Il-korruzzjoni fil-Fifa - Sepp Blatter taħt pressjoni kbira

Il-President tal-Fifa ħabbar li mhux ser jirriżenja
 

Sepp Blatter
Sepp Blatter

Il-President tal-Fifa Sepp Blatter ħabbar li mhux ser jirriżenja mill-pożizzjoni tiegħu. Dan hekk kif indirizza laqgħa t'emerġenza wara li qed tkompli tiżdied il-pressjoni fuqu wara l-iskandli ta' korruzzjoni li nkixfu din il-ġimgħa.

Dan hekk kif seba' uffiċjali tal Fifa ġew arrestati f'Zurich nhar il-Erbgħa wara talba li saret mill-prosekuturi tal-Istati Uniti.

Il-PM tar-Renju Unit David Cameron talab lil Blatter biex jirriżenja, u min-naħa l-oħra l-President Russu qal li qed jagħti l-appoġġ tiegħu lil Blatter sabiex dan jiġi elett għall-istess pożizzjoni għall-ħames darba.

L-elezzjoni presidenzjali ta' nhar il-Ġimgħa ser issir xorta waħda. Fost l-entitajiet li se jattendu hemm il-Uefa, li qed thedded li tagħmel boycott. Il-kap tal-Uefa, Michael Platini talab lil Blatter jirriżenja wara laqgħat t'emerġenza f'Zurich li fihom ħadu sehem is-sitt konfederazzjonijiet internazzjonali.

L-isponsors ewlenin tal-Fifa, inkluż Adidas, Visa u Coca-cola talbu lill-Fifa biex jagħmlu riforma fil-prassi tagħhom. Visa ħarġu stqarrija nhar il-Erbgħa fejn qalu li huma "diżappuntati u mħassba fuq il-Fifa" Qalu li sakemm din ma jkollhiex "prassi etiċi b'saħħithom", Visa diġà infurmawhom li jerġgħu jikkunsidraw l-isponsorship tagħhom.

More in Sports