Burnley jegħlbu lil Manchester City wara iktar minn 40 sena

Burnley ixxukkjaw lil Manchester City meta ġewwa darhom għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl waħdieni tagħhom fil-logħba jasal minn George Boyd fil-61 minuta. Huma kienu ilhom ma jegħlbu lill-Blues għal iktar minn 40 sena.

George Boyd jiċċelebra bil-kbir wara li permezz tal-gowl tiegħu ta rebħa storika lil Burnley kontra Manchester City
George Boyd jiċċelebra bil-kbir wara li permezz tal-gowl tiegħu ta rebħa storika lil Burnley kontra Manchester City

 B’hekk issa t-tamiet tas-City li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat huma prattikament mitmuma hekk kif huma jinsabu ħames punti taħt il-leaders Chelsea għalkemm lagħbu żewġ logħbiet iktar mit-team immexxi mill-iSpecial One, Josè Mourinho. 

Arsenal ġewwa darhom fl-Emirates Stadium għelbu lil West Ham United bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0 bit-tliet gowls għalihom jaslu minn Olivier Giroud, Aaron Ramsey u Mathieu Flamini. Aston Villa kisbu rebħa impressjonanti ta’ 4-0 barra minn darhom kontra Sunderland bil-gowls għalihom jaslu minn żewġ doppjetti ta’ Christian Benteke u Gabriel Agbonlahor. 

Crystal Palace ġewwa darhom għelbu lil Queens Park Rangers bl-iskor ta’ 3-1 bil-gowls għalihom jaslu minn Wilfried Zaha, James McArthur u Joel Ward. Min-naħa l-oħra l-gowl waħdieni għal Crystal Palace wasal minn Matthew Phillips fit-83 minuta. 

West Bromwich Albion ġewwa darhom għelbu lil Stoke City bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl uniku tagħhom fil-logħba jasal minn Brown Ideye fl-20 minuta. Leicester City u Hull City temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ mingħajr gowls. 

Intant, mill-Kampjonat Taljan Serie A TIM, Juventus komplew jersqu iktar viċin tar-rebħ tal-kampjonat meta barra minn darhom fi Stadio Barbera għelbu lil Palermo bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl uniku tagħhom fil-logħba jasal minn bravura ta’ Alvaro Morata fis-70 minuta bl-istess plejer Spanjol jiġi ammonit 10 minuti biss wara. 

More in Sports