filmat | Wales jisfidaw il-Brexit u jiddeċiedu li jibqgħu fl-Ewropa

Wales ma jridux iħallu l-Ewropa

B'wirja formidabbli ta' qalb kbira bħal dik tad-dragun li hemm stampat fuq il-bandiera tagħhom, Wales sfidaw il-Brexit tal-Ingilterra u baqgħu għaddejjin fl-Ewropa. Fejn għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom issa jinsabu fis-semifinali tal-Euro 2016 meta taw lezzjoni ta' futbol lil dawk li għax il-FIFA poġġiethom fl-ogħla post tar-ranking fl-Ewropa u t-tieni fid-dinja ħasbu li ma jista' għalihom ħadd.

Fl-istess waqt, Wales urew lid-dinja li huma mhux tim mibni biss fuq Bale iżda fuq tim sħiħ li jilgħab għall-flokk tal-pajjiż tad-dragun fejn taw anke lezzjoni ta' umiltà lil ħuhom il-kbir, it-team Ingliż li minkejja li mimli ismijiet spiċċaw ħarġu mill-Ewropa qabel kull mistenni. Issa Wales jiltaqgħu fis-semifinali kontra l-Portugall fejn iż-żewġ stilel ta' Real Madrid, Ronaldo u Bale se jiffaċċjaw lil xulxin fuq in-naħa opposta ta' xulxin.

Intant, kienu xeni ta' ċelebrazzjoni fost il-partitarji ta' Wales meta lbieraħ, kontra kull mistenni sfidaw il-qawwa Belġjana u rebħu biex assiguraw posthom fis-semifinali tal-Erbgħa li ġej.

More in Sports