Filli jbigħ il-ħut u kunduttur fuq tal-linja u filli jaqla’ l-miljuni tal-Ewro

L-attakkant Kolumbjan Carlos Bacca 

Carlos Bacca jifraħ bit-Tazza tal-UEFA Europa League li Sevilla rebħu f’Mejju li għadda, wara li huwa kien il-protagonista assolut, hekk kif skorja doppjetta personali fir-rebħa ta’ 3-2 fil-finali kontra t-team Ukren, Dnipro
Carlos Bacca jifraħ bit-Tazza tal-UEFA Europa League li Sevilla rebħu f’Mejju li għadda, wara li huwa kien il-protagonista assolut, hekk kif skorja doppjetta personali fir-rebħa ta’ 3-2 fil-finali kontra t-team Ukren, Dnipro

Jekk hawn plejer li bħalissa qed jagħmel il-headlines tal-aħbarijiet relatati mal-futbol internazzjonali, m’hemmx dubju li dan mhu ħadd ħlief l-attakkant Kolumbjan Carlos Bacca. Dan hekk kif l-istess plejer wara żewġ staġuni formidabbli li kellu ma’ Sevilla fi Spanja qed jattira l-interess ta’ bosta clubs ġganti Ewropej fosthom Manchester United u Liverpool tal-Ingilterra, u Roma tal-Italja għalkemm jidher li huwa pass ’il bogħod milli jiffirma b’mod uffiċjali ma’ AC Milan. 

Iżda, jekk wieħed jagħti ħarsa lejn il-ħajja ta’ Carlos Bacca, faċilment dan jista’ jaqlibha f’film li jiġbed l-eluf tal-udjenza. Dan hekk kif huwa xejn ma kellu tfulija faċli fejn trabba f’faqar kbir fil-Kolumbja, u sa ftit snin ilu kien saħansitra kunduttur fuq tal-linja u jbigħ il-ħut fis-swieq ta’ pajjiżu - il-Kolumbja. Jekk nieħdu biss l-aħħar staġun ta’ Carlos Bacca ma’ Sevilla huwa skorja xejn inqas minn goal għalihom fil-Liga Spanjola u seba’ goals fil-UEFA Europa Legue, fosthom doppjetta fil-finali kontra l-Ukreni ta’ Dnipro. 

Li fiha l-Ispanjoli ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2. Iżda t-triq biex dan il-plejer ta’ 28 sena seta’ tabilħaqq jasal sa dan l-istadju xejn ma kienet faċli għalih. Meta Carlos Bacca kien għad kellu biss 20 sena huwa kien għadu jgħix f’raħal twelidu Puerto Colombia fil-kosta tal-Karibew. Huwa lagħab futbol għat-tim lokali ta’ hemmhekk u biex ikollu x’jiekol kien ibigħ il-ħut fis-suq lokali u jaħdem anki bħala kunduttur fuq tal-linja li minn Puerto Colombia kienet tieħdok sa raħal ieħor bl-isem ta’ Barranquilla, li kien nofsiegħa ’l bogħod mir-raħal li fih kien jgħix Carlos Bacca.

L-attakkant internazzjonali Kolumbjan qaleb fuq livell professjonali meta kellu 22 sena, iżda sabha diffiċli biex jgħix il-ħajja ta’ futboler b’mod professjonali u saħansitra kien se jħalli din il-ħajja sakemm sab lil Alla f’ħajtu. 

Fil-fatt illum il-ġurnata tant kemm Carlos Bacca jieħu bis-serjetà l-fidi Kristjana tiegħu kif ukoll il-futbol li rarament joħroġ barra biex jiddeverti ma’ sħabu. Fi kliemu stess ħajtu hija ffukata fuq li jagħmel l-aħjar li jista’ fuq id-diversi doni li ngħataw lilu minn Alla. Huwa ħalla l-Kolumbja fl-2011 biex mar jilgħab fil-kontinent Ewropew fejn ingħaqad ma’ Club Brugge tal-Belġju u żewġ staġuni wara beda avventura ġdida fi Spanja ma’ Sevilla, fejn nistgħu ngħidu li sa issa għamel il-meravilji. 

Meta ngħaqad ma’ Sevilla, ftit stennew li huwa kien se jkun utilizzat mal-ewwel 11 ta’ dan it-tim rebbieħ tal-aħħar żewġ edizzjonijiet tal-UEFA Europa League. Dan speċjalment minħabba l-fatt li lura fl-2013 Sevilla kienu ffirmaw lil Kevin Gamiero mingħand il-Franċiżi Paris Saint-Germain. 

Lura fiż-żmien - Carlos Bacca fil-jiem li fihom kien jaqla’ l-għixien tiegħu esklussivamnet mis-sajd u l-bejgħ tal-ħut fis-swieq lokali ta’ raħal twelidu, Puerto Colombia, fil-kosta tal-Karibew, fil-Kolumbja
Lura fiż-żmien - Carlos Bacca fil-jiem li fihom kien jaqla’ l-għixien tiegħu esklussivamnet mis-sajd u l-bejgħ tal-ħut fis-swieq lokali ta’ raħal twelidu, Puerto Colombia, fil-kosta tal-Karibew, fil-Kolumbja

Madankollu, dan tal-aħħar ftit li xejn impressjona ma’ Sevilla, kuntrarju għal Carlos Bacca, li nistgħu ngħidu li pprovda magna ta’ goals għall-Ispanjoli. Fil-fatt huwa għandu medja ta’ kważi goal f’kull logħba bil-flokk ta’ Sevilla. Iżda l-prestazzjoni tiegħu fil-ground mhix biżżejjed hekk kif huwa joffri ħafna iktar minn hekk. Dan hekk kif permezz tal-eżempju tiegħu huwa kien ta’ ispirazzjoni għal kull plejer u individwu ieħor.

Nirritornaw għall-finali tal-UEFA Europa League, fejn Dnipro, li bla dubju kienu t-tim rivelazzjoni ta’ din il-kompetizzjoni Ewropea matul l-aħħar staġun kellhom rekord difensiv mill-aqwa hekk kif qabel waslu sal-finali kienu sofrew biss ħames goals fi tmien logħbiet.

Madankollu fil-finali sabu ostaklu kbir bl-isem ta’ Carlos Bacca li ħawwad lid-difiża tagħhom u fil-fatt irnexxielu jikkastigahom permezz tal-goals tiegħu għal darbtejn fil-logħba. 

F’kummenti li għadda lill-ġurnal ferm popolari u influwenti Spanjol, Marca, ftit jiem wara din il-finali, meta mistoqsi fuq ħajtu, Carlos Bacca ffoka fuq il-preżent. Dan hekk kif huwa sostna li ġabar lilu nnifsu mill-ħajja miżera li kien qed jgħix fiha u ffoka li jkollu futur aħjar. Fi kliemu n-nies l-kbar mhumiex dawk li jħallu lilhom infushom jegħrqu, iżda dawk li jqumu mill-għarqa iktar b’saħħithom minn qatt qabel. 

Ta’ ispirazzjoni huwa l-fatt li Carlos Bacca ttrasforma lilu nnifsu f’attakkant ta’ fama u klassi mondjali meta beda l-karriera formidabbli tiegħu fil-futbol meta kien diġà kellu 22 sena. U minn dak iż-żmien ’l hawn huwa rnexxielu jirbaħ żewġ edizzjonijiet tal-UEFA Europa League għal sentejn konsekuttivi. 

Barra minn hekk huwa rebaħ l-unur personali tal-Aqwa Plejer mill-Amerika ta’ Isfel, fl-istaġun 2013-14, waqt li kien fl-iskwadra tal-aħħar staġun 2014-15 tal-UEFA Europa League. Għall-fini ta’ statistika huwa lagħab għal 20 darba mat-tim nazzjonali Kolumbjan u skorja seba’ goals. U la qed insemmu t-tim nazzjonali Kolumbjan, fit-Tazza tad-Dinja tas-sena li għaddiet mirbuħa mill-Ġermanja, fl-assenza tal-attakkant prolifiku Falcao, (li matul l-istaġun li ġej, se jkun qed jilgħab ma’ Chelsea), huwa kien inkluż għal 20 minuta flimkien mal-attakkant ta’ Real Madrid, James Rodriguez. 

Iżda jekk matul l-imsemmija Tazza tad-Dinja, l-istess James Rodriguez u Juan Cuadrado ġibdu l-għajn ta’ Real Madrid u Chelsea rispettivament, fi trasferimenti li ammontaw għall-miljuni tal-Ewro, mhux l-istess nistgħu ngħidu għal Carlos Bacca. Iżda l-attakkant Kolumbjan ta risposta lil kulħadd matul dan l-istaġun, hekk kif nistgħu ngħidu li sploda fir-rendiment u l-wirjiet tiegħu, u kien propju għalhekk li huwa ġibed l-interess ta’ bosta clubs li għamlu l-istorja tal-futbol mondjali tul l-aħħar snin. 

Is-segwaċi tal-futbol mondjali jinsabu fuq ix-xwiek u ferm ħerqana biex tabilħaqq jaraw x’se jkun kapaċi jkompli jagħmel Carlos Bacca fil-futur qarib, speċjalment hekk kif kollox qed jindika li fil-jiem li ġejjin, se jkun qed jingħaqad b’mod uffiċjali ma’ AC Milan. 

More in Sports