It-Tazza tad-Dinja 2022 jaf taħbat fi żmien il-Milied

Id-dati għat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar se jimxu għal matul Novembru u Diċembru

Il-FIFA qed tirrakomanda li t-Tazza tad-Dinja fil-Qatar issir matul Novembru u Diċembru dan minħabba li jekk it-Tazza tad-Dinja ssir fis-sajf, kif jiġi ssoltu, dan jista' jipperikola l-ħajja tal-players u s-supporters li jżuru l-pajjiż waqt l-avveniment.

Uffiċjali ltaqgħu f'Doha, il-kapitali tal-Qatar u ddiskutew id-dati tat-Tazza tad-Dinja. Fis-sajf, it-temperatura f'Qatar titla' għal 40 grad Celsius waqt li f'Novembru u Diċembru tkun madwar 25 grad Celsius.

Din ir-rakomandazzjoni hi mistennija li tkun ratifikata mill-kumitat eżekuttiv tal-FIFA f'Zurich bejn id-19 u l-20 ta' Marzu.

Il-kap tat-taskforce tal-FIFA Sheikh Salman bin Ebrahim Al-Khalifa ssuġġerixxa li t-Tazza tad-Dinja tiqsar bi ftit jiem. S'issa hemm diġà spekulazzjonijiet li l-logħob se jibda fis-26 ta' Novembru u l-finali tkun fit-23 ta' Diċembru.

Jidher li dan iż-żmien kien l-iktar żmien favorevoli hekk kif f'Jannar u Frar il-logħob jaħbat mal-Olimpjadi tax-xitwa... jekk isir iktar tard, jibda r-Ramadan, li fl-2022 se jibda fit-2 t'April u jekk isir bejn Mejju u Settembru, t-temperaturi fil-Qatar ikunu sħan wisq għall-isportivi u anke għall-viżitaturi.

More in Sports