Il-Fifa tiddeċiedi fuq il-futur ta' Sepp Blatter

Il-president kien taħt pressjoni kbira biex jirreżenja wara skandli ta' korruzzjoni fil-Fifa

Il-209 membru tal-Fifa ser jivvutaw għall-president il-ġdid tagħhom f'kungress f'Zurich - dan wara li l-Fifa bħalissa għaddejja minn skandlu enormi ta' korruzzjoni.

Rebħa għal Sepp Blatter, il-kandidat favurit, tkun tfisser il-ħames darba li jiġi elett f'din il-pożizzjoni. Iżda t-taqtigħa qed tiġi missielta wkoll mill-Prinċep Ali bin al-Hussein mill-Ġordan.

Dan il-vot ser jittieħed biss jumejn wara li seba uffiċjali nżammu mill-pulizija f'Zurich f'inkjesta mill-Istati Uniti dwar frodi li rat involuti 14 persuna.

Tul din il-ġimgħa saret pressjoni kbira biex Blatter jirreżenja u ma jerġax jikkontesta, iżda hu sostna li mhux risponsabbli għall-iskandlu u li jrid jiġġieled il-korruzzjoni.

Blatter ta' 79 sena, u l-Prinċep Ali ta' 39 sena għandhom 15-il minuta biex jindirizzaw lid-delegati. Wara dawn id-diskorsi l-assoċjazzjonijiet tal-futbol jibdew jivvutaw. 

Fl-ewwel round kandidat irid iġib 140 vot biex ikun jista' jirbaħ mill-ewwel. Jekk dan ma jiġrix, ikun hemm round ieħor li jintrebaħ skont min iġib il-maġġoranza tal-voti.

More in Sports