Tixgħel il-bozza l-ħamra għall-finanzi ta’ numru ta’ klabbs fis-Serie A

Parma, Inter u Roma - tliet klabbs Taljani milquta serjament minn krizi finanzjarja
Parma, Inter u Roma - tliet klabbs Taljani milquta serjament minn krizi finanzjarja

Id-dejn totali ta’ klabbs fis-Serie A matul l-istaġun li għadda żdied għal iktar minn 1.7 biljun Ewro bis-sitwazzjoni fil-klabb li jinsab ankrat fil-qiegħ tal-klassifika tas-Serie A, Parma, hija waħda sintomatika ta’ kampjonat mifni b’diffikulta finanzjarja ġenerali. 

Parma, jinsabu kważi falluti b’salarji lill-players ilhom ma jiġu mħallsa sa minn Lulju li għadda. Madanakollu, investigazzjoni li saret mill-gazzetta Taljana Gazzetta dello Sport ħarġet fil-beraħ li Parma mhumiex l-uniku tim li għandhom problemi finanzjarji serji. Inter u Roma, żewġ ġganti tal-futbol Taljan u mhux biss, għandhom problemi serji ta’ dejn u għalhekk huma suġġetti wkoll għal investigazzjonijiet rigward UEFA Financial Fair Play li jistgħu iwasslu għar-restrizzjonijiet imposti fuqhom fil-kamp Ewropew, matul l-istaġun li ġej. 

Kienu biss sitt timijiet matul il-kampjonat tas-Serie A tas-sena li għaddiet li rnexxielhom inaqqsu l-ispiża totali relatati mas-salarji tal-plejers, bi 12-il team l-ieħor ikollhom żieda meta kkumparat ma’ tliet staġuni ilu. 

Madankollu, il-klabbs kollha apparti Parma rnexxielhom jilħqu deadines b’mod regolari għal pagamenti ta’ salarji u taxxi, għalkemm qamu mistoqsijiet rigward minn fejn dawn il-flus ikunu ġejjin. 

Fil-ħames snin li għaddew, id-dejn totali fis-Serie A żdied b’27 % bl-ikbar sors ta’ flus jasal mid-dħul marbut ma’ drittijiet televiżivi u minn kummerċ li jsir mit-transfer market. 

Dħul minn operazzjonijiet marbuta marbuta mal-logħob tal-ġurnata huwa wieħed li qed jistaġna, jekk mhux qed jonqos b’mod drastiku ukoll f’ċerti każi. Dan nistgħu ukoll inqabbluh ma’ x’qed jiġru fil-futbol Malti.  

Anki Juventus li huma s-sidien tal-istadium tagħhom –il-Juventus Stadium, qed jesperjenzaw telf regolari f’dak li għandu x’jaqsam finanzi. Il-Bianconeri rnexxielhom inaqqsu t-telf tagħhom minn €95.4 miljun fl-2010 għal biss €6.7 miljun matul is-sena li għaddiet, waqt li huma qed jittamaw li jżidu d-dħul tagħhom għall-fatt li huma l-uniku club Taljan li rnexxielu jilħaq l-istadji tan-knockout tal-UEFA Champions League u għalhekk jevitaw li jispiċċaw b’telf fi tmiem l-istaġun 2014-15. 

It-tim immexxi mill-President u imprenditur Taljan Aurelio De Laurentis, Napoli, ilhom jagħmlu profitti għal dawn l-aħħar tmien staġuni konsekuttivi grazzi għall-flus li daħlu mill-UEFA Champions League matul l-istaġun li għadda kif ukoll il-bejgħ ta’ Edinson Cavani għal ma’ Paris St Germain.  Induru għal-Lazio fejn il-fatt li huma naqqsu s-salarji tagħhom għenhom biex jirreġistra profitt matul l-istaġun li għadda, grazzi wkoll għall-bejgħ tal-Brażiljan Hernanes lill-Inter kif ukoll minħabba d-dħul li huma kisbu mill-UEFA Europa League. Jekk nieħdu l-każ ta’ Inter, dan it-trasferiment ta’ Hernanes inkluż, Inter, irreġistraw iktar telf mill-clubs kollha Taljani matul l-istaġun li għadda b’iktar minn 100 miljun Ewro, liema telf il-President tagħhom il-biljunarju Indoneżjan Erick Thohir, jittama li jikkanċella għal kollox tul il-ħames snin li ġejjin. 

Inter qed jagħmlu minn kollox biex isaħħu l-finanzi tagħhom l-iktar billi jbigħu l-brand tagħhom internazzjonalment u li jirnexxielhom jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League billi jtemmu l-kampjonat fit-tielet post – xi ħaġa li hija improbabbli li tiġri speċjalment wara l-aħħar telfa li huma ġarrbu ġewwa darhom fis-San Siro bl-iskor minimu ta’ 1-0 kontra Fiorentina.  Biex inkomplu nitkellmu fuq il-każ ta’ Inter żgur li ma kinitx b’kumbinazzjoni li huma akkwistaw lil Lukas Podolski u Xherdan Shaqiri matul din ix-xitwa b’self. Dan hekk kif jekk huma ma jirnexxielhomx jiksbu post fil-UEFA Champions League, huma jistgħu jibagħtu lil dawn iż-żewġ plejers lil Arsenal u Bayern Munich rispettivament mingħajr ma jkollhom jirreġistraw infiq konsiderevoli matul is-sajf li ġej li mbagħad ma jkunux jistgħu jirkupraw minnu matul l-istaġun ta’ wara. 

Jekk Inter ma jirnexxielhomx jiksbu post lanqas fil-UEFA Europa League, huma jistgħu ikunu kostretti  jbigħu plejers ferm importanti fosthom Mateo Kovacic, Mauro Icardi u Fredy Guarin minflok jikkunsidraw li jsaħħu l-iskwadra tagħhom. B’hekk iż-żmien li huma kienu jikkompetu u anki jirbħu l-UEFA Champions League fis-snin riċenti taħt it-tmexxija tal-‘Ispecial One’, Jose Mourinho, jidhru biss memorja distanti. 

More in Sports