Liverpool idawru telfa f’rebħa u jagħmluha għas-sitt rawnd tal-FA Cup

Liverpool irnexxielhom idawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Crystal Palace biex b’hekk irnexxielhom jikkwalifikaw għas-sitt rawnd tal-FA Cup

Liverpool irnexxielhom idawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 kontra Crystal Palace biex b’hekk irnexxielhom jikkwalifikaw għas-sitt rawnd tal-FA Cup fl-Ingilterra. Il-gowls għar-Reds waslu minn Daniel Sturrtidge u Adam Lallana f’temp ta’ tmien minuti waqt li kienu Crsytal Palace li fetħu l-iskor kmieni fil-logħba eżattament fis-16-il minuta permezz ta’ Fraizer Campbell. 

West Bromwich Albion issorprendew meta kisbu rebħa kbira ta’ 4-0 konta West Ham United bil-gowls għalihom jaslu minn doppjetta ta’ Brown Ideye u gowls ta’ James Morrison u Saido Berahino. Tajjeb ngħidu li l-Hammers spiċċaw jilagħbu b’10 plejers meta fis-70 minuta tkeċċa għalihom il-plejer Morgan Amalfitano. 

Blackburn Rovers ġewwa darhom għelbu l-isfida ta’ Stoke City bl-iskor kbir ta’ 4-1 bil-gowls għalihom jaslu minn hat-trick ta’ Joshua King u minn penalty ta’ Rudy Gestede. Stoke City lagħbu nofs il-logħba b’10 plejers meta tkeċċa għalihom il-plejer Geoff Cameron fil-45 minuta. Kienu propju Stoke City li kienu fetħu l-iskor wara biss 10 minuti logħob permezz tal-plejer veteran, Peter Crouch.  

Reading barra minn darhom għelbu lil Derby County bl-iskor ta’ 2-1 biż-żewġ gowls tagħhom jaslu minn Hal Robson-Kanu u Aiyegbeni Yakubu. Darren Bent kien ġab l-iskor indaqs momentarjament fis-60 minuta. Derby County spiċċaw jilagħbu b’10 plejers fil-logħba wara li tkeċċa għalihom il-plejer Stephen Warnock wara li rċieva żewġ karti sofor f’temp ta’ ftit minuti fl-ewwel taqsima. 

Intant, mill-Kampjonat Taljan Serie A TIM, Fiorentina barra minn darhom kisbu rebħa tajba ta’ 3-1 fuq Sassuolo bil-gowls għalihom jaslu minn doppjetta ta’ Khouma Babacar u gowl waħdieni ta’ Mohamed Salah man-nofs siegħa logħob. Min-naħa l-oħra l-gowl waħdieni ta’ Sassuolo wasal mis-solitu Domenico Berardi fis-67 minuta.

More in Sports