L-Iżlanda pass ’il bogħod minn Euro 2016 u Malta nibqgħu l-art...

Malta tibqa' barra mill-Euro 2016

It-tim nazzjonali tal-Iżlanda li f’dawn l-aħħar snin għamel il-meravilji fix-xena internazzjonali tal-football
It-tim nazzjonali tal-Iżlanda li f’dawn l-aħħar snin għamel il-meravilji fix-xena internazzjonali tal-football

Sa ftit tas-snin ilu, il-futbol fl-Iżlanda kien l-iktar magħruf għall-modi strambi ta’ kif il-plejers tat-tim mill-istess pajjiż Stjarnan FC kienu jiċċelebraw wara li jiskorjaw, bil-filmati ta’ dawn jilħqu l-miljuni ta’ hits fuq Youtube. 

F’dawn il-filmati kien jidher ġellied li jkun dak il-plejer li jkun għadu kif skorja li taparsi jagħti daqqiet ta’ ponn lil sħabu l-plejers li ftit wara jaqgħu mal-art wieħed wara l-ieħor.

Madankollu, ’il bogħod minn dan m’hemmx dubju li l-uffiċjali tal-futbol fl-Iżlanda kienu qed jieħdu l-affarijiet b’mod mill-iktar serju, fejn ħadmu qatigħ biex jgħollu l-istandards tal-futbol f’dan il-pajjiż ċkejken. Ir-riżultati ta’ dan kollu ġew riflessi fil-wirjiet riċenti tat-team nazzjonali, li jinsab pass ’il bogħod milli jikseb kwalifikazzjoni storika għall-Euro 2016. 

Dan hekk kif jinsab fl-ewwel post ta’ Grupp A fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni, bi 15-il punt, fejn għandu vantaġġ ta’ żewġ punti fuq ir-Repubblika Ċeka, u saħansitra ħames punti vantaġġ fuq it-tim nazzjonali mimli stilel iżda li jinsab biss fit-tielet post - l-Olanda. 

It-tim nazzjonali Islandiż fadallu biss tliet konfronti minn dan il-grupp u għalhekk kollox qed jindika li tabilħaqq l-istess tim se jkun qed jagħmilha għall-ewwel darba fl-istorja għall-Euro 2016, liema kompetizzjoni organizzata mill-UEFA se ssir fi Franza bejn l-10 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Lulju tas-sena d-dieħla.

Għalkemm l-Islanda għandha popolazzjoni ta’ 320,00 ruħ li jfisser popolazzjoni ta’ madwar 80,000 ruħ inqas minn Malta u għalhekk għandha inqas players minn Malta minn fejn tagħżel, l-Islanda rnexxielhom jimpressjonaw bis-sħiħ u saħansitra kienu pass ’il bogħod milli jagħmluha għat-Tazza tad-Dinja li saret is-sena li għaddiet fil-Brażil.

Nistgħu ngħidu li huma għamlu l-mirakli fejn saħansitra kklassifikaw qabel pajjiżi ikbar u iktar ikkwotati fil-futbol bħal m’huma s-Slovenja u n-Norveġja biex spiċċaw fit-tieni post fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni li fih kienu involuti, fejn ġew f’parità kontra t-tim li spiċċa fl-ewwel post f’dan il-grupp jiġifieri l-Iżvizzera wara li kien qed jitlef bl-iscore kbir ta’ 4-1. 

Fl-aħħar mill-aħħar kienu sfortunati li ma rnexxielhomx jiksbu  post stiriku għall-ewwel darba fit-Tazza tad-Dinja li ntrebħet mill-Ġermanja, meta fil-play-off, tilfu kontra t-tim nazzjonali ferm iktar ikkwotat u b’saħħtu tal-Kroazja.

Uffiċjali tal-Federazzjoni tal-Football fl-Islanda saħqu li wieħed mill-akbar żviluppi li saru fil-futbol, f’dan il-pajjiż kien dak li jinbnew ‘full size indoor pitches’, madwar il-pajjiż kollu biex jipproteġu lill-players mill-klima ħarxa li tikkaratterizza lil dan il-pajjiż Nordiku. 

F’kummenti li għadda lill-media sportiva ftit tax-xhur ilu, il-kowċ tal-Islanda Lars Lagerback faħħar bis-sħiħ lill-Federazzjoni tal-Football Islandiża hekk kif stqarr li l-uffiċjali ta’ din il-Federazzjoni għamlu ħafna xogħol, speċjalment meta bnew dawn il-‘full size indoor pitches’.

Huwa kompla jgħid li li llum fl-Islanda wieħed jista’ jitħarreġ u jilgħab il-futbol matul is-sena kollha fejn dan kollu beda minn ħames sa għaxar snin ilu waqt li huwa jaħseb li din hija r-raġuni prinċipali għaliex il-futbol fl-Islanda għamel passi ta’ ġgant ’il quddiem f’dawn l-aħħar snin. Fil-livell tal-‘youths’ il-Federazzjoni Islandiża, il-KSI, poġġiet emfażi fuq logħbiet li fihom ikunu nvoluti inqas plejers biex titjieb it-teknika waqt li kien hemm ukoll sforz biex jiżdied in-numru ta’ kowċis lokali li jippossjedu kwalifikazzjonijiet tal-UEFA. 

Barra minn hekk il-KSI għamlet żgur li tinkludi timijiet f’kompetizzjonijiet ta’ età ristretti kemm fil-futbol tal-irġiel kif ukoll fil-futbol tan-nisa biex b’hekk plejers iżgħar jingħataw iktar spazju li jilagħbu futbol kompetittiv.

U la qed insemmu l-eżempju impressjonanti tal-Islanda, ma nistgħux ma nagħmlux referenza għat-tim nazzjonali Malti li lkoll nifatkru li ftit tas-snin ilu l-istess tim nazzjonali kien jegħleb lill-Islanda f’logħbiet ta’ ħbiberija li kienu jsiru bħala parti mir-‘Rothmans Tournament’ f’pajjiżna. Iżda minn dak iż-żmien ’l hawn, ilkoll nafu kif l-istorja nqalbet ta’ taħt fuq, fejn l-Iżlanda għamlu avvanzi enormi waqt li t-tim nazzjonali għalkemm għamel diversi avvanzi baqa’ jitlef kontra bosta timijiet nazzjonali oħra. Madankollu, ma nistgħux ma nirrimarkawx l-avvanzi kbar li saru fil-futbol Malti grazzi għall-amministrazzjoni preżenti mmexxija fost oħrajn mid-duo ferm ħabrieka Norman Darmanin Demajo u Bjorn Vassallo. 

Biżżejjed wieħed ikun fuq ajruplan u jagħti ħarsa lejn Malta fejn jara numru kbir ta’ grawnds bil-ħaxix naturali u artificjali li saru mill-amministrazzjoni preżenti tal-MFA li jemmnu bis-sħiħ li biex il-futbol Malti jimxi ’l quddiem irid isir investiment kbir fil-klabbs kif fil-fatt qed isir. Però sfortunatament għadna ma lħaqniex il-livelli tal-Islanda, anzi għadna mili ’l bogħod. Min jaf x’se jsir fil-futur? Tgħid se jirnexxielna nilħqu l-livelli tal-Iżlanda? 

More in Sports