Newcastle United jixxukkjaw lil Chelsea

Queens Park Rangers ġewwa darhom għelbu lil Burnley bl-iskor ta’ 2-0

Newcastle United ġewwa darhom f’St James Park ixxukkjaw lil-leaders tal-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra Chelsea meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1 għalkemm spiċċaw il-logħab b’10 plejers meta tkeċċa għalihom il-plejer Steven Taylor wara li rċieva żewġ karti sofor fil-logħba. Għall-Magpies irnexxielu jsib ix-xibka darbtejn is-sostitut Papiss Ciss fis-57 u fid-79 minuta rispettivament. 

Min-naħa l-oħra l-plejer veteran ta’ Chelsea Didier Drogba naqqas il-marġni tal-iskor għall-Blues fit-83 minuta. Chelsea xorta waħda għadhom jokkupaw il-quċċata tal-klassifika meta għandhom 36 punt – 3 punti biss vantaġġ fuq Manchester City. Dan hekk kif Manchester City ġewwa darhom fl-Etihad Stadium kisbu rebħa minima ta’ 1-0 bil-gowl waħdieni tagħhom jasal minn penalty ta’ Yaya Toure fl-24 minuta. 

Queens Park Rangers ġewwa darhom għelbu lil Burnley bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ gowls tagħhom jaslu minn Leroy Fer u Charlie Austin fil-51 u fl-74 minuta rispettivament. Tajjeb ngħidu li l-iskorer tat-tieni gowl għal QPR Charie Austin safa mkeċċi fis-76 minuta wara li rċieva żewġ karti sofor f’temp ta’ tliet minuti biss. Fil-konfront bejn Stoke City u Arsenal rajna xejn inqas minn ħames gowls bi Stoke City ġewwa darhom sorprendentamet joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2 meta għal ħin twil kienu 3-0 minn fuq. 

It-tliet gowls għalihom waslu minn Peter Crouch, Bojan Krkic u Jonathan Walters. Min-naħa l-oħra ż-żewġ gowls għall-Gunners waslu minn penalty ta’ Santi Cazorla u Aaron Ramsey f’temp ta’ biss żewġ minuti. Arsenal temmew il-logħba jilagħbu b’10 plejers wara li tkeċċa għalihom il-plejer Calum Chambers hekk kif irċieva żewġ karti sofor fil-logħba eżattament fil-61 u fit-78 minuta rispettivament. Ilbieraħ tliet logħbiet intemmew f’parità ta’ mingħajr gowls. Dawn kienu l-logħbiet bejn Hull City u WBA, Tottenham Hotspur u Crystal Palace u Liverpool u Sunderland. 

Intant fil-Kampjonat Taljan Serie A TIM, Roma ddiżappuntaw meta ġewwa darhom fi Stadio Olimpico fallew milli jnaqsu d-distakk minn mal-leaders Juventus wara li b’mod sorprendenti sfaw miżmuma f’parità ta’ 2-2 mit-tim inferjuri ta’ Sassuolo li ironikament huma mmexxija mill-eks plejer ta’ Roma Eusebio di Francesco. 

Iż-żewġ gowls għal Sassuolo waslu minn doppjetta tal-plejer internazzjonali Taljan u li qed ikollu staġun mill-aqwa ma’ dan it-tim żgħir, Simone Zaza, f’temp ta’ biss tliet minuti. Min-naħa l-oħra ż-żewġ gowls għal Roma waslu minn doppjetta ta’Adam Ljajic b’wieħed miż-żewġ gowls jasal minn penalty. Tajjeb ngħidu li ż-żewġ timijiet temmew il-logħba b’10 plejers meta l-captain Daniele De Rossi tkeċċa għal Roma waqt li Simone Vrjsalko tkeċċa għal Sassuolo.

More in Sports