Parma jixxukkjaw lil Juventus u Arsenal jikkonsolidaw it-tieni post

L-awtur tal-gowl spettakolari għal Parma Jose Mari f’konfrint għall-ballun mal-plejer ta’ Juventus, Kingsley Coman
L-awtur tal-gowl spettakolari għal Parma Jose Mari f’konfrint għall-ballun mal-plejer ta’ Juventus, Kingsley Coman

Fil-Kampjonat Taljan Serie A TIM, kellna fost l-iktar riżultati sorprendenti tal-istaġun, meta Parma li jinsabu falluti u destinati li jkunu relegati għall-Kampjonat tas-Serie B fi tmiem l-istaġun, ġewwa darhom fi Stadio Tardini għelbu lil Juventus li jinsabu favoriti netti li jirbħu l-Kampjonat tas-Serie A, bl-iskor minimu ta’ 1-0. 

Il-gowl uniku u tant importanti għal Parma wasal b’mod spettakolari minn Jose Mauri fil-61 minuta. Intant, f’logħba oħra, Genoa ġewwa darhom fi Stadio Marassi għelbu lil Cagliari bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ gowls għalihom jaslu minn Mbaye Niang u Iago Falque, f’temp ta’ sitt minuti biss. 

Fil-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilerra, Arsenal barra minn darhom għelbu lil Burnley bl-iskor minimu ta’ 1-0, biex komplew jikkonsolidaw it-tieni post fil-klassifika, bil-gowl uniku tagħhom fil-logħba jasal minn Aaron Ramsey wara biss 12 -il minuta logħob.

Aaron Ramsey jiskorja d-disa’ gowl tiegħu mal-Gunners tul dan l-istaġun, fit-12-il minuta kontra Burnley
Aaron Ramsey jiskorja d-disa’ gowl tiegħu mal-Gunners tul dan l-istaġun, fit-12-il minuta kontra Burnley

Aston Villa barra minn darhom f’White Hart Lane ħasdu lil Tottenham Hotspur meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl għalihom jasal minn daqqa ta’ ras tal-attakkant prolifiku Belġjan, Christian Benteke, fil-35 minuta. Tajjeb ngħidu li Aston Villa temmew il-konfront jilagħbu b’10 plejers meta tkeċċa għalihom il-plejer Carlos Sanchez wara li rċieva żewġ karti sofor fil-logħba. 

Southampton ġewwa darhom għelbu lil Hull City bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ gowls għalihom jaslu minn Victor Wanyama u minn penalty ta’ Jamie Ward-Prowse. Crystal Palace barra minn darhom kisbu rebħa impressjonanti ta’ 4-1 kontra Sunderland, bl-erba’ gowls għalihom jaslu minn hat-trick ta’ Yannick Bolasie, li niftakruh jilgħab ma’ Floriana fil-Kampjonat BOV Premier f’pajjiżna, waqt li l-gowl l-ieħor għalihom wasal minn Glenn Murray fit-48 minuta. 

Min-naħa l-oħra l-gowl uniku għal Sunderland fil-logħba wasal minn Connor Wickham propju fid-90 minuta. Fil-konfroimt bejn WBA u Leicester City, rajna xejn inqas minn ħames gowls b’Leicester City ikunu huma li joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2. It-tielet gowls għalihom waslu minn David Nugent, Robert Huth u Jamie Vardy fid-90 minuta. 

Min-naħa l-oħra ż-żewġ gowls għal WBA wasku minn Darren Fletcher u Craig Gardner rispettivament. Swansea City u Everton temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1 bil-gowl għal Swansea City jasal minn penalty ta’ Jonho Shelvey fid-69 minuta waqt li kienu Everton li fetħu l-iskor permezz ta’ Aaron Lennon fil-41 minuta. 

Bl-istess skor intemm il-konfront bejn West Ham United u Stoke City b’Aaron Cresswell ikun huwa li jiftaħ l-iskor għall-Hammers wara biss seba’ minuti logħob, iżda Marko Arnautovic ġab l-iskor indaqs għal Stoke City propju fid-90 minuta. 

More in Sports