Hamilton ikompli jiddomina u jikseb l-40 pole tal-karriera tiegħu fil-Malasja

Lewis Hamilton fl-azzjoni fiċ-ċirkwit imxarrab ta’ Sepang, fil-Malasja
Lewis Hamilton fl-azzjoni fiċ-ċirkwit imxarrab ta’ Sepang, fil-Malasja

Iċ-champion tad-dinja tal-F1, il-Brittaniku, Lewis Hamilton, ilbieraħ kiseb l-40 pole position fil-karriera mill-aqwa tiegħu fil-F1 meta kiseb l-aħjar ħin fil-Malasja u b’hekk illum se jkun qed jibda fl-ewwel post fil-GP tal-Malasja li se jsir fiċ-ċirkwit ta’ Sepang. Din il-pole position kienet ikaraterizzata minn maltempati kostanti bir-ragħad, sajjetti ma jaqtgħu xejn u xita kontinwa, iżda jidher li ħadd u xejn ma jista’ jwaqqaf lil Lewis Hamilton fil-F1. Fl-aħħar sekondi ta’ din il-pole, is-sewwieq Ġermaniż tal-Ferrari, Sebastian Vettel, resaq viċin li jikseb l-pole position għas-spejjeż ta’ Hamilton, iżda huwa ma rnexxielux jikseb dan għal biss frazzjonijiet ta’ sekonda. Tajjeb ngħidu li fit-tieni fażi ta’ kwalifikazzjoni, Hamilton, deher li kien qed jaffronta xi problemi meta nfetħu bwieb is-sema għall-ewwel darba matul din il-pole, iżda huwa rnexxielu jirkupra sew biex finalment kien huwa li rnexxielu jikseb l-aħjar ħin fost sħabu s-sewwieqa.

Sieħeb Hamilton fuq Mercedes, Nico Rosberd, kiseb riżultat kemxejn diżappuntanti hekk kif illum se jkun qed jibda biss mit-tielet post tal-gradwatorja. Madanakollu, Rosberg qatt ma ta sfida denja lil Hamilton hekk kif is-sewwieq champion tad-dinja kien għal kollox superjuri minn Nico Rosberg, minkejja l-kundizzjonijiet klimatiċi xejn favorevoli għal Hamilton. Rimarkabbli huwa l-fatt li din kienet l-ewwel darba minn għaxart itlielaq li Mercedes mhux se jkunu qed jibdew mill-ewwel żewġ postijiet tal-GP. Il-karozzi Red Bull misjuqa mid-duo, Daniel Ricciardo u Daniil Kvyat se jkunu qed jibdew mir-raba’ u l-ħames post rispettivament, waqt li l-Mclaren, għal darb’oħra reġgħu ddiżappuntaw wara li naqsu milli jiksbu riżultat pożittiv anzi ddeludew bil-kbir. Dan hekk kif id-duo ta’ sewwieqa tagħhom ta’ ċertu isem, Jenson Button u Fernando Alonso se jkunu qed jibdew biss mis-17 u t-18 -il post rispettivament, fejn se jkunu biss il-karozzi mhux daqstant ta’ kalibru, Marussia Manors, li se jkunu qed jibdew warajhom.

Intant, dawn huma l-postijiet li minnhom se jkunu qed jibdew is-sewwieqa tal-F1 illum fiċ-ċirkwit ta’ Sepang, fil-Malasja: 

1    Lewis Hamilton        Mercedes

2    Sebastian Vettel        Ferrari

3    Nico Rosberg        Mercedes

4    Daniel Ricciardo        Red Bull Racing

5    Daniil Kvyat        Red Bull Racing

6    Max Verstappen        Toro Rosso

7    Felipe Massa        Williams

8    Romain Grosjean        Lotus

9    Valtteri Bottas        Williams

10    Marcus Ericsson        Sauber

11    Kimi Raikkonen        Ferrari

12    Pastor Maldonado        Lotus

13    Nico Hulkenberg        Force India

14    Sergio Perez        Force India

15    Carlos Sainz        Toro Rosso

16    Felipe Nasr        Sauber

17    Jenson Button        McLaren

18    Fernando Alonso        McLaren

More in Sports