Futur fl-Istati Uniti għal Ashley Cole u f’Abu Dhabi għal Gervinho?

Il-plejers ta’ Roma Gervinho u Ashley Cole fl-azzjoni
Il-plejers ta’ Roma Gervinho u Ashley Cole fl-azzjoni

Il-plejer Ingliż ta’ Roma, Ashley Cole, li niftakruh fil-passat riċenti ikollu staġuni mill-aqwa kemm ma’ Chelsea, kif ukoll mat-tim nazzjonali Ingliż, jidher li qed jiġbed l-attenzjoni tat-tim li jimmilita fil-Major Soccer League fl-Istati Uniti, New York City. Dan l-istess klabb ftit tal-ġimgħat ilu assigura s-servizzi tal-player veteran Frank Lampard mingħand Manchester City, liema fatt jista’ tabilħaqq isaħħaħ il-vuċijiet li qed jisħqu li Ashley Cole, jista’ jibda avventura ġdida fl-Istati Uniti. 

Frank Lampard u Ashley Cole jafu lil xulxin sew hekk kif kienu jilagħbu flimkien ma’ Chelsea. Saħansitra, dan it-trasferiment jista’ jkun konkluż fil-jiem li ġejjin, hekk kif fis-sigħat li għaddew id-direttur sportiv ta’ Roma, Walter Sabatini, iltaqa’ b’mod personali mad-diriġenti ta’ New York City. Madanakollu, ma ħarġet l-ebda informazzjoni rigward l-eżitu ta’ din il-laqgħa privata bejn iż-żewġ naħat in kwistjoni. 

Intant, wara staġun li beda tajjeb għal Roma iżda li ntemm kompletament b’mod oppost, jidher li xi plejers importanti se jkunu qed iħallu lill-Gialllorossi fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Fost dawn il-plejers, insibu lill-plejer mill-Kosta tal-Ivorju, Gervinho, fejn forsi b’sorpriża għal xi wħud, dan jidher li se jkun qed ifittex li jibda avventura ġdida fil-karriera tiegħu ma’ Al-Jazira - klabb minn Abu Dhabi. Huma lesti li jħallsu lil Roma s-somma ta’ €14-il miljun biex jakkwistaw is-servizzi ta’ dan il-player ferm veloċi.

Madanakollu, id-Direttur Sportiv ta’ Roma, Walter Sabatini, għadu mhux ċert x’se jkun il-futur ta’ Gervinho u ma ta l-ebda assigurazzjoni lil Al-Jazira, rigward hux se jkunu qed jassiguraw ruħhom minn dan il-player, jew le. Riamrkabbli huwa l-fatt li ma’ Al-Jazira digà hemm plejer ieħor li fil-passat riċenti kien jilgħab ma’ Roma fl-Italja. Dan m’huwa ħadd ħlief l-attakkant prolifiku Montenegrin, imwieled fl-1 ta’Ottubru tal-1983, Mirko Vucinic.

More in Sports