Manchester City jitilgħu fit-tieni post u Liverpool jirritornaw għar-rebħ

Manchester City jgħelbu lil Aston Villa bi 2-0 barra minn darhom

Manchester City telgħu fit-tieni post tal-Kampjonat Barclays Premier fl-Ingilterra hekk kif barra minn darhom għelbu lil Aston Villa bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu l-ewwel mill-attakkant prolifiku mill-Kosta tal-Ivorju, Yaya Toure, li skorja fl-aħħar ħinijiet tal-logħba eżattament fit-82 minuta waqt li Sergio Aguero rnexxielu jsib ix-xibka sitt minuti biss wara.  

Permezz ta’ din ir-rebħa importanti, il-Blues issa għandhom 14-il punt, u jinsabu żewg punti distakk mil-leaders Chelsea li iżda għandhom logħba inqas hekk kif ikunu impenjati llum ġewwa darhom fi Stamford Bridge kontra Arsenal. 

Liverpool irritornaw għar-rebħ meta ġewwa darhom f’Anfield għelbu lil West Bromwich Albion bl-iskor ta’ 2-1. Għalihom irnexxielhom isibu x-xibka Adam Lallana u Jordan Henderson wara li Saido Berahino kien ġab parità momentarja għal WBA minn penalty fis-56 minuta. Hull City ġewwa darhom għelbu lil Crystal Palace bl-iskor ta’ 2-0 bil-gowls għalihom jaslu minn Mohamed Daime u mill-Kroat Nikica Jelavic.

Sunderland ġewwa darhom għelbu lil Stoke City bl-iskor ta’ 3-1 bil-gowls għalihom jaslu minn Wickham u doppjetta ta’ Fletcher waqt li l-gowl uniku għal Stoke City fil-logħba waslu minn Charlie Adam wara kwarta logħob. 

Leicester City u Burnley temmew il-konfront ta’ bejniethom f’parità ta’ 2-2 bil-gowls għal Leicester City jaslu minn Schlupp u Mahrez waqt li ż-żewġ gowls għal Burnley waslu minn Kightly u Wallace. 

Bl-istess skor intemm il-konfront bejn Swansea u Newcastle United fejn Wilfried Bony u Wayne Routledge irnexxielhom isibu x-xibka għal Swansea City waqt li l-gowl għall-Magpies waslu minn doppjetta ta’ Papiss Cisse.

Intant, fl-Italja, Hellas Verona, ġewwa darhom kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fuq Cagliari bil-gowl uniku għalihom jasal minn Tachtsidis fid-89 minuta.  

More in Sports