Juventus waħedhom fil-quċċata tas-Serie A

San Paolo fost sigurtà qawwija għelbu lir-rivali Roma bl-iskor ta’ 2-0

Fil-Kampjonat Taljan Serie A TIM, Juventus jinsabu waħedhom fil-quċċata meta s-Sibt barra minn darhom għelbu lil Empoli bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu minn freekick mill-isbaħ mogħti mill-ispeċjalista Andrea Pirlo kmieni fit-tieni taqsima u minn Alvaro Morata. F’logħba oħra ferm importanti mill-istess kampjonat Napoli ġewwa darhom fl-iStadio San Paolo fost sigurtà qawwija għelbu lir-rivali Roma bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Higuain u Callejon, wieħed kull taqsima. 

Intant, fil-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra, Newcastle United ġewwa darhom f’St James Park kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Liverpool biex b’hekk komplew ikabbru l-problemi tar-Reds bil-gowl għall-Magpies jasal minn Ayoze fl-74 minuta. Arsenal ġewwa darhom fl-Emirates Stadium kisbu rebħa importanti ta’ 3-0 fuq Burnley bil-gowls għall-Gunners jaslu minn doppjetta ta’ Alexis Sanchez u gowl ta’ Calum Chambers. Chelsea ġewwa darhom fi Stamford Bridge kisbu rebħa mqanżħa ta’ 2-1 fuq Queens Park Rangers bil-gowls għall-Blues jaslu minn Oscar u minn penalty tal-Belġjan Eden Hazard b’Charlie Austin kien ġab id-draw momentarju għall-QPR. 

Southampton barra minn darhom għelbu lil Hull City bl-iskor minimu ta’ 1-0 bil-gowl waħdieni tagħhom jasal minn Victor Wanyama wara biss tliet minuti logħob. Bl-istess skor intemm il-konfront bejn West Bromwich Albion u Leicester City b’WBA joħorġu rebbieħa bil-gowl waħdieni tagħhom jasal minn awto-gowl ta’ Esteban Cambiasso fis-47 minuta. 

Stoke City u West Ham United temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 2-2 bil-gowls għal Stoke City jaslu minn Victor Moses u Diouf waqt li ż-żewġ gowls għal West Ham United waslu minn Enner Valencia u Stewart Downing. Intant, Everton u Swansea City temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ mingħajr gowls. 

More in Sports