Lil Balotelli ma jridu ħadd!

Kawża tal-aġir tiegħu barra fil-ground, li sfortunatament, jiżboq il-wirjiet tajbin u xi kultant mill-aqwa tiegħu fil-ground!

Jekk kien hawn player li ħoloq il-polemika u l-kontroversja f’dawn l-aħħar snin, m’hemmx dubju li dan ma kien ħadd ħlief Mario Balotelli. Ilkoll nafu li dan l-attakkant Taljan jippossjedi talent imprezzabbli fil-football, madankolku, sfortunatament dan il-player fl-aħħar snin aktar għamel isem fl-aħbarijiet li m’gahndhomx x’jaqsmu mal-football, milli rigward il-prestazzjonijiet tieghu fil-ground.

L-istejjer rigward dan il-player kontroversjali kulħadd jafhom, u meta wieħed semagħhom, malajr seta’ jistaqsi l-mistoqsija, jekk dak li kienx qed jisma’, kienx tabilħaqq fattwali.

Fost dawn l-istejjer, wieħed ma jistax ma jsemmix dik meta kien jilgħab bil-flokk blue ta’ Manchester City, meta kien tilef misluta tad-djamanti fil-ground tat-taħriġ l-antik ta’ Manchester City, li kien iġib l-isem ta’ Carrington.

 

Ta’ player li jaqla’ l-miljuni ta’ flus fosthom is-somma elettrifikanti ta’ £5,5 miljun fis-sena, għalih xejn ma jidher impossibli u fil-fatt, fiż-żmien li fih kien jilgħab mas-City, huwa kien qabbad lill-istaff tat-taħriġ ta’  Manchester City biex ifittxu din il-misluta u wegħedhom bonus mill-aqwa jekk forsi setgħu isibuha. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, dawn qatgħu qalbhom milli jsibu din il-misluta u baqgħu mingħajr flus.

 

Storja oħra li kapaċi tagħmel il-headlines tal-aħbarijiet, u li tkun waħda prinċipali jekk Mario Balotelli jkolu jikteb ktieb fuq ħajtu tkun dik, meta huwa ħallas somma totali ta’ xejn inqas minn £1,000 għal xarba biex jikkuntenta lil kull min kien f’pub f’Manchester, fiż-żmien li fih kien jilgħab mal-Blues. Dawn huma affarijiet li l-ebda player professjonali u li jieħu b’tassew serjetà, il-karriera tiegħu fil-football ma joħlom li jagħmel.

 

Biex dejjem nibqgħu fl-Ingilterra, meta Mario Balotelli, ingħaqqd ma’ Liverpool, fis-sajf tas-sena li għaddiet, il-club minn Anfield Road, pprova jagħmel mill-aħjar li jista’ biex jgħin lil dan il-player imwieled fil-Ghana iżda naturalizzat Taljan biex ikollu imġiba aħjar fil-ground.

 

Però, dawn  it-tentattivi jidhru li wkoll sfumaw fix-xejn, hekk kif saħansitra l-manager ta’ Liverpool, Brendan Rodgers, inkariga persuna biex isegwi mill-viċin lil dan il-player biex jara li jkollu mġieba denja barra mill-ground.

 

Ir-Reds kienu ħallsu s-somma ta’ 16 -il miljun Sterlina għas-servizzi tiegħu, iżda sfortunatament dan il-player ftit li xejn patta għal din is-somma. Dan hekk kif huwa rnexxielu jiskorja biss erba’ goals f’29 logħba ma’ Liverpool, b’wieħed minnhom jasal fil-Kampjonat Barclays Premier - xi ħaga li xejn ma niżlet tajjeb mal-partitarji ferventi tar-Reds.

 

B’hekk kollox qed jindika li Mario Balotelli ma jinsabx fil-pjanijiet għal mal-ewwel 11 ta’ Liverpool għall-istaġun li ġej. U dan għalkemm, Liverpool, tilfu s-servizzi ta’ Raheem Sterling, li ngħaqad ma’ Manchester City, għas-somma fenomenali ta’ xejn inqas minn £49m, fejn se jkun qed jitħallas is-somma ta’ £200,000 fil-ġimgħa, biex b’hekk sar l-aktar player Ingliż li sewa’ flus f’kull żmien.

 

Dan huwa fatt li bosta segwaċi tal-football mondjali, fosthom dak Ingliż, ikkunsidraw bħala somma li tabilħaqq hija xi ftit aktar min-normal għal dan il-player li għalkemm għandu kapaċitajiet mill-aqwa fil-football, dawn jikkuntrastaw bil-bosta, mal-kwalitajiet ta’ players meqjusin bħala fenomeni, bħal mhuma Cristiano Ronaldo u Lionel Messi, fost l-oħrajn.

 

F’dawn l-aħħar jiem, issemma’ li Mario Balotellli, kien qed jiġbed l-interess ta’ Inter u Sampdoria fl-Italja u ta’ Trabzonspor fit-Turkija, madankollu, jidher li d-diripenti ewlenin ta’ dawn il-clubs, ma tantx jixtiequ li dan il-player ikun jifforma parti mill-iskwadra tagħhom,  minħabba l-aġir tiegħu, kemm fil-ground kif ukoll barra minnu.

 

B’hekk il-mistoqsija tiġi waħedha - x’se jkun il-futur immedjat ta’ Mario Balotelli? Bosta huma tal-opinjoni li lil dan il-player ma jridu ħadd! U dan kawża tal-aġir tiegħu barra fil-ground, li sfortunatament, jiżboq il-wirjiet tajbin u xi kultant mill-aqwa tiegħu fil-ground!

 

 

 

More in Sports