Falcao se jkollu jistenna sa Mejju biex ikun jaf il-futur tiegħu mal-United

Il-plejer internazzjonali Kolumbjan ta’ fama mondjali Radamel Falcao se jkollu jistenna sa Mejju li ġej biex ikun jaf il-futur tiegħu ma’ Manchester United. 

Dan hekk kif l-amministrazzjoni tar-Red Devils trid tara jekk tagħmilx it-trasferiment ta’ Falcao magħhom bħala wieħed permanenti, bil-manager Louis van Gaal determinat li ma jiħux deċiżjonijiet rigward dan qabel Mejju.

L-attakkant sabha diffiċli biex jintegra ma’ Manchester United u jsib il-forma mixtieqa minnu sa minn mindu ngħaqad mal-United b’self mingħand AS Monaco għas-somma ta’ 16–il miljun Sterlina. 

Jekk United iridu jżommu lil Falcao magħhom huma jridu jħallsu s-somma ta’ 43 miljun Sterlina, u għalhekk kollox jiddependi mill-plejer Kolumbjan biex juri xi jsarraf bil-flokk tat-tim minn Old Trafford meta fadal biss 11–il logħba għat-tmiem tal-kampjonat. 

Sa minn meta skorja l-ewwel gowl tiegħu mal-United kontra Everton f’Ottubru li għadda, Falcao rnexxielu jiskorja biss erba’ goals f’20 dehra għat-tim immexxi mill-Olandiż, Louis van Gaal. Dan kollu flimkien mal-wirjiet ferm fqar li Radamel Falcao dan l-aħħar mar-Red Devils qed jindika li tkun tabilħaqq sorpiża jekk Manchester United jiffirmawh għal kollox. 

More in Sports