L-Ingliżi jdawru telfa f’rebħa komda u jikkonsolidaw posthom fil-quċċata ta’ Grupp E

Il-gowls għall-Ingliżi waslu minn penalty ta’ Wayne Rooney u doppjetta ta' Danny Wellbeck

Wara li kien minn taħt, it-tim nazzjonali Ingliż irnexxielu jdawwar telfa f’rebħa meta ġewwa daru f’Wembley Stadium għeleb lill-Islovenja bl-iskor ta’ 3-1. Il-gowls għall-Ingliżi waslu minn penalty ta’ Wayne Rooney li kien qed jilgħab il-100 logħba tiegħu bil-flokk tat-tim nazzjonali Ingliż kif ukoll minn doppjetta tal-plejer ta’ Arsenal, Danny Wellbeck. 

L-iSlovenja kienu fetħu l-iskor permezz ta’ awto-gowl tal-plejer ta’ Liverpool, Jordan Henderson li għola biex jipprova jikklerja l-ballun minn freekick ta’ plejer tas-Slovenja iżda minflok permezz ta’ daqqa ta’ ras tefa’ fix-xibka tiegħu stess. B’hekk l-Ingliżi kkonsolidaw posthom fil-quċċata ta’ Grupp E meta għandhom rekord perfett ta’ 12 –il punt minn erba’ logħbiet. 

Permezz tad-doppjetta tiegħu Wellbeck jinsab fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers tal-Gruppi kollha ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 b’ħames gowls minn erba’ logħbiet. Min-naħa l-oħra l-captain tat-tim nazzjonali Ingliż, Wayne Rooney, permezz tal-gowl li rnexxielu jiskorja lbieraħ minn penalty, skorja tliet gowls minn daqstant logħbiet.

F’logħba oħra mill-istess Grupp, San Marino u l-Estonja temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ mingħajr gowls. Minn Grupp C, kif mistenni l-Ukrajna ma sabu l-ebda diffikultà biex barra minn darhom għelbu lil-Lussemburgu bl-iskor ta’ 3-0 bil-gowls għalihom jaslu kollha kemm huma minn tripletta ta’ Andriy Yarmolenko. 

Minn Grupp G kellna żewġ logħbiet li ntemmew bl-istess skor minimu ta’ 1-0. Dan hekk kif l-Awstrija ġewwa darhom għelbu lir-Russja bil-gowl uniku tagħhom fil-logħba jasal minn Rubin Okotie fit-73 minuta waqt li Liechtenstein barra minn darhom kisbu tliet punti prezzjużi, meta sorprendentament barra minn darhom għelbu lil Moldova bil-gowl tagħhom jasal minn Franz Burgmeier, fl-74 minuta. 

More in Sports