien hemm il-protesti tal-Boys – kif inhuma magħrufin il-partitarji Interisti u nemmen li dawn kienu l-fattur prinċipali għaliex dan it-trasferiment fil-fatt ma seħħx. Kien bis-saħħa tal-Boys u tal-partitarji Interisti inġenerali bil-protesti paċifiċi li għamlu quddiem is-Sede tal-Inter fejn inġabru bi ħġarhom li dan l-iskambju bejn Guarin u Vucinic ma seħħx.

Bosta Interisti ma tantx kienu jħarsu sabiħ lejn id-Direttur Sportiv ta’ Inter Marco Branca. X’inhuma l-opinjonijiet tiegħek ta’ din il-persuna?
Branca għamel l-iżbalji però ma tridx tneħħilu l-merti tiegħu għax meta l-Inter ħadu t-Triplete huwa kien hemmhekk waqt li hu kien il-moħħ wara l-ingaġġ ta’ plejers bħal Cambiasso, Ibrahimovic u plejers oħra, jiġifieri hu għandu l-merti tiegħu wkoll. Issa kien wasal iż-żmien li jidħol minfloku persuna ġdida li kien Ausilio.

Nitfgħu issa l-ħarsa tagħna fuq Zanetti. Kif bdiet il-ħbiberija tiegħek miegħu?
Ilna nikkomunikaw u niltaqgħu għal dawn l-aħħar 3 snin. Jien sirt ħabib tiegħu bis-saħħa ta’ Sergio Soldano li tajjeb ngħidu li huwa l-kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena fejn kien hu li introduċieni miegħu. Li dawn in-nies bħal Zanetti jibdew jafdawk mhux b’kumbinazzjoni, iżda trid taħdem għaliha. Trid turihom li dak li tkun qed tagħmel ma jkunx għall-interess personali tiegħek. Jien l-interess tiegħi li ngħin lil Zanetti huwa verament biex ngħin lill-Fondazzjoni Pupi.

"“Jien l-interess tiegħi li ngħin lil Zanetti huwa purament biex ngħin lill-Fondazzjoni Pupi”"
U x’inhi l-Fondazzjoni Pupi?
Il-Fondazzjoni Pupi hija Fondazzjoni li waqfu Zanetti u l-mara tiegħu Paula. Din is-sena l-istess fondazzjoni tagħlaq 13-il sena u f’Diċembru attendejt għall-festa tal-anniversarju. F’din il-festa memorabbli fejn kien hem 600 ruħ u li saret f’Gallaretta fl-istabbiliment tal-Mercedes, attendew plejers bħal Milito, Nagatamo, Jonathan u oħrajn. Il-fondazzjoni fl-Arġentina hija mmexxija minn missier Paula, li ftit jiem oħra se jkun f’pajjiżna ma’ Zanetti u l-mara tiegħu.
Il-fondazzjoni Pupi tieħu ħsieb tfal foqra u lill-familji tagħhom. Il-ġenituri ta’ dawn it-tfal jiġu mgħallma diversi snajja biex ikunu jistgħu jaħdmu u jgħixu lill-familja. Barra minn hekk jeħdulhom ħsieb ukoll is-saħħa tagħhom  fejn għandhom professuri u psikjatri li jaraw il-ħtiġijiet ta’ dawn il-familji. Il-fondazzjoni wkoll tipprovdilhom l-ikel wara li jiġu mill-iskola jew ix-xogħol. B’hekk dawn it-tfal isibu kollox lest. Din il-Fondazzjoni qed tagħmel ġid kbir fl-Arġentina u hija l-mimmi t’għajnejn Zanetti u l-mara tiegħu Paula.

Jidher li fl-aħħar żjara tiegħu f’Malta f’Ottubru li għadda Zanetti ħa gost ħafna f’pajjiżna u fil-fatt se nkunu qed nerġgħu narawh fil-gżejjer Maltin bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju fejn huwa se jkun qed imexxi kamp ta’ taħriġ li naf li int il-moħħ warajh fost oħrajn. Tina iktar dettalji fuq dan il-kamp u kif wasalt biex ipperswadejt lil Zanetti biex jerġa’ jqatta’ tlett ijiem f’pajjiżna?
Rigward il-kamp ta’ taħriġ ma rridx nieħu l-mertu kollu jien. Irrid insemmi persuna Taljana li kienet tista’ tgħid hi li bdiet ix-xrara għal dan flimkien mal-klabb tal-Luxol fejn hawnhekk nixtieq nirringrazzja ħafna lil Jason Falzon tal-koperazzjoni kbira li sibt min-naħa tiegħu u għad-disponibbiltà tiegħu wkoll. Kumpanija oħra li rrid nirringrazzja ħafna wkoll hija l-McDonalds fejn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lill-familja Hili għax dawn mill-ewwel aċċettaw li jkunu l-isponsors ewlenin ta’ din l-attività. Ma nistax ma nsemmix ukoll lil Kirstie Saliba mill-marketing tal-McDonalds u l-ħafna ħbieb li qegħdin jgħinuni f’din l-avventura unika. Fil-kampus se jieħdu sehem madwar 165 tifel fejn fosthom hemm ħamest itfal tal-istituti li dawn mhuma se jħallsu xejn għall-kampus u kif għidt b’dan kollu lil Zanetti huwa mill-ewwel aċċetta. Fil-fatt huwa saħaq miegħi li din kienet idea tajba u ħa gost ħafna bil-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tfal. Il-qligħ kollu li se jsir minn din l-attività se jmur kollu għall-fondazzjoni Pupi. Jien bħalissa nista’ ngħidlek li prattikament qiegħed full time f’dawn il-ħmistax-il ġurnata fuq dan il-kampus - ovvjament però mingħajr ħlas biex ma jkunx hawn min jibda jispekula!

Naf li malli ħriġtu l-applikazzjonijiet għal dan il-kampus, dawn imtlew mill-ewwel...
Jien bqajt immeraviljat li fi żmien jumejn dan il-kampus kien mibjugħ kollu - għadhom sal-lum iċempluli n-nies u jitolbuni biex idaħlu t-tfal tagħhom biex jieħdu sehem f’dan il-kamp ta’ taħriġ imma ovvjament ma nistgħux indaħlu iktar tfal. Il-kampus se jiġi inawgurat il-Ġimgħa 30 ta’ Mejju madwar l-4pm mill-Ministru tat-Turiżmu l-Onorevoli Dr Edward Zammit Lewis waqt li stedinna wkoll il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat biex jattendi. Dakinhar stess filgħaxija għandna l-gala dinner uffiċjali li se jsir ġo lukanda ewlenija f’Għajn Tuffieħa - din se tkun festa kbira lil dan il-leġġenda ħajja Interista illi wara li ngħata merħba kbira ġo Milan fl-aħħar logħba kontra Lazio issa jmiss lill-poplu Interist Malti biex jagħtih merħba u tislima kbira.

Għaddieli minn widnejja li int kont involut fil-ħatra ta’ Zanetti bħala ambaxxatur tat-turiżmu għal Malta fl-Italja li rajniha fl-aħbarijiet ftit tal-ġimgħat ilu. Tina iktar dettalji.
Għalissa kulma se ngħidlek huwa li huwa dan li għidt int huwa verissimu però għalissa se nieqaf hawn!

Iddeskrivi lil Zanetti fi ftit kliem.
Zanetti huwa umli, b’qalb tad-deheb u li għamel lit-tim tal-Inter parti mill-familja tiegħu. Pereżempju qatt ma kont nemmen li Zanetti jiltlaq lill-Inter. Dan kellu offerti minn Real Madrid u minn timijiet oħra kbar u dejjem irriffjutahom - ried jibqa’ mal-Inter biex ikun il-bandiera ewlenija Interista. Fil-fatt se jkun il-Viċi-President tal-Inter fejn din l-aħbar diġà ġiet imħabbra mill-President Onorarju Massimo Moratti.

"“Zanetti huwa umli, b’qalb tad-deheb u li għamel lit-tim tal-Inter parti mill-familja tiegħu”"
Kif se jimtela n-nuqqas ta’ Zanetti u ta’ plejers oħra bħal Cambiasso, Samuel u Milito?
B’dispjaċir qed nara li l-plejers kollha li għamlu l-istorja tat-Triplete se jispiċċaw minn ma’ Inter. Mhuwiex faċli li ssib plejers b’kalibru ta’ dawn il-plejers. Żgur li d-Direttur Sportiv Ausulio se jkollu għadma iebsa xi jgerrem biex isovi dawn il-problemi!

Għad fadal plejers bħal Zanetti fil-futbol mondjali jew il-plejers llum huma lkoll merċenarji?
Jien ngħid li l-plejrrs illum huma merċenarji hekk kif dawn kif ikun hemm bniedem joffrilhom iktar flus jinsew il-kuluri li jkunu qegħdin jilbsu u mill-ewwl jaqbżu minn fuq id-dgħajsa u jitilgħu fuq id-dgħajsa l-ġdida. Soċjetajiet bħal Manchester City, PSG u oħrajn tista’ tgħid li huma r-rovina tal-futbol, fejn qegħdin jagħtu pagi bl-addoċċ biex imbagħad plejers bħal Lavezzi ta’ PSG ma jsibux posthom fit-tim għax dawn ikollhom 22 plejer għad-dispożizzjoni tagħhom u ma jsibux posthom fit-tim. B’hekk plejers bħal dawn jagħmlu staġun li fih ma jilagħbux kwart minnu! Jiġifieri dawn kulma jkunu qegħdin iħarsu lejh huwa l-lat finanzjarju. Plejers bħal Zanetti fadal imma dawn huma ftit ħafna u dejjem qegħdin jonqsu. Fost dawn nistgħu nsemmu lil Totti ta’ Roma li dejjem baqa’ leali lejn il-kuluri Giallorossi. Kien hemm ukoll Maldini ta’ AC Milan li b’dispjaċir kbir fl-aħħar logħba tiegħu mar-Rossoneri l-partitarji Milanisti ma tantx trattawh tajjeb li hija ħasra li plejer bandiera u li ta dak is-servizz kollu jiġi ttrattat b’dak il-mod u manjiera. Dan jikkuntrasta mal-fatt li saħansitra partitarji ta’ Inter ukoll għamlu banner f’ġieħ Maldini f’logħba li fiha kienu involuti n-Neroazzuri. Għalija kien żball ukoll kbir ta’ Mazzarri li fl-aħħar derby kontra AC Milan ma daħlux għall-aħħar kwarta. Din hija xi ħaġa li żgur li weġġgħet ħafna lil Zanetti u l-partitarji Interisti din il-ħaġa żgur li qatt ma jistgħu jaħfruha lil Mazzarri, fejn saħansitra anki l-partitarji Milanisti kienu wkoll lesti li jagħtuh ovazzjoni!

Hemm xi pjanijiet jew proġetti għal min tant għandu għal qalb  l-flokk blu u iswed ta` Inter f`pajjiżna?
Ta’ min jgħid ukoll li fil-futur qarib se jkun hemm sorpriżi oħra għal dawk kollha li jsegwu lil Inter mill-viċin, iżda aktar informazzjoni tingħata fil-ħin opportun.

 

Cristian Antony Muscat huwa ġurnalist sportiv li jispeċjalizza fil-futbol. Ilu f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 5 snin. Kien kummentatur f'diversi logħbiet prinċipali tal-futbol fosthom dawk mill-UEFA Champions League kif ukoll tal-waterpolo, handball u futsal. Għandu għal qalbu ħafna l-isports hekk kif jarah bħala mezz ewlieni li jgħin lill-bniedem biex jiskopri dejjem iktar lilu nnifsu.
Stħarriġ
Segwina fuq Facebook