Chelsea jiftħu vantaġġ ta’ 8 punti fuq Manchester City

Manchester City barra minn darhom ġew miżmuma f’parità diżappuntanti ta’ 2-2 kontra Queens Park Rangers

8 punti fuq Manchester City meta barra minn darhom f’Anfield għelbu lil Liverpool bl-iskor ta’ 2-1 biex dawru telfa f’rebħa meta kienu gowl minn taħt. Dan hekk kif kien Emre Can li fetaħ l-iskor għar-Reds waqt li Gary Cahill ġab l-iskor indaqs għall-Blues u Diego Costa skorja l-gowl tar-rebħa għat-tim immexxi minn Josè Mourinho fis-67 minuta. 

B’hekk Chelsea kkonsolidaw posthom fil-quċċata tal-klassifika meta issa għandhom 29 punt li jfissru vantaġġ ta’ xejn inqas minn 15-il punt fuq Liverpool li jinsabu fit-tmien post. Tajjeb ngħidu li din kienet il-ħames telfa fil-kampjonat għar-Reds. Dan ir-riżultat kompla jindika l-bidu diżastruż li kellhom Liverpool f’dan l-istaġun li jidher li għadhom ma rkuprawx psikoloġikament wara t-telf tal-kampjonat tal-istaġun li għadda li spiċċa ntrebaħ minn Manchester City. 

Jidher ukoll li l-partitarji tar-Reds xejn mhuma kuntenti bil-coach Brendan Rodgers speċjalment wara li nhar it-Tlieta li għadda għażel li jilgħab bir-riservi kontra l-ġganti Spanjoli Real Madrid f’liema logħba Liverpol tilfu bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-goal waħdieni għall-Galacticos jasal mill-plejer internazzjonali Franċiż, Karim Benzema. 

Manchester City barra minn darhom ġew miżmuma f’parità diżappuntanti ta’ 2-2 kontra Queens Park Rangers bil-gowls għas-City jaslu minn doppjetta tas-solitu Sergio Aguero waqt li ż-żewġ gowls għal QPR waslu minn Charlie Austin u minn awto-gowl tal-plejer Martin Demichelis. 

Manchester United ġewwa darhom f’Old Trafford irritornaw għar-rebħ iżda ma impressjonawx meta għelbu lil Crystal Palace bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl uniku tagħhom jasal minn Juan Mata. Ħafna segwaċi tar-Red Devils matul dan l-istaġun stennew li jaraw wirjiet u riżultati iktar pożittivi mit-tim tagħhom, speċjalment wara l-akkwisti ta’ Falcao, Danny Blind u speċjalment ta’ Louis Van Gaal bħala kowċ iżda sfortunatament dawn sa issa baqgħu diżillużi bil-kbir. 

Southampton komplew bis-serje ta’ riżultati pożittivi tagħhom u bil-kampjonat mill-aqwa li qed ikollhom meta ġewwa darhom kisbu rebħa ta’ 2-0 biż-żewġ gowls tagħhom jaslu minn doppjetta ta’ Shane Long. 

Tajjeb ngħidu li huma jinsabu fit-tieni post tal-klassifika b’25 punt, erba’ punti biss distakk minn Chelsea. Din hija l-aħjar pożizzjoni okkupaw Southampton f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. F’konfront min-naħat ta’ isfel tal-klassifika, Burnley ġewwa darhom għelbu lil Hull City bl-iskor ta’ 1-0 bil-gowl waħdieni tagħhom jasal minn Ashley Barnes fil-50 minuta. Intant, il-konfront bejn West Ham United u Aston Villa intemm f’parità ta’ mingħajr gowls.  

More in Sports